Inkun qed nistennieħ bil-ħerqa kull darba li nitla’ nirrekordja l-programmi, f’dak l-“istudjo qalb”, li għalija jfisser fuq li jfisser. Nibda’ nistaqsi għalih mir-reception għax, jekk ma naħsibx imqar naqra fih, għid li ma nkunx qed nagħmel programm sura ta’ nies.
Ifhem, meta nitlob it-talba qabel il-programm u nibda’ nirrekordja naf fuq li naf li se tkun storja oħra. Inħossni ċert fuq li ċert li f’dak il-waqt jidħol l-Ispirtu s-Santu fix-xena u jagħmel dik l-esperjenza tiegħu. Ma nafx minfejn jibda ħiereġ dak il-kliem. Bħalma lanqas nibda nintebaħ minfejn ikunu ġejjin dawk il-pawsiet, l-għadd ta’ emfażi mxerrdin ma’ kullimkien fil-programm kollu u l-bqija. Li naf hu li f’dak il-waqt, f’ħajti, l-Ispirtu s-Santu jieħu l-bakketta f’idejh u jmexxi lili u lis-semmiegħa fit-toroq sbieħ, avventurużi, riskjużi imma li jagħtu l-ħajja tiegħu.
Ħin il-mistrieħ
Jiġi fuqi l-waqt fejn ikolli nieqaf ftit ħalli nieħu waqfa ta’ mistrieħ. Ikolli bżonn tafux. Il-griżmejn jixxuttaw u jibdew jokorbu biex jixxarrbu b’naqra ilma li tagħti l-ħajja. U hemm, arani, immur sa ħdejh, fil-kitchenette.
Niggustah fejn qiegħed impoġġi. Hemm, għall-kwiet, ħdejn is-sink. F’ċertu sens naħsbu qisu l-kandelabru tas-sagrament tal-preżenza. U fejn qiegħed dan is-sagrament tal-preżenza? Ngħid li qiegħed jiġri ma’ kullimkien. U, mingħajr ma naf, qiegħed iħaddanni wkoll miegħu. Inħossu l-aħwa. Kemm qed jimlini bil-ferħ u bit-tama u, fuq kollox, b’dak is-sliem li qalbi, moħħi, ruħi u ġismi tant għandhom bżonn.
L-għatx jgħajjat għall-ilma frisk. U dak hu li nagħmel meta jitfaċċa quddiem għajnejja. Mill-ewwel immur ħalli nixrob naqra ilma friska minnu. Nagħżel il-buttina jew dik tal-“medium” inkella l-oħra tal-“full”. U t-tazza timtela. Jekk it-tazza tinzerta żgħira allura għid li l-ilma se jfur u jinżel in-naħa t’isfel tiegħu. Emmuni li jiddispjaċini nara dak il-ftit ilma jinħela. Jien tlajt f’kultura fejn, minn meta konna żgħar, fuq il-mezzi tax-xandir kienu jgħidulna: “Kull qattra tgħodd”. Illum nara l-għerf u mhux, kif jaħsbu xi wħud bla għaqal, il-qamel ta’ din is-sentenza. Wieħed jibża’ għall-ilma mhux biex iqanċeċ imma biex ikun aktar responsabbli. Sabiħa r-responsabbiltà. Tagħtina dinjità. Il-ħela kiefer għax jiftaħna għall-ħajja bla rażan fejn ix-xewqa u mhux dak li hu sewwa tmexxi l-ġurnata.
Fid-dlam
S’hawn l-istorja tidher sempliċi u mingħajr xinxilli. U hekk ħuti nixtieqha tkun. Imma, u fil-verità, l-istorja hi ferm aktar ikkumplikata minhekk. Nista’ ngħidilha ikkumplikata jew, fis-sewwa kollu, aktar profonda? Aktar inħobb immur għall-aħħar aġġettiv, profonda. Il-kumplikazzjoni mhux dejjem ħa tagħti s-sliem filwaqt li din l-istorja tagħtini sliem fuq sliem tant li nixtieq nissokta naqsamha magħkom.
L-ambjent għal din l-esperjenza hu d-dlam. Immaġinaw dieħel f’din il-kitchenette fid-dlam. Tgħidli: “U int għax ma tixgħelx naqra ħalli jkollok ftit tad-dawl.” Illum l-aħwa ngħidilkom li nippreferi ħafna u ħafna d-dlam f’din il-kitchenette. Bħala dawl hemm il-bozza ċkejkna li dan id-dispensatur tal-ilma għandu. Hi bozza tassew ħelwa li f’dak id-dlam inħossha tħaddanni u tmellisni magħha. Għax dan id-dawl ċkejken qed ifakkarni f’sentenza tassew sabiħa li jgħid Ġesù stess fil-vanġelu skont San Ġwann meta jgħidilna: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).
F’kelma waħda, dawk id-dlamijiet qishom qed jimluni bil-kuraġġ biex aktar nikkonċentra fuqu li hu d-dawl. Tgħid hawn dlamijiet?Ejjew ma mmorrux ‘il bogħod. Id-dlamijiet jibdew fija u fik, aħna li ngħaddu minn xiex ngħaddu fil-ħajja. Biex nidħlu fid-dlam ma rridux wisq. Biżżejjed naqra ħsieb li jitfagħna f’konfużjoni. U illum hawn biex nidħlu f’konfużjoni tafux. Għax daqqa nsibu lilna nfusna ‘l hawn u daqqa ‘l hemm. U ma nagħti tort lil ħadd għax kulħadd bniedem. Biss, f’dawn il-waqtiet hekk importanti ta’ ħajjitna, fejn inħossuna ippressati minn dawn il-kriżijiet li ngħaddu minnhom ilkoll, hu tabilħaqq siewi li nfittxu d-dawl.
Kull dawl? Personalment nippreferi d-dawl tax-xemx minn dak elettriku. Id-dawl tax-xemx jagħtina l-vitamina D. U, kif il-Mulej tani l-grazzja li nistqarr f’diversi drabi ‘il fejn jiġbidni, l-ittra D tfisser Determinazzjoni u anki Dixxerniment. Nippreferi immur l-ewwel għall-aħħar kelma, jiġifieri Dixxerniment, jew aħjar l-għarbiel tas-sitwazzjoni. Kemm qed ngħidlu fuq li ngħidlu lill-Mulej biex jitfagħni fl-għarbiel tiegħu?
Hawnhekk mill-ewwel jiġini f’moħħi u f’qalbi dak li jagħtina wieħed mis-Salmi dwar dan, jiġifieri s-Salm 139. Nixtieq noffrihulek b’rigal minn qalbi ħalli meta tkun fid-dlam, bħalma jien ukoll inkun fid-dlam, titlob dan il-kliem sabiħ u qawwi u li bih il-Mulej jagħtik l-għajnuna tiegħu:
“Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti. Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi; triqati kollha inti tafhom sewwa. Nkun għadni anqas lissint il-kelma, meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha. Dawramejt inti tħaddanni,
u tqegħedli idek fuqi. L-għerf tiegħek ta’ l-għaġeb, ma nwassalx għalih; għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu. Fejn immur ‘il bogħod mill-ispirtu tiegħek? Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek? Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int; jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ, u mmur ngħammar fi truf il-baħar, hemm ukoll tilħaqni idek, u taqbadni l-leminija tiegħek. Jekk ngħid: ‘Ħa jaħbini d-dlam, ħa jkunli d-dawl lejl madwari,’ anqas id-dlam ma hu mudlam; għalik il-lejl jiddi bħan-nhar; id-dlam bħad-dawl għalik.
Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni. Nroddlok ħajr, għax b’mod ta’ l-għaġeb għamiltni: ta’ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.
U ‘l ruħi inti tafha tajjeb. Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-satra u nintiseġ fil-qigħan ta’ l-art. Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;
u jiemi kienu ġa magħduda meta ebda wieħed ma kien għad hemm. Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom! Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; xħin nasal fl-aħħar, nkun għadni fil-bidu miegħek…
Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; iflini, u kun af ħsibijieti. Ara iniex miexi fi triq ħażina,
u mexxini fit-triq ta’ dejjem” (S 139:1-18. 23-24).
U xi jnissel dal-kliem hekk ħlejju u kollu duwa f’qalbi u f’qalbek jekk mhux id-determinazzjoni li mmorru wara dan Alla li tant iħobbna? Minkejja d-dlam li hemm fina? Li nemmnu fil-kliem ta’ din it-talba u nitolbuh jagħrbilna? Għax l-għarbiel tiegħu qatt mhu ħa jitfagħana f’xi ħabs kiefer imma jsalvana. L-għarbiel tiegħu hu l-istess ħajjitna għax jimliena bil-qawwa ħalli nibqgħu miexja ‘l quddiem f’ħajjitna, minkejja d-dlamijiet li hemm fina.
L-ilma
Isemma l-ilma. Min hu dan l-ilma jekk mhux l-Ispirtu s-Santu li hemm fik u fija, aktar u aktar jekk tgħammidna? U kemm dan l-ilma jaqta’ l-għatx għax jiffriskana, jaħjina, ifarraġna, iserraħna, jagħtina s-sliem u jxennaqna għal aktar sliem. Is-sabiħa hi li x-xenqa li biha ixxennaqna ma tobroxniex, ma tisloħniex, ma tagħtiniex kedda li, kważi kważi, warajha għid li se tagħtina xi taqliba. Le! Ix-xenqa tiegħu tagħtina l-ħajja ta’ dejjem li tibda minn issa.
Bit-tazza f’idi
Meta nkun bit-tazza tal-ilma f’idi, f’dak id-dlam, nara d-dawl sabiħ tat-tama u l-ferħ. Fuq kollox nara l-verità fil-kelma ta’ Ġesù li min jimxi warajh ma jimxix fid-dlamijiet imma jkollu d-dawl tal-ħajja. U min hu d-dawl, l-ilma u l-ħajja jekk mhux int Spirtu Qaddis?
Spirtu s-Santu, int id-Dispensatur tal-ilma tiegħi. Għinni nagħfaslek il-buttuna BLA QJIES ħalli tibqa’ tiġi fija BLA QJIES u hekk timlini bil-ferħ tiegħek BLA QJIES ħalli ningħata għall-oħrajn BLA QJIES FIL-QJIES. Amen.
Patri Mario Attard OFM Cap