QUDDIESA FIL-PARROĊĊA TA’ SANTA RITA F’TORBELLAMONACA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 22 ta’ Jannar 1984
1. “Il-poplu li kien miexi fid-dlam rad awl kbir” (Iż 9, 1).
Dan huwa kliem tal-profeta Iżaija, li ftit ilu smajna fl-ewwel qari. Dan, li jfakkar mill-ġdid il-Milied, jippteżentalna l-poplu f’sitwazzjoni ta’ “diqa u dlam u taħbit skoraġġanti” (Iż 8, 22). Imma hekk hu li f’salt wieħed, jisplodi id-dawl: id-“dlam iktar ma jkunx hemm, / fejn qabel kien hemm id-dwejjaq” (Iż 8, 23). L-artijijiet ta’ Żabulon u ta’ Neftali, fit-Tramuntana tal-Palestina, miftuħa għall-periklu kontinwu ta’ invażjoni u ssakkeġġjar, se jkunu fl-aħħar meħlusa u l-kbira “triq tal-baħar”, li mill-Meżopotamja tilħaq l-Eġittu wara li taqsam il-Palestina, se ssir glorjuża.
L-evanġelista San Mattew juża din il-profezija bħala prologu tal-attività maġisterjali ta’ Ġesù fil-Galilea, meta, mid-dar ta’ Nazzaret, kien mar jgħammar fil-belt ta’ Kafarnaw. L-ewwel Vanġelu jenfasizza t-twettiq tal-kliem tal-Ktieb ta’ Iżaija: “Ġesù . . . ġie jgħammar f’Kafarnaw, ħdejn il-baħar, biex iseħħ dak li kien intqal permezz tal-profeta Iżaija: “Il-pajjiż ta’ Żebulon u l-pajjiż ta’ Neftali, qrib il-baħar, ‘il hemm mill-Ġordan, Galilea tal-ġnus; / il-poplu li kien qiegħed fid-dlam / ra dawl kbir; / dawk li kienu fl-art u dell il-mewt / idda dawl għalihom” (Mt 4, 13-16; cf. Iż 8, 22; 9,1).
Ġesù jibda jgħallem f’Kafarnaw; u l-kontenut tal-maġisteru tiegħu huwa miġbur fil-kliem: “Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet” (Mt 4, 17).
“Indmu” rfisser appuntu tara “dawl”!
Tara “dawl kbir”!
Id-dawl li jiġi mingħand Alla.
Id-dawl li huwa Alla nnifsu.
Permezz tal-Vanġelu, li Kristu ħabbar, jitwettaq il-kliem profetiku ta’ Iżaija: “In-nies li kienu joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom” (Iż 9, 1).
Fid-dlam – simbolu tal-konfużjoni, tal-iżbal u wkoll tal-mewt – f’salt wieħed jitfaċċa d-dawl, li huwa l-istess Iben ta’ Alla, li ħa fuqu n-natura umana; hu, il-Verb, “id-dawl veru, dak li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1, 9).
2. Il-Liturġija ta dan il-Ħadd tikkonċentra b’mod partikolari fuq dan id-dawl: “Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi” (Sal 27, 1) kantajna fis-Salm responsorjali, li huwa kollu kemm hu innu, mimli b’fiduċja li ma tiġġarrafx u b’tama indistruttibbli fil-konfront ta’ Alla, li huwa d-dawl tas-salvazzjoni tagħna.
Waqt li jimita l-atteġġjament tas-Salmista, in-nisrani jintelaq f’Alla, bis-sikurezza sħiħa tat-tarbija li tinxteħet fid-dirgħajn sodi u amorużi ta’ missierha, għaliex hija sikura li se ssib fih id-difensur qawwi: “Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi, / minn min għandi nibża?” (Sal 27, 1); “mhux biss, Alla huwa s-sors u l-garanzija taċ-ċertezza u tal-kuraġġ miksuba mill-ġdid b’don tiegħu: “Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu meta nsib ruħi fil-għawġ” (Sal 27, 5); Alla huwa s-sors tal-ferħ veru, li n-nisrani jħoss wara li jkun għeleb, bil-grazzja divina, il-perikoli tal-ħażen, kuntent li jista “jgħammar f’dar il-Mulej / il-jiem kollha ta’ ħajtu” (Sal 27, 4); din id-“dar” ta’ rifuġju sikur, għas-Salmista, kienet it-Tempju ta’ Ġerusalem, ċentru reliġjuż tal-Poplu magħżul kollu; għall-imgħammed din hija l-Knisja, tempju ħaj, mibni b’ġebel ħaj (cf. 1 Pt 2, 5).
Mhux biss, imma t-tama nisranija tiftħilna lejn l-infinit: il-bniedem huwa msejjaħ għall-viżjoni ta’ Alla eterna u li ma tistax titfisser bil-kliem (inaffabbli)! Viżjoni ta’ Alla u preżenza eterna ta’ Alla, li jimlew l-esiġenzi ta’ feliċità miġbura fil-qalb umana! “Wiċċek, Mulej, infittex . . . Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej / f’art il-ħajjin” (Sal 27, 8.13).
Imma hawn, fuq l-art, aħna Pellegrini mhux fil-viżjoni, imma fil-fidi, li tmexxina lejn it-tant mistennija, viżjoni sublimi ta’ Alla!
Il-ħajja tal-bniedem hija għalhekk ippreżentata, fil-qari mill-ġdid nisrani tas-Salm responsorjali splendidu, bħala stennija kuraġġuża ta’ Alla!
3. Dan kollu kellu l-bidu tiegħu f’Ġesù Kristu, fil-fatt li Hu kien f’nofs il-bnedmin.
Kien ixandar il-Vanġelu.
Kien ifejjaq il-mard u d-diżabiltajiet (cf. Mt 4, 23.24).
B’dan il-mod huwa ta bidu lil Komunità ġdida tal-Poplu ta’ Alla: il-komunità tad-dawl u tal-ħajja; il-komunità tal-Vanġelu u tal-fidi.
Ta bidu għal Patt Ġdid u għal triq ġdida. Ta bidu għal stennija ġdida u ta kuraġġ ġdid.
Lill-eżistenza umana ta ċertezza ġdida.
B’dan huwa jibda jiffigura l-Knisja; u waqt li jimmira għaliha jsejjaħ biex isegwuh lill-Appostli: Xmun (Pietru), Indri, Ġakbu, Ġwanni (cf. Mt 4, 18.21); u jgħidilhom: “Ejjew warajja. Nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4, 19).
Dan ilkliem jindika l-impenn u l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni u wkoll il-komunità l-ġdida ta’ dawk li jemmnu: il-Knisja.
4. Il-Liturġija tallum tiżvolġi matul l-Ottavarju ta’ talb għall-għaqda tal-insara u turina wkoll il-verità dwar l-għaqda tal-Knisja.
L-għaqda tal-Knisja għandha s-sies tagħha fl-għaqda ta’ Kristu nnifsu: “Jewwill Kristu kien mifrud?” (1Kor 1,13), jgħid inkwetat San Pawl, li lilu kienu rriferuti l-firdiet dolorużi, imqanqla minn fazzjonijiet differenti fil-komunità nisranija żagħżugħa ta’ Korintu.
L-Appostlu jitlob lill-insara ta’ dik il-Knisja partikolari biex jissuperaw u jeliminaw tali- azzjonijiet, kawża ta’ firdiet profondi u ta nuqqas ta’ fehim deplorevoli; jirrakkomanda “unanimità” fid-diskors u “għaqda perfetta ta’ ħsieb u ta’ intenzjonijiet” (1 Kor 1, 10). Kristu hu wieħed! Kristu ma jistax jinfired! Huwa Kristu li kien mislub għall-bnedmin kollha! Huwa f’isem Kristu li l-fidili kienu mgħammda!
Diviżjonijiet u nuqqas ta’ fehim tul is-sekli sfortunatament b’mod doloruż ċarrtu l-għaqda tal-insara, billi pprovokaw, ukoll f’dawk li ma jemmnux, aġitazzjoni u skandlu u għamlu ħsara lill-kawża tat-tixrid tal-Vanġelu.
Il-Konċilju Vatikan II kellu bħala waħda mill-intenzjonijiet dik tal-istabiliment mill-ġdid tal-għaqda bejn l-insara kollha, impenn li jinvolvi l-Knisja kollha, kemm il-fidili kif ukoll lir-Rgħajja u kull wieħed skont il-ħila tiegħu.
L-istess Konċilju enfasizza b’inċisività partikolari li “ekumeniżmu veru ma jkunx hemm mingħajr konverżjoni interna: ladarba x-xeewqa tal-għaqda titnissel u timmatura mit-tiġdid tal-moħħ (cf. Ef 4, 23), miċ-ċaħda tagħna nfusna u mill-eżerċizzju sħiħ tal-karità . . . Din il-konverżjoni tal-qalb u din il-qdusija tal-ħajja, flimkien mat-talb privat u pubbliku għall-għaqda tal-insara, għandhom jinżammu bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu” (Unitatis redintegratio, 7.8).
F’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara, dawk kollha li jemmnu fi Kristu mxerdin mad-dinja huma mistiedna biex jimmeditaw flimkien fuq is-suġġett: “Imsejħin għall-għaqda mis-salib ta’ Sidna”: dan is-suġġett – għidt fit-18 ta’ dan ix-xahar – huwa “ċentrali fil-misteru tas-salvazzjoni; dan ifakkar is-sies tal-fidi tagħna. Iva, hija grazzja, u kbira, li l-insara huma msejħin biex ikunu flimkien għad-dell u għall-kenn tas-salib, ta’ dak is-salib li huwa fl-istess ħin għalina mottiv ta’ dulur u ta’ ferħ, u huwa simbolu ta’ dak l-”iskandlu” li għal dawk li jemmnu huwa tassew glorja”.
Fil-25 ta’ Jannar jien se nikkonkludi b’mod sollenni l-Ottavarju ta’ talb fil-Bażilika Rumana patriarkali iddedikata lil San Pawl, li l-apostolat instankabbli u l-kelma mħeġġa tiegħu huma eżempju u xprun biex ngħixu u nwettqu fostna l-insara dik l-għaqda sħiħa, li għaliha Kristu talab b’mod qawwi tul il-korsa tal-passjoni doloruża tiegħu.
5. Mal-passjoni ta’ Ġesù kienet intimament magħquda u mdaħħla l-qaddisa kbira, li lilha hija ddedikata l-parroċċa tagħkom u li lejha intom devoti b’mod profond: Santa Rita da Cascia!
Din il-mara straordinarja, unur tal-Italja u tal-Knisja, li għexet bejn l-1300 u l-1400, sperimentat ġrajja umana u spiritwali diffiċli, tfajla pura u dedikata għat-talb; għarusa eżemplari u paċenzjuża, omm amoruża u – wara t-telfa traġika ta’ żewġha u l-mewt immatura ta’ wliedha – reliġjuża agostinjana żelanti sal-mewt glorjuża tagħha.
Lill-qaddisa patruna u protetriċi tagħkom jien illum nafda lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkkom, li tappartienu lil din il-parroċċa żagħżugħa, li twaqqfet fl-1960 u kkuratha miż-żelu nstankabbli tal-Patrijiet Agostinjani tal-provinċja tal-Marche.
Flimkien mall-Kardinali Vigarju u l-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Giulio Salimei, nestendi tislima ta’ mħabba lill-kappillan tagħkom Patri Fiorino Sidera, u lill-grupp tal-viċi-kappillani, li f’unjoni sħiħa u fraterna jiddedikaw l-enerġiji kollha tagħhom biex jgħinukom fil-mixja kontinwa tal-fidi.
Tislima wkoll lis-Sorijiet Missjunarji oblate tal-Assunzjoni, li joffru kontribut prezzjuż lill-apostolat parrokkjali, b’mod speċjali permezz tal-katekeżi, is-servizz liturġiku u dak karitattiv.
Tislima kordjali lil dawk il-movimenti kollha, li jaħdmu fil-qasam tal-ħajja pastorali artikulata tal-parroċċa: l-Azzjoni Kattolika; l-Iscouts; il-Ministranti; il-grupp tal-Ġurnalinu; il-Grupp tan-Nisa, iddedikat b’mod speċjali għad-dinjità tad-Dar ta’ Alla; il-Moviment nejokatekumenali; il-Kumitat soċjo-kulturali; il-Kunsill Pastorali. B’mod speċjali nixtieq nindirizza kelma ta’ sodisfazzjon u ta’ nkuraġġiment lill-Grupp tal-katekisti iffurmat minn żgħażagħ, ommijiet, u għalliema. Insellem lil kulħadd u lill-parruċċani wieħed wieħed: lill-missirijiet, l-ommijiet tal-familji; lill-ġuvintur u lix-xebbiet; lit-tfal subien u bniet, lit-trabi subien u bniet; lill-morda, lill-anzjani. Lil kulħadd nassigura t-talb tiegħi.
Naf il-problemi differenti tal Komunità parrokkjali tagħkom, li tlaħħaq madwar għoxrin elf ruħ, ġejjin fil-parti l-kbira minn reġġjuni differenti tal-Italja, bl-użanzi tagħhom, bid-drawwiet tagħhom, bit-tradizzjonijiet tagħhom, bl-elementi soċjali tagħhom.
Naf kemm is-saċerdoti tagħkom u intom stess ħdimtu u għadkom taħdmu sabiex din il-varjetà ssib fil-fidi fi Kristu ċ-ċentru tagħha ta’ għaqda serena u ta’ fraternità u solidarjetà awtentika. Flimkien, saċerdoti u lajċi, għandkom tindirizzaw l-isforzi tagħkom għall-bini ta’ Komunità parrokkjali li tkun dejjem iktar ħajja u vitali, skont l-esiġenzi tal-Vanġelu; li tkun iktar konxja tal-vokazzjoni tagħha biex issegwi lil Ġesù u biex tieħu sehem fil-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja.
Huwa dan l-impenn li nixtieq nagħti llum lilkom ilkoll, lil kull wieħed u waħda minnkom, f’din iċ-ċirkustanza sinifikattiva u privileġġjata tal-vista pastorali tiegħi. F’dan l-impenn ġeneruż se tgħinkom u ssostnikom l-interċessjoni ta’ Santa Rita, li f’ħajjitha fuq l-art tant talbet u ħadmet għall-Knisja ta’ Alla.
6. Illum, li fih kelli l-pjaċir li nistà nżur bħala Isqof ta’ Ruma il-parroċċa tagħkom, nixtieq li dan is-servizz tiegħi jibni tassew kontinwazzjoni ta’ dik il-missjoni evanġelika li Kristu nnifsu beda fil-Galilea; nixtieq ukoll li f’dan is-servizz tiegħi jitwettaq il-kliem tal-Appostlu: Kristu bagħtni biex nippridka l-Vanġelu; mhux bi kliem l-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu” (cf. 1 Kor 1, 17); nixtieq fl-aħħarnett li dan il-Vanġelu jsir għalina lkoll, għalija u għalikom, għeżież ħuti tal-parroċċa ta’ Santa Rita f’Torre Anġela, “dawl kbir” li jħejjina ġa minn din l-art biex “nikkuntemplaw it-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin” (Sal 27, 13).
Amen!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb