Għadni kemm ġej mill-Polonja

Sewwa sew daqs siegħa u nofs ilu riġlejja middew fuq l-art Maltija. Għadni kemm ġej, frisk frisk, mill-Polonja. Eżattament mis-Santwarju tal-Ħniena Divina jew kif insibuh aħjar bl-ilsien Pollakk Sanktuarium Bożego Miłosierdzia ġewwa d-distrett fi Krakovja ta’ Łagiewniki.

F’dawn il-jiem tal-Appostli tal-Ħniena Divina tal-Assoċjazzjoni Faustinum, kelli l-grazzja li niltaqa’ ma’ tant nies mid-dinja kollha li qed ixerrdu l-Ħniena Divina. Ħa nagħmilha ċara kristall: min ixerred il-Ħniena Divina ma jfissirx li għandu xi penz għax hu aħjar minn xi ħadd. Anzi, kemm aktar għandu għax jumilja ruħu quddiem il-Mulej li għabbiex b’responsabbiltà kbira bħal din. Madankollu, xorta waħda tibqa’ esperjenza mill-isbaħ li, minkejja d-difetti u d-dnubiet ta’ dak jew dik li jkun u tkun, xorta waħda l-persuna tibqa’ ixxerred dan il-messaġġ.

Illum ma ngħidx li l-Ħniena Divina hi sempliċiment devozzjoni u daqshekk. Altru li le. Il-Ħniena Divina hi mod ta’ ħajja. Hi, biex ngħid hekk, qawmien minn bejn l-imwiet. Qawmien għar-rejaltà tabilħaqq meraviljuża li l-Mulej Hu tabilħaqq ħniena bla tarf. Dan Santa Fawstina għexitu hi stess. Fid-dgħjufijiet tagħha għarrfet kemm kellha bżonn lill-Mulej ħalli jgħinna biex taqdef ‘il quddiem. Kienet taf li waħedha ma setgħet tagħmel proprju xejn. Imma bil-għajnuna tal-Mulej imxiet fuq li mxiet għax baqgħet iggranfata mal-ħniena bla qjies tiegħu.

Anki jien u int għandna bżonn nidħlu daħla fina nfusna u naraw kemm qed inħallu lilna nfusna niġu maħfura minn dan Alla li hu ħniena. Il-messaġġ tal-ħniena divina qiegħed għall-midinbin mhux għal dawk li jaħsbu li huma qaddisin u li għalhekk ma jeħtiġux indiema. Imma, għal dawk li jinfetħu beraħ għall-ħniena tal-Missier fi Kristu Sidna dawn se jaraw ħwejjeġ kbar.

Mill-għadd ta’ diskussjonijiet li kelli ma’ xi parteċipanti u anki ma’ xi sorijiet tal-Kongregazzjoni Sidtna Marija tal-Ħniena, l-Ispirtu s-Santu beda jgħallimni r-rejaltà li l-messaġġ tal-ħniena divina hu dak li ngħixu f’familja. Alla nnifsu, il-Ħniena Divina, hu familja li nsejħulha Trinità. Din il-familja hi magħmula mill-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Issa, jekk din il-familja, li nsejħulha Trinità ta’ Persuni Divini u eterni, lilna ħalqitna u fdietna l-għaliex ħalqietna u l-għaliex fdientna? Mhux l-għaliex, meta dnibna, aħna ntlaqna għal rasna u wettaqna dak li ġie għal idejna? U x’sibna meta għamilna hekk? Spiċċajna vittmi tal-egoiżmu u tar-ribeljoni tagħna stess li ma ħallewniex nieħdu nifs jew xagħra minn ġismna. Il-fidwa tagħna seħħet meta’ Ġesù sar ħuna għax sar wieħed minna u fdiena bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. B’hekk reġa’ ħabbibna mal-Missier u għamilna familja miegħu u bejnietna.

Issa li għadni ġej mill-Polonjna kemm nitlob li dan l-ispirtu sabiħ ta’ familja li tħobb, taħfer u tagħder isaltan fostna. Mulej, il-Ħniena Divina, għamilna ħaġa waħda miegħek Missier, Iben u Spirtu s-Santu u anki ma’ xulxin. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading