Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
X’imħabba kbira għandek għalina, o Ġesù, li għażilt li tiġi tgħammar fina u fostna fis-Sagrament Imqaddes.
Nadurak, o Ġesù, għal dawk li ma jadurawkx.
Inħobbok, o Ġesù, għal dawk li ma jħobbukx.
Nirringrazzjak, o Sinjur, għal dawk li qatt ma jirringrazzjawk; u noffrilek l-imħabba, l-gratitudni u l-adorazzjoni kollha tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, bħala tpattija għal dak li hu nieqes f’qalbi, li ħafna drabi hi kiesħa u ngrata. (3 sek pawsa)
Ġesù, permezz tal-merti effikaċi tal-Omm Imqaddsa, iġbed lill-bnedmin kollha lejn il-Qalb Ewkaristika tiegħek, biex ilkoll insiru ħaġa waħda fl-imħabba tiegħek.
(2 sek pawsa)
Bil-qawwa tal-imħabba Ewkaristika tiegħek, saffini, O Ġesù, biex inkun nixbaħ is-safà tiegħek; ibdilni fik, ħalli ġismi jkompli jkun tempju tal-Ispirtu Qaddis tiegħek; għaliex qalbi nħolqot biss għalik: biex nagħrfek, biex inħobbok, u biex naqdik.
Wassalni, o Mulej, biex dejjem nixxennaq għas-sbuħija u l-glorja li Int lestejt għalina fis-sema pajjiżna, fejn hemmhekk inkunu f’xebħ sħiħ tiegħek, u nieħdu sehem f’festa ta’ mħabba li ma jkollhiex tmiem.
Silenzju/ background music 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 21:25-28,34-36
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimhaNazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.
Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Nhar il-Ħadd, il-Knisja tiċċelebra bil-ferħ lill-Verġni Marija, taħt it-titlu ‘tal-Immakulata Kunċizzjoni’. Dik li ġiet magħżula sabiex tkun omm il-Mulej, kien jistħoqqilha li ma tiċċappasx bid-dnub tan-nisel. Marija hija dik it-tfajla verġni, mir-raħal umli ta’ Nazaret, li Alla ħabb u għażel, u mliha bil-grazzja tiegħu, biex tkun omm ibnu. (2 sek pawsa)
Sabiħa l-ewwel kelma li biha l-anġlu Gabrijel jiftaħ id-djalogu tiegħu ma’ Marija: “Ifraħ”. Din hija n-nota li ddoqq kontinwament fir-rakkonti tat-twelid ta’ Ġesù. L-istess ferħ li l-anġlu ħabbar lir-rgħajja ta’ Betlehem: “Inħabbrilkom ferħ kbir. Ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10).
Aħna wkoll imsejħin biex nifirħu! Għax Ġesù qiegħed fostna, fina; u jridna li dan il-ferħ li Hu jimliena bih, ma nżommuhx għalina, imma ngħadduh lill-oħrajn li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Silenzju 3 min
Xi jfisser li tkun “mimlija bil-grazzja”? Din hija mistoqsija fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni solenni li se niċċelebraw nhar il-Ħadd.
Dan it-titlu jagħraf li l-grazzja mliet ruħ Marija mill-mument tat-tnissil tagħha, u b’hekk ġiet ippreservata mit-tebgħa tad-dnub. Hawnhekk naraw l-għeġubijiet tal-Mulej. Il-Missier ħares lejn il-merti ta’ Ibnu Ġesù, u permezz tal- passjoni, u l-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, lill-Marija, ħarisha minn kull dnub; filwaqt li lilna, l-Mulej, ħelisna mid-dnub. (3 sek pawsa)
F’dan iż-żmien tal-Avvent li fih qegħdin nistennew sabiex niċċelebraw il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù, nitolbu aktar lil Marija l-omm tagħna, sabiex bħalha, aħna jkun jistħoqqilna li ngħixu qrib binha Ġesù, ‘il bogħod minn kull dnub li jifridna minn miegħu.
Ħa tkun Marija ta’ għajnuna għalina fil-mixja tagħna wara binha Ġesù
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Ejjew infaħħru lil Alla, għall-għeġubijiet kbar li għamel ma’ Marija, meta ħelisha mid-dnub, biex għamilha omm Kristu l-feddej, u nressqu lill-Mulej it-talbiet tagħna.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, biex tkompli xxandar l-Aħbar it-Tajba tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu
Nitolbu għall-mexxejja tal-ġnus u dawk li għandhom xi setgħa fuq il-bnedmin, biex jimxu dejjem bil-ġustizzja. Nitolbu.
Agħmel li Marija tkun għalina dejjem sinjal ta’ dak li hu sabiħ, dak li hu ġmiel, u dejjem nagħżlu dak li trid Inti. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej għall-morda kollha, fl-isptarijiet jew fid-djar tagħhom, biex tagħtihom l-għajnuna kollha li jeħtieġu fil-mard tagħhom. Nitolbu
Nitolbuk Mulej, biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, biex Inti tilqagħhom u tagħtihom il-ħajja ta’ dejjem, u tagħti l-faraġ lill-familjari tagħhom. Nitolbu
Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: