Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Ġesù, Int ir-Ragħaj it-Tajjeb, li twassalni għand il-Missier. Int, o Mulej, iġeddidni biex inkompli l-vjaġġ tiegħi, billi timlieni bl-ilma tal-ħajja ta’ kuraġġ u ta’ grazzja.
Meta nibda nħossni naqta’ qalbi, u naħseb li ħa nieqaf f’din il-mixja warajk, Inti ġeddidni bi mħabba kbira, biex nibqa’ għaddej fil-mixja tiegħi u ma nieqafx.
U llum, b’fiduċja se npoġġi fil-Qalb Imqaddsa Tiegħek, il-passat kollu tiegħi, bit-tajjeb u l-ħażin li għamilt. (3 sek pawsa)
Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, fik inqiegħed il-fiduċja kollha tiegħi! Int tikkonsma kollox fl-Imħabba Ewkaristika Tiegħek: isewwi dak li hu miksur, tirrestawra dak li hu mitluf, tfejjaq dak li hu migruħ, tirranġa dak li hu ħażin, tbiddel kull ħażen f’ġid, fil-grazzja fedejja tiegħek. Dan iseħħ, kemm inħallik tibdilni fik.
Nitolbok, o Sinjur, biex iżommni dejjem fidil lejk u lejn il-kmandament tiegħek, u li ma tħallini qatt ninfired minn miegħek.
Silenzju 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 10:35-45
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.
Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.
Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.
U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Din is-silta li għadna kemm smajna teħodna fl-ambjent tal-belt ta’ Ġeriko, li fiż-żmien Ġesù kienet belt kbira. Ġesù kien għaddej minn din il-belt mal-appostli tiegħu, b’folla kbira madwaru. Ejjew nimmaġinaw l-istorbju li kien hemm, kulħadd jgħid tiegħu, kulħadd irid jara lil Ġesù, kulħadd qisu irid ikun jaf min hu dan Ġesù, għaliex kellu l-fama li jfejjaq il-morda, u jeħles mill-ispirti ħżiena. U forsi dawn in-nies kienu qegħdin hemm, mhux għax kienu mqanqlin mill-fidi, imma kienet iktar il-kurżità li resqithom lejn Ġesù. (2 sek pawsa)
F’kuntrast ma’ din ix-xena, hemm bniedem li kellu l-fidi. Dan kien għama, bilqegħda mal-ġenb ta’ triq, għax kien meqjus bħala l-iskart tas-soċjetà. U kif sema’ li kien għaddej Ġesù, toħroġ għajta ta’ fidi minn qalbu: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”. U aktar mal-folla bdiet issikktu aktar għajjat b’fidi: “Bin David, ikollok ħniena minni!”
(3 sek pawsa)
Mulej, quddiem l-ostaklu, quddiem il-kaos u l-konfużjoni fid-dinja tal-lum, fost tant storbju; Int għadek tisma’ t-talba tal-fidi tagħna. Agħtina l-grazzja li ma naqtgħu qalbna qatt insejjħulek. Għinna Mulej, ħalli f’kull ċirkustanza li ngħaddu minna, ma’ Bartilmew ngħajtulek għajta ta’ fidi: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”
Silenzju 3 min
U f’dak il-kaos u f’dak l-isorbju, l-Qalb ta’ Ġesù tisma’ l-għajta ta’ dan l-imsejken mimli bil-fidi. U Ġesù, idur fuq il-folla, dik li kienet qed issikket lil dak l-għama milli jressaq it-talba tiegħu għand Ġesù, u jordnalhom: “Sejħulu!”
X’tagħlima oħra din għalina llum. Kemm hemm bżonn li neżaminaw ftit kliemna u l-imġiba tagħna. Għax faċli nilgħabuha tal-qaddisin, u nibdew niġġudikaw l’hemm u l’hawn; jew inqasqsu fuq xulxin, u nitkażaw bl-oħrajn; u b’din l-imġiba u bi kliemna, nkunu qed nixbħu lil folla ta’ Ġeriko, li nkunu qegħdin inżommu lil xi ħadd milli jersaq għand Ġesù.
Imma Ġesù jordnalna biex aħna nisimgħu l-għajta tal-imsejken, tal-midneb; u minflok insikktuh, inressquh aħna stess għand Ġesù. (3 sek pawsa)
Mulej, nitolbok, kattar fija l-fidi, u nqeda bija, ħalli nressaq oħrajn għandek, biex int ukoll tagħtihom id-dawl tal-fidi, id-dawl tal-konverżjoni, ħalli lkoll inkunu dixxipli tiegħek, u bħalma għamel Bartilmew, nimxu warajk fit-triq lejn Ġerusalemm tas-sema.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Ejjew nuru l-ferħ tagħna talli l-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar; talli huwa ħelisna u mliena bil-frott li ksibna mis-sofferenzi tagħna : Ngħidu flimkien
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imtarrfin ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u lsienna b’agħjat ta’ ferħ. R/.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Imbagħad bdew igħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’egħmilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’egħmilu l-Mulej magħna!
U aħna mtlejna bil-ferħ. R/.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Biddel, Mulej, xortina,
bħal-widien ta’ Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu fil-ferħ. R/.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Hu u sejjer, imur jibki,
iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ,
bil-qatgħet f’idejh. R/.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru