Fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2024, kelliema minn madwar id-dinja se jinġabru fl-Università LUMSA ta’ Ruma biex jirriflettu fuq il-futur tal-edukazzjoni għolja Kattolika. Il-5 Simpożju Globali ‘Uniservitate’ se jlaqqa’ flimkien żgħażagħ, retturi, akkademiċi u esperti biex jiddiskutu t-tagħlim tas-servizz – approwċ li jgħaqqad l-istudju akkademiku mas-servizz fil-komunità – u r-rwol tiegħu fl-universitajiet Kattoliċi.
Qabel il-konferenza, Vatican News tkellem ma’ María Rosa Tapia, koordinatriċi tal-programm ‘Uniservitate’. Tapia qalet, lis-simpożju, qed jiġbor flimkien studenti, riċerkaturi, u staff universitarju minn ħames kontinenti differenti, u għalhekk joffri opportunità biex jitgħallmu dwar it-tagħlim tas-servizz f’ħafna kuntesti differenti.
Hija enfasizzat b’mod partikolari l-istituzzjonijiet li jwettqu tagħlim tas-servizz f’ambjenti ta’ “sfida kbira”, bħall-Ukrajna u l-Palestina, u qalet li l-konferenza toffri opportunità lill-universitajiet “minn madwar id-dinja” biex jitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom.
Fattur ieħor tas-simpożju, ikun li jġib flimkien riċerkaturi li jaħdmu fuq ir-rwol tal-ispiritwalità fit-tagħlim tas-servizz. Diġà bdew din ir-riċerka, qalet María Rosa Tapia, iffinanzjata minn għotjiet żgħar mill-‘Uniservitate’. It-tagħlim tas-servizz qed “jikber tassew” fil-kuntest Kattoliku, saħqet Tapia, għax “huwa mod kif nidħlu fil-prattika dak li stedinna nagħmlu l-Papa Franġisku – biex mhux biss niġbru l-għarfien akkademiku, imma… npoġġu l-għarfien għas-servizz tal-oħrajn.”
Tapia temmet l-intervista, billi nnotat lis-Simpożju se jkun livestreamed fuq il-websajt tal-‘Universitate’, u stiednet lil dawk kollha li huma interessati biex isegwu flimkien – u jaraw li “huwa possibbli li titgħallem tajjeb u li taqdi tajjeb fl-istess ħin.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2024-11/symposium-service-learning-catholic-education-rome-uniservitate.html