Minn Edward Tagliaferro
Żmien twil ilu f’Londra kien hemm żagħżugħ jismu Charles li xtaq isir kittieb. Imma kellu ħafna fatturi kontra tiegħu. Missieru għamel ħafna dejn, ma kellux minn fejn iħallsu u spiċċa l-ħabs. Ommu bdiet tagħti ftit lezzjonijiet privat, imma dan ma kienx biżżejjed biex tmantni it-tmien uliedha. Għalhekk Charles, li kien it-tieni wild, kellu joħroġ mill-iskola u jmur jaħdem. Sab xogħol f’maħżen iwaħħal it-tikketti mal-bottijiet ta’ krema li kienet tintuża biex wieħed jibblakka ż-żraben.
Imma x-xewqa li jikteb hemm baqgħet. Biex ipatti għas-snin ta’ skola li kien tilef, kien iqatta’ ħafna ħin fil-British Museum. Kiteb l-ewwel artiklu tiegħu u bagħtu lill-editur ta’ gazzetta. Dan, bħal ħafna oħra warajh, ma ġietx milqugħ. Imma Charles ma qatax qalbu. Kompla jippersevera sakemm fl-aħħar l-editur aċċetta l-artiklu tiegħu u ppublikah. Wara tant fatturi kontrih, fl-aħħar sab lil xi ħadd li għaraf il-potenzjal tiegħu u nkurraġih biex ikompli. In fatti wara ftit ġie nkarigat biex jikteb storja għal tpinġijiet umoristiċi li bdew jidhru kuljum fil-gazzetta. Kieku ma kienx għall-perseveranza tiegħu u l-inkuraġġiment ta’ dak l-editur kieku Charles forsi kien iqatta’ ħajtu jwaħħal it-tikketti mal-bottijiet.
Imma minn dakinhar ‘il quddiem, ma ħarisx aktar lura, u beda jikteb ktieb wara l-ieħor. Għax dak iż-żagħżugħ ma kien ħadd ħlief Charles Dickens.
Kien iħobb imur jimxi mat-toroq ta’ Londra, u kull fejn kien jara xi inġustizzja, kien jara kif jagħmel biex idaħħal dan il-fatt fil-kitbiet tiegħu, bit-tama li min hu fil-poter jagħmel ħiltu biex dan ma jkomplix iseħħ aktar. Eżempju sabiħ ta’ dan hu l-ktieb magħruf tiegħu Oliver Twist, fejn Dickens juri kemm it-tfal orfni kienu maħqurin b’xogħol iebes u b’ikel ftit u ħażin. Il-ħeġġa tiegħu għal riformi soċjali oħra tidher ċar f’kotba oħra li kiteb, fejn ikkritika bl-aħrax id-djar tal-fqar, l-inġustizzji fil-qrati, sidien li jħallsu l-ħaddiema tagħhom bil-ħabbiet, skejjel ineffiċjenti, u l-midjunin li kienu jispiċċaw il-ħabs. Kien hemm min qal li Dickens ħadem aktar għal dawn ir-riformi soċjali mill-membri parlamentari kollha f’daqqa.