Omelija li fiha x’tifhem

Il-festa ta’ din is-sena tal-Pjagi ta’ Missierna San Franġisk kienet tassew speċjali għalija. Minn barra l-fatt li kelli l-grazzja li nersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar, u li dan għalija hu ta’ faraġ, ferħ u grazzja grazzjun, kelli wkoll grazzja oħra tassew sabiħa: dik li nisma’ kelmtejn mustaċċuni li l-Ispirtu s-Santu ta lill-Isqof t’Għawdex, Mons Anton Teuma.

L-ewwel ħaġa li biha l-Mulej laqagħtni permezz ta’ din l-omelija kienet din: l-għan ta’ ħajti għandu jkun li nħobb u mhux li nkun ferħan. Meta smajtha dit-tagħlima ftaħt par widnejn daqshiex għaliha. Meta qgħadt nirrifletti ftit rajt kemm l-Isqof Teuma għandu raġun biex ibiegħ! Kif fisser tant tajjeb hu, il-ferħ f’qalbi jiġi meta ningħata. Allura l-ferħ qatt ma jista’ ikun l-għan f’ħajti imma biss konsegwenza tal-għotja tiegħi lill-oħrajn. Millum ‘il hemm, meta xi ħadd jistaqsini: Patri kif nista’ inkun ferħan? Se nwieġbu: Ħobb lill-Mulej fil-proxxmu. U jagħmel sens kbir dan id-diskors. Il-ferħ jiġi biss mill-għotja u mill-imħabba lejn Ġesù fil-proxxmu.

It-tieni ħaġa li tassew affaxxinatni f’din l-omelija qasira imma mimlija tilja tagħlim, għerf u prattiċità tal-ħajja, kienet li t-tbatija għandna niċċelebrawha. Iwa, aħna, fil-festa tal-għoti tal-Pjagi lil Missierna San Franġisk konna qed niċċelebraw din il-ġrajja ta’ tbatija f’ħajtu. Biss, kien minn din it-tbatija li Franġisku immatura bil-kif u sar jaf iħobb b’mod mill-aktar irfinut. F’dawn il-waqtiet Franġisku għadda minn kriżi kbira tant li lill-Mulej kien jgħidlu: Mulej, min int int? U min jien jien?

Hijiex l-istess karba li int u jien nokorbu quddiem il-Mulej meta nkunu qed inbatu tgħidx kemm. Għaliex Mulej? X’għamilt ħażin biex għaddej u għaddejja minn dan kollu? Imma meta, bħal Ġesù, Franġisku u tant nies oħra li għandna jħokku magħna, nibqgħu fuq is-salib u nħallu lill-Mulej jiffurmana f’dak il-proċess iebes, meta jgħaddi ż-żmien nibdew naraw il-ġid kbir li jkun ħareġ minn dik l-esperjenza.

F’San Franġisk, wara li rċieva l-ġrieħi mqaddsa, kellu l-esperjenza sabiħa tal-Għanja tal-Ħlejjaq, li hu l-innu kapolavur fil-letteratura Taljana u anki fl-ispiritwalità Nisranija. Dan kollu jwassalna għall-kelma tassew sabiħa li qalilna l-Isqof Teuma: Mit-tbatija l-Mulej jagħmel ġid kbir f’ħajjitna u permezz tagħna lill-oħrajn. Kapolavuri kbar tal-arti, tal-letteratura, tal-arkitettura, tal-mużika u ta’ kull xorta ta’ arti ħarġu mit-tbatija. Għax fit-tbatija wieħed jumilja ruħu, jitgħallem jistenna, jieħu kollox bi grazzja u japprezza kull nitfa ta’ ħaġa. Fuq kollox, fit-tbatija wieħed jitgħallem jisma’ lill-Mulej fl-iċken dettall u jibda’, bil-mod il-mod, iħallieh imexxilu ħajtu.

Din is-sena kienet it-tmin ċentinarju mill-Għoti tal-Pjagi lil San Franġisk. Nemmen li l-kliem ta’ din l-omelija huma rigal tant prezzjuż li għandu aktar valur minn kull ċentinarju u żmien. Dan hu rigal li jissarraf fiż-żmien mingħajr żmien, fl-eternità. Niżżik ħajr Mulejja ta’ dan ir-rigal etern li qed tagħtina f’dan it-tmin ċentinarju b’din l-omelija li tassew fiha x’tifhem. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading