L-ewwel paniġierku li l-Mulej tani l-grazzja ninseġ, permezz tal-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, kien dak ta’ San Pawl tar-Rabat. Kienet l-ewwel darba għalija li nagħmel paniġierku f’din il-Bażilika Kolleġġjata u Proto-Parroċċa.
Dan il-paniġierku, li kien l-ewwel wieħed fost dawk li l-Mulej għażilni biex nippriedka għal din is-sena, kien naqra drammatiku. Niftakarni noħroġ biex tiġi l-karozza għalija. Wara xi ħin nistenna (u li kien waqt sabiħ ukoll għax stajt niftakar fil-kbir Pawlu li għadda minn xiex għadda basta wassal il-vanġelu ta’ Kristu), il-karozza ġiet. Kemm ħadt gost nitħaddet max-xuffier Malti li l-Mulej ipprovdhieli. Dan ix-xuffier kien tabilħaqq speċjali. Fid-diskursata tagħna fi triq li tieħu gost issuq fiha għax karozzi ma tantx kien hemm iduru, qalli li fl-imgħoddi kien jagħmilha ta’ Kristu fil-pageant tal-parroċċa fejn kien. Imbagħad qalli wkoll kelma li tassew għamlitli ħafna u ħafna ġid: “Patri, qabel kont nagħmilha ta’ Kristu kont immur inqerr u nagħmel nofsiegħa adurazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat”.
Stajt immur lejn ir-Rabat biex inwassal il-Kelma t’Alla fil-quddiesa tal-paniġierku aħjar minn dan il-mod? Ara l-Mulej jaf x’inhu jagħmel meta ippermetta li kollox isir kif xtaq hu u mhux kif ippjanajna aħna l-bnedmin. Bilħaqq, kinitx din ukoll l-esperjenza ta’ Pawlu meta, fl-Atti tal-Appostli, hu jgħid lill-baħrin u l-membri tal-ekwipaġġ tal-ġifen li “kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu” (Atti 27:21): “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27: 21-26).
F’din l-ewwel esperjenza marbuta mal-paniġierku ta’ San Pawl tar-Rabat intbaħt li dan kien se jkun paniġierku avventuruż.
It-tieni avventura
Wasalna l-Knisja u wara li ngħatajt tislima mill-isbaħ mill-arċipriet u mis-saċerdoti li kien hemm bdejt inħejji għall-paniġierku. Qatt ma kont tlajt fuq il-pulptu tal-Bażilika tal-Kolleġjata ta’ San Pawl tar-Rabat. Għalhekk, meta l-abbati ġie għalija biex itellagħni fuq il-pulptu, jien imxejt warajh bħal ħaruf u tlajt, bil-mod il-mod, dak it-taraġ wieqaf.
X’dehra mill-isbaħ kelli quddiemi tal-Knisja. Dak San Pawl tant sabiħ u majetuż li l-iskultur Giovanni Caruana, b’tant majestrija u sengħa, tana fl-injam f’din l-istatwa li nġiebet fil-parroċċa ta’ San Pawl eżattament 250 sena ilu, fl-1774. Kemm tassew tagħtni paċi kbira! Kemm ħadt gost inħares lejn Missierna u ħuna Pawlu! Imħabbtu għalija f’din l-istatwa tagħtni kuraġġ ta’ sur biex insejjaħ lill-Ispirtu s-Santu, il-GPS tal-Mulej, li tani hu l-organizzazzjoni ta’ ħsibijietu fl-iskema tiegħu. Hekk, f’kull waqt tal-paniġierku, kont f’idejħ ħalli l-ebda ħsieb li kien se jnebbaħni bih ma kien se jinsteraqli. Anzi, kull ħsieb kellu iservi l-għan biex, fi kliem Pawlu stess, “Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28).
Kienu dawn il-pari jdejn ta’ Alla Missierna, kif ippreżentahulna Pawlu stess fl-Ittri tiegħu, li rajt fuqna lkoll dak il-waqt tal-paniġierku. X’avventura dik hux li Alla Missierna jħobbna u jagħmel kollox favur tagħna!
It-tielet avventura
Hekk kif il-Mulej tani l-grazzja li nvara l-bastiment tal-predikazzjoni u tax-xandir tal-Kelma tiegħu fil-Bażilika Kolleġjata u Proto-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat, il-Mulej laqqagħni ma’ ħsieb kbir ħafna: int u jien nistgħu nkunu bħal Pawlu li nirrakkuntaw u niktbu l-istorja tagħna stess.
Pawlu jirrakonta minn xiex għadda mhux biex jiftaħar imma biex jagħti kuraġġ lilek u lili li, bħalu, ukoll ngħaddu mid-diffikultajiet tagħna meta bħalu nippruvaw inkunu dawl ta’ Kristu Sidna u Ħuna għall-oħrajn. Ħa nħalli lilu jirrakonta minn xiex għadda għax ir-raġel tant kemm jaf jirrakkonta li ma tiddejjaq qatt u qatt tisimgħu fuq li tisimgħu:
“B’għajb għalija ngħidu, li minn daqshekk aħna konna nies bla ħila ta’ xejn. Imma – biex nitkellem ta’ iblah – f’dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll. Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imbwiċċ mal-mewt. Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? (2 Kor 11:21-29).
Kemm-il darba għedt: “Li kieku kelli nikteb l-istorja ta’ ħajti naħseb li għandi fejn nikteb rumanz sħiħ”. Jalla hu hekk ħija u oħti! L-għaliex mela, misjuq mill-eżempju ta’ Missierna u Ħuna Pawlu, int ukoll ma tagħmilx dan il-pass sabiħ u tirrakkonta l-istorja tiegħek? L-għaliex ma ssibx min jgħinek tikteb l-istorja ta’ ħajtek? Mhux biha l-Mulej irid jiftaħ qalb il-bnedmin uliedu u ħutek? Jekk għandek x’tirrakkonta irrakkonta ħa tagħmel kuraġġ lil dawk li għandhom bżonn jisimgħu storja bħal tiegħek ħalli jqumu mir-raqda tal-qtiegħ il-qalb u jagħtu l-ewwel passi tal-ħelsien tagħhom!
L-aħħar avventura
Kemm ir-Rabtin għandhom għal qalbhom il-Grotta ta’ San Pawl. U bir-raġun! Għax min jinżel f’dik il-Grotta ma jistax ma jħossx lil Pawlu tagħna li jkellmu u jkellimha, ikellimha u jfarraġha.
Misjuq mill-imħabba u l-għożża li hemm isaltnu fil-Grotta ta’ San Pawl, il-Mulej tani dawn il-kelmiet f’nhar il-festa ta’ San Pawl u li ma stajtx ma nxandarhomx bil-qawwa kollha fil-paniġierku lil Pawlu tagħna: “O mqaddsa ta’ San Pawl il-Grotta dmugħi dejjem nitolbok ixxotta”.
Il-GPS tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu, issorpendieni waħda bil-kbir għax urieni kemm għandna nżuru din il-Grotta bl-Ittri ta’ San Pawl f’idejna ħa naqrawhom quddiemha, l-aktar f’waqtiet ferm diffiċli ta’ ħajjitna. U hemm, għas-skiet tal-Grotta, b’dawk l-ittri mqaddsa f’idejna, inħallu l-preżenza sabiħa ta’ Pawlu tfarraġna. Ma ninsewx li fil-Facebook tiegħu, San Pawl poġġa bħala status dal-kliem qawwi: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20).
Dawn l-erba’ avventuri wassluni għal biċċa xogħol importanti li l-Mulej, fil-ħniena tiegħu, tajt bħala homework mhux biss lill-parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat imma lilna lkoll: Ejjew fil-Facebook tal-internet li għandna u anki permezz ta’ ħajjitna stess ngħaddu messaġġi sbieħ li jagħtu tama u fejqan. U hawn hi l-missjoni li nħoss li l-Mulej qed jagħtina lkoll f’jum il-festa ta’ San Pawl u li se nħallieha fi kliem Pawlu stess: “Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kkor 1:3-4).
Mhux avventura li nħallu lill-Mulej ifarraġna fid-dwejjaq tagħna u mbagħad inħalluh jużana biex ifarraġ lil ħaddieħor li jgħaddi mid-dwejjaq tiegħu bħalna? Hemm avventura isbaħ minn din?
Patri Mario Attard OFM Cap