Il-filosfu Ċiniż tal-qedem Lao Tzu jgħid: “Mixja ta’ elf mil tibda’ minn pass”. Minn din is-sentenza toġgħobni bil-bosta l-kelma “pass”. Fil-fatt, il-kelma “pass” mhijiex “għażż”. Għall-kuntrarju, il-kelma “pass” tfisser atttività, moviment, għemil u għid li trid. Bil-kelma “pass” l-ilma qed jiċċaqlaq. Mela m’għadnix aktar nintenn għax qiegħed imma nfuħ bil-għaraq t’għemili.
F’dawn il-jiem kelli l-grazzja nagħmel mixja ma’ ħuti l-patrijiet Kapuċċini u Franġiskani Konventwali fl-irtir tas-sena. It-tema kienet “Ir-Regula Bullata” (approvata)li l-Ispirtu s-Santu ta lil ħuna Franġisku t’Assisi. Il-predikatur kien Fra Mauro Jöhri OFM Cap, l-ex ministru ġeneral tagħna l-Kapuċċini. Minbarra t-tagħrif li tana u li kellu miktub fuq il-karti għalina, Fra Mauro qasam magħna xi esperjenzi tiegħu tal-ħaġa. Dit-tema kienet sabiħa għax waqt li ħadd m’għandu l-għarfien ta’ kollox in-naqra u t-taqtira li tana jiftħuna għall-immensità li l-Mulej jagħtina bl-Ispirtu s-Santu li hemm jgħix fina.
Franġisku
Dan Franġisku wkoll! Kienet l-esperjenza tiegħu li għex il-vanġelu u li oħrajn inġibdu mill-eżempju tiegħu ħalli jgħixu l-vanġelu bħalu. Illum ngħid li hawn biżibilju nies li jgħixu l-vanġelu u ma jiġbdu lil ħadd warajhom. Allaħares l-għaliex kieku s-Santa Sede żgur li ma tlaħħaqx ma’ dawn l-ordnijiet ġodda li jinbtu! Għalhekk, il-Mulej, fil-ħniena tiegħu, ħenn għal Franġisku u għall-miżerja tiegħu ta’ midneb billi bgħattlu oħrajn ħalli jagħmlulu kuraġġ biex ma jaqtax qalbu fil-mixja tiegħu lejn il-Mulej. Tant hu hekk li fit-Testment spiritwali tiegħu Franġisku stess ammetta: “U l-Mulej tani l-aħwa”.
Imma din kienet l-esperjenza ta’ Franġisku. Jaf tiegħek u tiegħi tkun differenti. Imma l-punt hu li kulħadd għandu l-mixja tiegħu xi jwettaq. U kemm hu importanti li nkunu miftuħin beraħ għal dak li l-Ispirtu s-Santu jrid jagħtina li ngħixu.
Ħafna aktar minn Franġisku
F’din il-ġimgħa, li bdiet bejn it-Tnejn 14 u issuktat sal-Ġimgħa 18 t’Ottubru 2024 ħaġa innutajt: kemm il-Mulej urieni u għadu jurini sewwa li nħares dejjem ‘il fuq. Fil-quddiesa s-saċerdot jitlob hekk: “Nerfgħu qlubna ‘il fuq.” U aħna nwieġbuh: “Nerfgħuhom lejn il-Mulej”.
Illum ngħid li aktar ma nitgħallem u naqra kotba u aktar ma bellgħuli tagħlim aktar qed nara li f’dak li kont nemmen fih meta kont żgħir fih qiegħdha l-verità. Il-bqija jew kien konferma ta’ dan, u din il-grazzja nista’ naraha biż-żmien, jew meta xi tagħlim kien imponut fuqi aktar kien eżerċizzju biex nikber fil-fiduċja tiegħi fil-Mulej fil-waqt tal-persekuzzjoni. Il-vera spiritwalità hi sempliċità. Uħud mill-persekuzzjonijiet jistgħu jkunu minn dawk fil-mixja stess. Imma l-mixja trid tagħmilha int mal-Ispirtu s-Santu li hemm fik.
Aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien aktar qed nintebaħ kemm il-Mulej hu umli. Kif iħalli nies tad-demm u l-laħam bħalna jwasslulna l-Kelma tiegħu? Meta dawn in-nies jafu jgħawġu dik il-Kelma billi jgħidu mod u jagħmlu mod ieħor? Billi qalbhom tkun iebsa stanga għax jaħsbu li huma t-tajbin u l-oħrajn prattikament għar-rimi?
Fil-ħsibijiet ta’ dan kollu aktar qed nasal għall-fatt li din l-istorja mhix San Franġisk. Allaħares! San Franġisk jibqa’ bniedem li qaddsu l-Mulej. Jien lil Alla irrid u għandi bżonn li jmexxini, għalkemm l-eżempju ta’ bniedem jibqa’ ta’ kuraġġ. Imma ta’ kuraġġ biss biss. Alla hu Alla. Il-bniedem ngħoddu ta’ li hu, bniedem.
Il-misteru
Ħajjitna hi misteru kemm l-għaliex ma nifhmuhmiex u anki wkoll l-għaliex qed tipponta għal xi ħaġa ferm u ferm akbar minnha. Kull darba li nħares lejn is-sema nifraħ l-għaliex nara fih dak li jgħid Ġesù fil-vanġelu: “U ħafna li huma ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel” (Mk 10:31).
Din is-sentenza tferraħni l-għaliex hi magħduda għal dawk li fil-ħajja jitilfu kollox minħabba Ġesù u Saltnatu. Ibda mill-flus u l-familja u spiċċa minn dawk li jirrinunzjaw għar-rabja u l-kburija li jaqbduhom. L-ewwel waħda nifhimha ħuti. Quddiem ċerti nġustizzji fil-familji, fil-ħajja ċivili u tal-kunvent, wieħed ma jistax jibqa’ ħalqu magħluq. Din mhix kwistjoni ta’ terroriżmu bl-ilsien. Din kwistjoni li nieqfu lill-ħażen. Mela, min jiftaħ ħalqu ħa jkun hemm aktar ħniena lejn kulħadd dan hu qaddis għax qed iqaddes lil ta’ madwaru u madwarha bl-aqwa għemil tas-Saltna t’Alla.
Ma nistax nifhem imma lil dawk li jaħsbu li ħaddieħor demel u huma l-aħjar. Lil dawn ħuti, huma min huma, filwaqt li ma niġġudikahomx, aktar inħoss li għandi nitlob għalihom u nuriehom ħniena. Forsi xi ħadd weġġagħhom fl-imgħoddi u allura ġew hekk. Il-verità l-Mulej biss jafha. Mela, kelma anqas u aktar karità.
Dan kollu jwassalni biex ngħid li l-ħajja tibqa’ misteru. Ma jifhimha ħadd. Imma jgħixha kulħadd. Min iseħħlu itiegħehma u min tinżillu valenu. Hu x’inhu l-każ, il-ħajja tibqa’ rigal li nistgħu nużawh ħa nersqu lejn xulxin b’ġentilezza u ħlewwa u mhux donna gaffef tat-tħammil.
Fraternità
U hawn wasalna għall-kelma buzz. Dil-kelma saret wisq irħisa. Nifhimha li jkun hawn min jirreżtieha. L-aktar jekk f’isimha persuni jkunu tweġġgħu b’mod tal-mistħija. Tgħid hemm xi kelma oħra li nistgħu nirreferu għaliha?
Personalment naħseb li l-fraternità tibda’ mill-ħbiberija. Tnejn jibdew jinfetħu għal xulxin. Bħalissa hawn min qed jgħidli: “Imma fraternità ma tridx tkun tlieta u mhux tnejn tal-anqas?” Imma, ngħid jien, għaliex Kristu bagħathom tnejn tnejn u mhux tlieta tlieta lill-appostli? Anki f’din issa rridu nindaħlulu xi dwejjaq?
F’dan id-diskors kollu l-kelma l-aktar importanti hi l-LIBERTÀ fis-sens li nafuha. Kulħadd imħolli jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu. Biss jekk hemm it-talb lill-Ispirtu s-Santu dan se jġibna flimkien hu. Għax Hu l-Ispirtu tal-għaqda u wara li, jekk Alla jrid, se nagħlqu għajnejna għal din id-dinja fi kwistjoni ta’ ftit snin oħra, huwa hu li se jġibna flimkien. Mela ejja ma ngħaġġbuhiex din tal-fraternità u nħallu lill-Mulej jgħaqqadna hu bil-metodi “strambi” tiegħu.
Hu x’inhu l-każ dil-fraternità qed isseħħ u se isseħħ għal kollox, fil-Knisja u barra minnha, fis-soċjetà u barra minnha, fil-kunvent u barra minnu. Aħna niġu mgħejjuna fi fraternità tat-Trinità, Missier, Iben u Spirtu s-Santu u ta’ nies li l-Mulej jibgħatilna f’ħajjitna biex lilna jagħtuna l-kuraġġ li ninħtieġu.
Is-sabiħ hu li l-verità qiegħdha fis-sema u mhux f’dak li naħsbu f’din id-dinja. Tant hu hekk li hu dak il-verdett jew riżultat li jgħodd u mhux il-valutazzjonijiet imċapjra, zoppi u ġieli għomja ta’ din id-dinja u li huma magħmula minn nies stess li huma ta’ min jgħin lilhom l-ewwel.
Mixja li tissokta …
Din il-mixja tal-fraternità tissokta. Ġieli kien hawn min qal: “Trid tibda’ mill-familja u l-komunità tiegħek l-ewwel”. Illum ngħid li aħjar nkunu aktar umli u nagħlqu ħalqna quddiem din ir-rejaltà misteru. Franġisku kellu joqgħod waħdu, ‘il bogħod mill-familja tiegħu, u jiltaqa’ mal-Mulej waħdu li, bil-mod il-mod, ressqu lejn il-familja universali. Nemmen għalhekk li din hi wkoll l-esperjenza tagħna. Il-Mulej jaħdem kif irid f’ħajjitna. Ikun imbierek l-Isem qaddis tiegħu.
Dan kollu jwassalni għad-don sabiħ tal-gratitudni. Ejjew nirringrazzjawh lill-Mulej ta’ kemm iħobbna u jieqaf magħna. Qed jieħu ħsiebna bil-mod misterjuż tiegħu. L-importanti hu li nimxu ma’ dak li jurina l-Ispirtu s-Santu, kemm ġewwa fina u anki barra minna. Ejjew nissapportjaw lil xulxin f’din il-mixja fit-tul lejn il-Mulej Alla tagħna. Għax jekk nissapportjaw lil xulxin hu se jagħmlilna ħemel ġid permezz ta’ xulxin. Mingħajr, sintendi, il-bżonn ta’ l-indħil u l-kmandi. Niftakru li l-Mulej JISTEDINNA u jħallina FIL-LIBERTÀ. Imbagħad il-mazz … f’idejk …
Patri Mario Attard OFM Cap