Frammentat? Niċċelebraw l-Evanġelju tal-wieħed u tletin Ħadd matul is-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed. (Mk 12:28b-34)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”.

L-aspettativi huma kbar;
l-eżiġenzi, il-ħidmiet, il-possibilitajiet,
l-adulti mod – niġru minn ħaġa għal oħra –
iż-żgħażagħ mod ieħor – x;mistenni minn sħabhom, mill-istudju, mill-mezzi soċjali.
Inħossuna mxerrda, bla nifs.

Anke aħna nsaqsu:
liema għandu jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħna?
X’jgħinna ma nibqgħux frammentati?
Liema l-ewwel kmandament?

Irrifletti:
• X’inhi l-esperjenza tiegħek bħalissa?

ii. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Biċċiet hemm kemm trid,
imma tagħmel l-ebda waħda minnhom Alla tiegħek.

Alla wieħed hemm:
Lilu isma’ – hu li jillibera.
Jekk le, kull framment jagħmlek skjav tiegħu.

U qalb waħda għandek:
jew tħobb miċ-ċentru tiegħek – lil Alla, lill-proxxmu –
jew tixxerred minn elf passjoni oħra.

Irrifletti
• Tħobb?

iii. “Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”.

Ġesù jfaħħar lil dak l-iskriba
li jagħmel tiegħu dak li qal Ġesù:

ma jirrepetix il-kelmiet “isma, Israel”
hu stess miftuħ biex jisma’!

jibdel xi kliem: b’moħħok kollu: Ġesù juża dianoia,
l-ikriba juża sunesis: il-kapaċità tal-għarfien, li ġġib l-affarijiet flimkien:
anke il-ħsibijiet ma jibqgħux imxerrda, frott tal-imħabba;

u jżid xi kliem: li tħobb … aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq;
għax li tħobb hija ħarsa ‘l barra li tlaqqgħek mal-ieħor (Alla, l-bniedem)
mhux ritwal biex tikkontrolla jew maskla biex tistaħba warajha.

Irrifletti

• Ikkontempla lil Ġesù: liberu li jħobb mhux li jżid is-sagrifiċċji.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading