ĊELEBRAZZJONI EKUMENIKA
FIL-BAŻILIKA TA’ SAN PAOLO FUORI LE MURA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa, 25 ta’ Jannar 1984
“Intom li intom imġħammda fi Kristu, ilbistu lil Kristu” (Gal 3, 27).
1.San Pawl, l-appostlu tal-ġnus, jiġbor fil-qosor b’din l-espressjoni l-misteru tal-fidwa tal-bniedem, tal-inkorporazzjoni lil Kristu, tal-ħolqien tal-bniedem b’xebħ tal-Iben ta’ Alla, li huwa “ix-xbiha tal-Alla li ma jidhirx” (Kol 1, 15). Infatti “intom ilkoll ulied Alla permezz tal-fidi fi Kristu” (Gal 3, 26). U huwa permezz tal-Magħmudija li rrendiena prteċipi ta’ mewtu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu, jiġifieri tal-ħajja divina. Din il-ġrajja ta grazzja super abbundanti tħassar il-firdiet kollha etniċi-reliġjużi, id-diskriminazzjonijiet minħabba l-kondizzjoni soċjali, tar-razza u tas-sess. “Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u inqas ħieles, m hemmx raġel u inqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3, 28). Ġesù Kristu wettaq din l-għaqda permezz tas-sagrifiċċju tas-salib, li fuqu offra lilu nnifsu għall-maħfra, għall-fidwa u għall-ħajja tal-umanità kollha. Huwa miet “biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrda” (Ġw 11, 52). Dan huwa l-misteru tal-imħabba ta’ Alla, li ħalaq il-biedem u sejjaħlu għas-salvazzjoni definittiva.
Fuq dan l-argument hija attirata l-attenzjoni tagħna llum, festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl, u konklużjoni tal-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara, li taħbat fis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Matul din is-sena ċ-ċelebrazzjoni speċjali tar-redenzjoni tal-bniedem imwettqa minn Kristu tirrendi iktar ċara u impenjattiva l-esiġenza tar-rikonċiljazzjoni sħiħa tal-insara kollha, magħqudin mill-grazzja tal-Magħmudija unika.
2. “Il-Magħmudija, infatti, tikkostitwixxi r-rabta sagramentali tal-għaqda li teżisti bejn dawk kollha li permezz tagħha ġew riġenerati” (Unitatis redintegratio, 22). Il-firdiet traġiċi ntrodotti fost l-insara ma jeqirdux din l-għaqda fundamentali; ifixklu iżda t-twettiq sħiħ tal-esiġenzi intrinsiċi inerenti mill-Magħmudija. Il-firdiet jgħawġu l-Magħmudija; infatti din “fija ordnata mal-professjoni untegra tal-fidi. Mal-inkorporazzjoni integrali fl-istituzzjoni tas-salvazzjoni, kif l-istess Kristu ried, u fl-aħħarnett mal-inseriment sħiħ fil-komunjoni ewkaristika” (Unitatis redintegratio, 22). Il-Konċilju Vatikan II, li llum jaħbat il-25° anniversariju minn l-ewwel aħbar tiegħu mogħtija f’din il- Bażilika, bi xbiha ta’ delikatezza partikolari, iddeskriva dawn iż-żewġ aspetti, it-tnejn profondament veri u jiġifieri li l-firda hija realtà pekkaminuża li bdanakollu ma teqridx l-għaqda profonda ġġenerata mill-Grazzja. Hawn ukoll tintuża x-xbiha tal-mantar, tal-mantar ta’ Kristu. Il-firdiet, jistqarr, “affettwaw il-mantar bla ħjata ta’ Kristu” (Unitatis redintegratio, 13). Jekk il-mantar ta’ Kristu jibqà “bla ħjata”, bdanakollu dan safa affettwat.
“Jaqaw Kristu mifrud? – jistaqsi b’espressjoni drammatika San Pawl lill-insara ta’ Korintu – jew forsi kien Pawlu li ssallab għalikom?” (1 Kor 1, 13). Is-salib ta’ Kristu, li salva lil kulħadd, huwa appell kostanti sabiex tingħeleb kull firda.
L-opra ta’ Kristu għall-umanità, salibu u l-missjoni, afdati minnu lill-Knisja, biex tagħmel dixxipli u tgħammed lill-ġnus kollha (cf. Mt 28, 19-20), isejħu lill-imgħammdin kollha biex jistinkaw għall-għaqda sħiħa fil-fidi u fil-ħajja sagramentali, billi jegħlbu kull firda u qasma.
3. Il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara tiġi dejjem iċċelebrata b’mod iktar unanimu fost il-kattoliċi, l-ortodossi u l-protestanti. Din issa hija mxerrda mad-dinja kollha. Il-Mulej jismà din l-invokazzjoni unanima u jirrendi fertili l-isforzi sinċieri ta’ studju u djalogu, li jagħmlu bejniethom l-insara għall-istabiliment mill-ġdid tal-għaqda sħiħa. L-għaqda tibqà dejjem rigal ta’ Alla, għaliex din tinvolvi l-maħfra tad-dnubiet, il-purifikazzjoni tal-qlub, il-komunjoni fil-ħajja divina. Tesiġi wkoll iżda l-isforz tal-bniedem u l-perseveranza f’mixja aċċettata “bil-grazzja tal-Ispirtu Santu” (Unitatis redintegratio, 1).
Minn sena għal oħra, il-Ġimgħa ta’ talb iġġegħlna nirrejalizzaw, flimkien mad-diffikultajiet li għad baqà, ukoll progressi tajbin lejn il-ftrhim ekumeniku. U l-qalb tisħon għall-ferħ, u l-ispirtu jitqawwa bit-tama. Niżżu ħajr lil Alla.
Din is-sena l-Kumitat imħallat bejn ir-rappreżentanti tal-Knisja kattolika u tal-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes, li jagħżel is-suġġett u jħejji t-testi għat-talb annwali għall-għaqda, ġegħlna ninnutaw li jispikkaw punti ta’ “qbil tejoloġiċi notevoli rigward in-natura tal-għaqda nisranija, il-Magħmudija u l-Ewkaristija, il-ministeru u l-awtorità fil-Knisja”. Dan huwa sors ta’ ferħ profond għal kull min tassew jemmen fil-Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u apostolika. Il-mixja iebsa lejn l-għaqda mixtieqa minn Kristu għad-dixxipli tiegħu hekk issir espressjoni konkreta tar-rieda komuni ta’ ubbidjenza lill-Mulej sa l-aħħar.
F’din il-prospettiva jeħtieġ li nipperseveraw b’intensità dejjem ikbar fit-talb, nikkonsolidaw l-azzjoni ekumenika u nqawwu t-tensjoni lejn l-għaqda sħiħa.
4. L-eventwalitajiet dejjem iktar inkwetanti ta’ żmienna, it-taqbid armat miftuħ ‘l hawn u ‘l hinn fid-dinja, is-sogri ta’ katastrofi nukleari, il-biżà tal bniedem dejjem iktar heddiedi, jikkostitwixxu stimolu ġdid għall-insara biex isibu rikonċiljazzjoni sħiħa biex iwasslu l-kontribut tagħhom effettiv għall-bżonnijiet tal-bniedem.
Il-profeta Iżaija jiftaħ il-menti tagħna għall-viżjoni tal-muntanja tat-tempju tal-Mulej, li lejh jiffullaw il-ġnus kollha. Allura “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” (Iż 2, 4). Il-qawwa moħlija fl-istkerrih u fil-qerda tkun imħaddma għall-bżonnijiet veri tal-ħajja.
Fil-mixi lejn din id-destinazzjoni fid-dawl tal-Mulej” (Iż 2, 5), waqt li jibnu fuq il-Magħmudija komuni, l-insara sa millum jistgħu jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex flimkien jagħtu xhieda komuni ta’ fidi fl-azzjoni ta’ sevizz lill-bniedem kollu u lill-bnedmin kollha. It-tbatijiet tad-dinja tallum huma realtà li tinterrogana.
Dejjem San Pawl, bid-diskors tiegħu ħaj, attwali u esiġenti, jgħidilna “Ħudu sehem fil-bżonnijiet tal-aħwa” (Rm 12, 13). Il-kollaborazzjoni prattika fost l-insara ta’ stqarrijiet differenti hija possibbli u għaliha l-Konċilju Vatikan II jipprovdi wkoll qawwa ta’ evanġelizzazzjoni: “Il-koperazzjoni tal-insara kollha tasprimi b’mod ħaj dik l-għaqda li diġa teżisti bejniethom, u tqiegħed f’dawl iktar ċar il-wiċċ ta’ Kristu qaddej” (Unitatis redintegratio, 12).
L-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, bħal dik li qiegħda tiftaħ illum fil-qasam ta’ din l-Abbazija huma utli biex jiffurmaw kuxjenza ta’ parteċipazzjoni u ta’ komunjoni għad-destin tal-umanità.
F’livell iktar ġenerali s-Santa Sede għandha Grupp konsultattiv mal-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes dwar il-kollaborazzjoni dwar il-ħsieb u l-azzjoni soċjali, li huwa għani b’pssibiltà f’dan il-qasam.
5. Lejlet s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib, Ġesù afda lill-Missier id-dixxipli tiegħu u dawk kollha li għal kliemhom kienu se jemmnu fih. Huwa talab: “Jalla jkunu ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen” (Ġw 17, 21). Talab għaqda bla ebda dell, għaqda sħiħa, totali, vitali. Huwa talab: “Jalla jkunu pefetti fl-għaqda” (Ġw 17, 23).
L-isforz tal-insara lejn l-għaqda sħiħa għandu għalhekk ikompli, sakemm ma jilħaqx id-destin indikat minn Ġesù Kristu. U hemm bżonn li nipperseveraw fl-istudju approfondit tal-kwistjonijiet, li għadhom qegħdin jifirdu l-insara, fid-djalogu frank u lejali, fl-azzjoni konġunta, u b’mod partikolari fit-talb li jsostni, iqawwi u jorjenta.
Il-Konċilju Vatikan II irrakkomanda t-talb f’komunjoni mal-insara l-oħra: “Dan it-talb flimkien huwa bla dubju mezz effettiv ħafna biex jiffavorixxi l-grazzja tal-għaqda” (Unitatis redintegratio, 8).
6. Lilkom ilkoll hawn preżenti, lill-imgħammdin kollha tad-dinja kollha, ngħid b’qalbi kollha: il-paċi u l-grazzja ta’ Alla jkunu dejjem magħkom!
Il-Mulej ikun dejjem magħkom ilkoll u jiggwidakom fit-toroq li jwasslu għall-għaqda, sabiex permezz tagħha nkunu nistgħu nwasslu b’mod iktar effikaċi lill-bnedmin kollha l-Vanġelu tal-imħabba, tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb