Adorazzjoni: 33 Ħadd matul is-Sena B

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Nadurak, o Ġesù tiegħi,
Lejl u nhar maqful għalina,
F’dik id-dwejra hiemda u ċkejkna,
Sabiex lilek stess tagħtina.

          Missierna, Sliema, u Glorja

Kemm hi kbira dik l-imħabba
Li urejt magħna l-bnedmin,
Meta għażilt li tibqa’ fostna
F’dan is-Sagrament Divin.

Missierna, Sliema, u Glorja

Fik insib il-kenn u l-faraġ
Tant l-imġarrab kemm il-fqir,
U min lest għalik isofri
Il-mibegħda u t-tkasbir.

          Missierna, Sliema, u Glorja

Inti biss it-tama tagħna,
Li ttaffilna kull uġigħ,
U mingħajr il-barka tiegħek
Il-ferħ tagħna qatt mhu sħiħ.

          Missierna, Sliema, u Glorja

Jalla tul ħajjitna kollha
Nibqgħu dejjem inħobbuk,
U mad-dinja kollha frugħa
Qatt ma nfittxu li nibdluk.

          Missierna, Sliema, u Glorja         

Silenzju/ background music         2 min

Innu:__________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mark                                              Mk 13:24-32

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ġesù, flimkien ma’ erba’ mid-dixxipli tiegħu: Pietru, Ġakbu, Ġwanni u Indri, kien qiegħed fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, iħares lejn in-naħa tal-Lvant tat-Tempju ta’ Ġerusalem, u minn hemm jagħmel diskors fuq it-tieni miġja tiegħu fil-glorja fl-aħħar taż-żmien; jiġifieri fuq il-Ġudizzju Universali. Meta jgħid: “Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbgħat ijiem, minn tarf l-art sa tarf is-sema”.        

  (2 sek pawsa)

Din hija Kelma ta’ tama, u mhux kelma li tbeżża’. Lilna li nemmnu f’Ġesù u fil-Kelma tiegħu, timliena b’tama msejsa fil-verità li huwa Kristu nnifsu. Huwa għad jerġa’ jiġi fil-glorja, u kif ngħidu fil-Kredu: ‘Jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.     (3 sek pawsa)

Ejjew inkunu dejjem lesti u ppreparati. Ejjew nwarrbu minna dak kollu li jżommna milli nkunu midħla tal-Mulej; ejjew induqu l-benna tal-Evanġelju u l-ħlewwa tal-Ewkaristija. Biex ma’ San Pawl, inkunu nistgħu ngħidu: “Kristu jgħix fija” (Gal 2:20).

Silenzju              3 min

Aħna msejħin biex nishru u nitolbu. Nistennew bit-tama t-tieni miġja tal-Mulej fil-glorja. U dan nagħmluh imsejsin fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt fl-Evanġelju li smajna, nisimgħu lil Ġesù, jistqarr b’mod solenni: “is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix”. Ejjew inġeddu l-fiduċja tagħna f’Ġesù, u fil-Kelma tiegħu li ma tgħaddix. U mdawlin, iffurmati, u mgħaġnin minn din il-Kelma, nkunu mħejjija għat-tieni miġja tiegħu fil-glorja.      

Silenzju/ soft background music                2 min    

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunità

Ħuti għeżież, induru bit-talb tagħna lejn il-Missier, li jibgħat lil Ibnu Ġesù Kristu fl-aħħar taż-żminijiet biex jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja.

Nitolbu għall-Knisja, biex tkun għall-bnedmin kollha sinjal profetiku tas-sema ġdid u art ġdida, li lejhom irridu nimxu. Nitolbu

Nitolbu għall-gvernijiet u għal min jaħdem fix-xjenza u teknika, ħalli jaħdmu għall-progress tal-umanità, mingħajr ma jinsew ir-rispett lejn il-ħolqien u l-ambjent li fih ngħixu. Nitolbu.

Nitolbu lil Sid il-ħajja, biex iwettaq fil-qalb tagħna, ż-żerriegħat ta’ tama, ta’ mħabba, u ta’ paċenzja. Nitolbu

Għalina, biex inkunu dejjem mhedijin bit-talb u l-għemil it-tajjeb, filwaqt li nistennew bil-ferħ il-miġja tal-Mulej f’ħajjitna. Nitolbu.

Nitolbu għall-vittmi ta’ kull kunflitt, ta’ kull gwerra, ta’ kull inġustizzja, biex Int Mulej, fil-ħniena tiegħek, tgħannaqhom miegħek għal dejjem. Nitolbu

Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading