Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni tal-Ftuħ tal-Viżta Pastorali 2024-2025 fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Inġbarna hawnhekk illejla – saċerdoti, kappillani, Kapitlu tal-Katidral, saċerdoti oħra tal-parroċċi, flimkien magħkom il-membri tal-għaqdiet u attivi fid-Djoċesi – biex ilkoll flimkien nagħmlu talba waħda ħierġa mill-qalb lil Alla tagħna: ngħidulu biex matul din is-Sena Pastorali, li fiha se ssir il-Viżta fil-parroċċi, ikun iktar qrib tal-familji tagħna, inħossuh iktar qrib tal-problemi u d-diffikultajiet tagħna, tal-persuni li għaddejjin minn inkwiet tal-qalb, tal-ġisem, tar-relazzjonijiet. Għalhekk qegħdin hawn illejla: biex nagħmlu din it-talba qawwija lil Alla l-Missier tagħna, ħierġa mill-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna.
Din it-talba se tiltaqa’ max-xewqa kbira li għandu Alla li jkun magħna. Alla ma jafx joqgħod waħdu. Alla għamilna u ħalaqna, biex ikun jista’ u jkollu lil xi ħadd lil min iħobb… biex iħobbna. U kull wieħed u kull waħda minna importanti għalih, bħalma kull wieħed mill-ulied hu importanti għall-omm u għandu min-naħa tagħha attenzjoni partikolari, unika, speċjali. Din hi l-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed u kull waħda minna.
Il-Qari tal-lum (Num 11:25-29; Ġak 5:1-6; Mk 9:38-43,45,47-48) jgħinna f’dan kollu. Jgħinna nindunaw li l-Ispirtu ta’ Alla mhux qiegħed biss fuqna s-saċerdoti, il-membri tal-għaqdiet, dawk li nattendu għall-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, l-Insara prattikanti; imma qiegħed ukoll fuq Eldad u Medad, kif qalilna l-Ewwel Qari mill-Ktieb tan-Numri. Min huma Eldad u Medad? Ġożwè ħa għalih u għer: kif jista’ jkun li t-tajjeb jistgħu jagħmluh ukoll dawk li mhumiex parti mill-komunità, dawk li mhumiex fil-kamp? Fl-Ewwel Qari smajna li dawk li kienu fil-kamp, is-sebgħin xiħ, li qasmu mal-ispirtu ta’ Mosè, “bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx” (v. 25), bdew jitkellmu f’isem Alla u ma komplewx. Imma l-oħrajn, Eldad u Medad, li kienu barra mill-kamp, baqgħu jipprofetizzaw. U għalhekk Ġożwè ħa għalih. Hawnhekk toħroġ l-espressjoni qawwija ta’ Mosè: “Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti” (v. 29), jalla l-poplu kollu tal-Mulej jitkellem f’isem il-Mulej.
Xi jfisser dan għalina? Il-Knisja f’Għawdex, imma mhux aħna biss, mhux il-parroċċa tagħna biss u dawk li jiffrekwentawha, li jattendu. Hemm Eldad u Medad, mhux wieħed u tnejn. Illum il-ġurnata hemm mijiet fil-parroċċi tagħna illi l-Ispirtu ta’ Alla qiegħed fuqhom ukoll, u huma wkoll parti minn din il-komunità, mill-poplu ta’ Alla.
Allura, fid-dawl tal-Qari tal-lum, kif għandha tkun l-imġiba tagħna lejn dawn Eldad u Medad? Noqogħdu attenti, għax jista’ jiġrilna bħal Ġwanni, li llum hu qaddis. Ġwanni – ‘Boanerges’, ulied ir-ragħad – meta ra lil xi ħadd ieħor li ma kienx wieħed minnhom u magħhom qiegħed jagħmel il-mirakli u l-eżorċiżmi, qiegħed joħroġ ix-xjaten, mar fuq Ġesù u qallu: ‘Dan inwaqqfuh! Dan mhux wieħed minna, mhux magħna’. Noqogħdu ftit attenti, għax xi kultant, forsi bejnietna – anki aħna l-membri tal-għaqdiet, is-saċerdoti, il-membri tal-parroċċi – inħossu li l-għaqda tiegħi l-aħjar u l-aqwa, il-parroċċa tiegħi l-aħjar u l-aqwa, il-grupp tiegħi l-aħjar u l-aqwa, il-mod ta’ kif naġixxi u nagħmel jien l-aħjar u l-aqwa. Dan kollu jmur kontra dak li jgħidilna Ġesù fil-Vanġelu tal-lum u kontra wkoll ix-xhieda tagħna bħala komunità Nisranija: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20); “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35), minn kemm tiftiehmu bejnietkom u lesti li taħdmu flimkien.
U allura, jekk hemm Eldad u Medad hemm barra, jekk hemm barra hemm dak ir-raġel u dik il-mara li qegħdin jagħmlu l-mirakli f’isem il-Mulej Ġesù, li qegħdin jagħmlu t-tajjeb u huma wkoll ixandru valuri tajbin, imma li mhumiex parti minn din il-komunità, ir-relazzjoni tagħna, li forsi nħossuna iktar ’il ġewwa, iktar fil-qrib, trid tkun ta’ ftuħ, ta’ sinodalità. Kemm qegħdin nisimgħuha din il-kelma fi żmienna! Nimxu flimkien, imma flimkien mhux biss bejnietna… flimkien ukoll ma’ dawk kollha li għandhom rieda tajba.
Il-Qari tal-lum qiegħed jitlob minna qalb miftuħa beraħ biex ma ningħalqux fil-gruppi tagħna, fl-għaqdiet tagħna, fid-drawwiet anki ta’ wċuħ li naraw kultant – grupp jinqafel, jiffossilizza ruħu, isir riġidu, minħabba l-fatt li nkun drajt nara dawk l-uċuħ tas-soltu, u kważi kważi meta nara wiċċ ġdid, jew meta jiġi wiċċ ġdid, inħares lejh b’mod differenti. Kważi kważi, mingħajr ma nindunaw, inwasslu l-messaġġi mill-istess gruppi tagħna li m’hemmx wisa’ għal xi ħadd ieħor. Imbagħad fl-istess waqt, aħna nitniehdu u nokorbu, aħna nitolbu li oħrajn jagħmlu parti mill-mixja tal-fidi li aħna nkunu fiha!
Ejjew nitolbu tassew lill-Mulej Ġesù llejla din il-grazzja tal-ftuħ tal-qalb. “U daħal joqgħod magħhom” (Lq 24:29). Imma, biex il-Mulej jidħol u joqgħod magħna, irridu niftħulu qalbna. Tgħiduli: ‘Aħna għandna qalbna miftuħa’. Irridu nċarrtuha ftit iktar! Jekk inċarrtu ftit iktar qalbna, jekk niftħu ftit iktar qalbna, il-Mulej jidħol bil-qawwa u bis-saħħa kollha tiegħu, u miegħu jidħlu oħrajn: il-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ, li b’xi mod, mingħajr ma aħna nindunaw, qegħdin jitbiegħdu mill-komunità li temmen. Imma ħafna drabi, mingħajr ma nindunaw, aħna kważi kważi nkunu qtajna qalbna minnhom: ‘U ż-żgħażagħ mhux se jfittxu lil Ġesù! U ż-żgħażagħ mhux se jiġu aktar il-knisja!’. Le, mhix il-verità. Huma konvinzjonijiet żbaljati li aħna ndeffsu f’rasna, u b’xorti ħażina frott dawn il-konvinzjonijiet illi aħna jkollna f’rasna, imbagħad inġibu ruħna. U allura anki kif nippreżentaw lil Ġesù u l-Knisja liż-żgħażagħ, kważi kważi qed ngħidulhom: ‘Isma’, il-Knisja mhix għalikom, imma għalina; il-Knisja mhix għalikom, għax intom għadkom żgħar. Il-Knisja għal min hu ikbar’.
Ejjew niftħu qalbna tassew għall-Evanġelju, għal Ġesù, u nħalluh jiġi joqgħod magħna, biex aħna wkoll bil-qalb miftuħa tagħna nħallu lill-oħrajn jidħlu f’qalbna. Inħobbu tant lill-oħrajn, biex fil-qalb mhux isibu lilna, imma jsibu lil Ġesù, u huma wkoll jiftħulu qalbhom. Hekk Ġesù wkoll permezz tagħna, permezz tar-relazzjonijiet sempliċi ta’ mħabba u interess ġenwin, ikun jista’ joqgħod magħhom.
Hekk ġara kemm fl-Ewwel Qari, kif ukoll fil-Vanġelu. Eldad u Medad saru parti mill-komunità ta’ sebgħin xiħ. Dak ir-raġel li Ġwanni ħares lejh bl-ikrah għax kien qiegħed jagħmel it-tajjeb, sar parti mill-komunità ta’ Ġesù. Dak ir-raġel ukoll fetaħ qalbu, u ħalla lil Ġesù jidħol għandu. Ejjew dan il-proċess tal-Vanġelu, li huwa proċess attwali, reali u ħaj li jista’ jseħħ illum, ngħinuh iseħħ fir-realtà tagħna. Imma l-ewwel u qabel kollox hemm bżonn ta’ ħafna talb. Ejjew nieħdu l-impenn tagħna llejla, kull wieħed u kull waħda minna, b’mod speċjali aħna saċerdoti, u kull membru tal-għaqdiet, tal-gruppi tagħna, tal-gruppi ta’ djoċesi li qegħdin hawn.
Nirringrazzjakom minn qalbi ta’ din il-parteċipazzjoni: kappillani, saċerdoti u lajċi. Ejjew nibdew talba kontinwa li ddum sena sħiħa, biex il-Mulej tassew jiġi u jiltaqa’ magħna, jiġi għandna, ħalli permezz tagħna jkun jista’ jasal għand l-oħrajn.