Daqs ħmistax ilu Malta u Għawdex inħasdu mill-mewta għall-għarrieda ta’ ħuna Joseph Grech, nursing aide fl-Isptar Mater Dei fit-taqsima tal-Kura Intensiva ITU. Ħafna kienu dawk li bkew it-telfa tiegħu. Id-dulluvju ta’ messaġġi ta’ solidarjetà fuq il-midja soċjali wera biċ-ċar kemm dan ħuna kien maħbub u rispettat minn kulħadd.
L-aktar ħaġa li laqtitni f’dil-ġrajja ta’ niket hi l-għaqda li ntisġet magħha. Fil-funeral tiegħu, li sar fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla nhar il-Ħamis 30 ta’ Mejju 2024, ħamest ijiem wara l-inċident fatali li ħasad il-ħajja ta’ dan ħuna fl-eta żgħira ta’ 48 sena, insaħħet ħafna l-għaqda. Personalment tassew imtlejt b’kuraġġ meta rajt staff tal-Isptar Mater Dei jiltaqa’ biex isellem lil dan il-bniedem kbir, umli, ġeneruż u ta’ fidi kbira jingħaqad familja waħda. Apprezzajt nara xi patrijiet Kapuċċini li ħadmu bla heda, flimkien ma’ oħrajn, fl-Isptar Mater Dei, jiġu huma wkoll imfarrġa mill-istaff waqt li huma stess farrġu lil dawn ħutna. Il-vera mħabba turi ruħha meta nifirħu ma’ min jifraħ u nikbu ma’ min jibki.
Dan kien il-motto tal-ħajja sabiħa ta’ ħuna Joseph Grech. Kien jaqdi lil kulħadd għax f’kulħadd kien jara lil Ġesù. Ħelu u f’loku kien il-kumment li għamel nhar il-funeral tiegħu l-Arċipriet ta’ Bormla l-Kanonku Dun Anton Cassar meta, fi Knisja mballata bin-nies, qal: U din kelma bejnietna: l-isptar kien qisu tiegħu. Ma’ kull min tiltaqa’ fl-Isptar Mater Dei għid li se isemmilek il-ġid kbir li l-Mulej għamillu u għamlilha permezz ta’ dal-bniedem li qalbu kienet letteralment f’idejh.
Anki l-Belt ta’ Bormla bkietu u tibqa’ tibkieh għal dejjem lil ħuna Joseph. Il-preżenza tiegħu kienet, tista’ tgħid, f’kull għaqda ta’ Bormla. Dan juri biċ-ċar kemm tassew kien jimpurtah u jħobb lil din il-Belt fil-veru sens tal-kelma. Fuq kollox, il-fidi tiegħu għamlitu sensittiv bil-qabda biex jgħin lill-batut. L-Ewkaristija Mqaddsa, il-Madonna u San Ġużepp ilkoll għenuh ikun missjunarju tal-ħniena ta’ Alla ma’ tant pazjenti u staff fil-mixja tagħhom lejn Ġerusalemm tas-Sema.
Aħna fil-Kappella fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, lil ħuna Joseph ħassejnieh ħafna. Kull nhar ta’ Ħadd kien jiġi għall-quddiesa tal-għaxra jipprepara u jgħinna għall-quddiesa. Barra minhekk kien iqatta’ ħin jitlob fil-Kappella biex il-Mulej jissokta jimlieh b’dik l-imħabba tiegħu lejn kulħadd. Hawn fl-Onkoloġija ħuna Joseph kien isib il-kuraġġ ħalli jissokta jkun dak li dejjem kien: il-wiċċ ħanin ta’ Kristu għall-imġarrbin. Ma ninsew qatt ix-xogħol fejjiedi li għamel għall-kappella tagħna.
Filwaqt li nitolbu lill-Mulej għal għeżież martu u ibnu, nitolbu wkoll għax-xuffier tal-abbulanza u l-familjari tiegħu. Lilek, għażiż Joseph, ngħidulek GRAZZI ta’ kemm għamilt magħna. Inħobbuk u nitolbu għalik. Itlob għalina.
Patri Mario Attard OFM Cap