“Il-gwerra hija dejjem, dejjem, dejjem telfa.”
B’dan il-kliem, il-Papa Franġisku talab għal darb’oħra biex tintemm il-gwerra madwar id-dinja.
Waqt li kien qed jitkellem mal-eluf ta’ nies fi Pjazza San Pietru, fit-tmiem tal-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 30 ta’ Ottubru, l-Papa fakkar fil-pajjiżi mifnija bil-vjolenza: “l-Ukrajna, l-Palestina, l-Iżrael, il-Myanmar, it-Tramuntana ta’ Kivu, u ħafna pajjiżi fi gwerra.” Tenna li ħadd ma jirbaħ bil-gwerra u li “l-paċi hija don mill-Ispirtu s-Santu.”
“Ilbieraħ smajt li ġew maqtula 150 persuna innoċenti,” qal il-Papa Franġisku. “X’għandhom x’jaqsmu t-tfal u l-familji mal-gwerra? staqsa. “Huma l-ewwel vittmi.”
In-Nazzjonijiet Uniti rreġistrat seba’ “inċidenti ta’ diżgrazzja tal-massa” bejn l-24 u d-29 ta’ Ottubru. Truppi Iżraeljani attakkaw numru ta’ djar fiż-żona ta’ Manara, fin-Nofsinhar tal-Medda ta’ Gaża. Inqatlu 33 persuna, fosthom 14-il tifel u tifla, sitta mill-istess familja. F’sensiela ta’ attakki mill-ajru, madwar 93 Palestinjan inqatlu f’bini residenzjali li jilqa’ nies spostati.
Wieħed mill-ftit sptarijiet li għadu jopera, sar rejd fuqu mill-armata Iżraeljana u d-Difiża Ċivili ta’ Gaża tikkwota li ‘l fuq minn 150 persuna nqabdu ġewwa. Sptar ieħor fit-Tramuntana spiċċaw mingħajr provvisti mediċi u ikel, hekk kif truppi Iżraeljani qed iwaqqfu ambulanzi u għajnuna oħra milli jidħlu fiż-żona.
Fid-29 ta’ Ottubru, d-Difiża Ċivili Palestinjana rrappurtat” li fl-aħħar 19-il jum, inqatlu 770 persuna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-10/pope-francis-war-gaza-peace.html