Il-Patri tat-televixin

Mhux l-ewwel darba li nkun għaddej kemm fl-isptar Sir Anthony Mamo u kif ukoll f’dak ta’ Mater Dei u nisma’ lil xi ħadd jgħid: Ara l-Father tat-televixin! U jgħid veru. Għax, minn żmien għal żmien, inkun mistieden għall-programm F’Living Show mal-ħabib dejjem antik u ġdid tiegħi Karl Bonaci.

L-istorja tiegħi fuq it-televiżjoni tmur lura għal ħafna snin. U, din l-istorja, hi dejjem imżewqa u parallela ma’ dik tar-radju. Niftakar li fis-sena 1998 kont mistieden għall-programm Pjazza Tlieta,li kien kollu fuq is-sejħa għall-ħajja tal-kunvent. Niftakarna li konna Patrijiet u Sorijiet għall-programm. Aqta’ kif żewwaqnieh l-istudjo tal-PBS! Dak iż-żmien kien tassew żmien tabilħaqq partikulari. Niftakar iċ-ĊIR, jew aħjar Ċentru ta’ Istituti Reliġjużi, immexxi mill-għażiż ħabib u ħija li nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha, Fr Tony Sciberras MSSP u miegħu Sr Tessie Bezzina OSA. Dak kien żmien tad-deheb għalija u għal ħafna postulanti, novizzi u post-novizzi fil-ħajja ikkonsagrata. Kien żmien fejn ġejna mgħallma ħwejjeġ tabilħaqq kbar, importanti u li jiswew mitqlu deheb għall-ħajja. Kien żmien fejn għexna d-diversità tal-kariżmi li jħaddnu l-Istituti tagħna fil-kariżma li tgħaqqadna ilkoll flimkien bħala familja waħda fil-ħajja ikkonsagrata: il-fraternità.

Esperjenzi oħra

Minn hemm il-Mulej beda jiftaħni, bil-mod il-mod, għad-dinja tat-televiżjoni u anki tar-radju. Niftakar li fil-programm tar-radju li kien itella’ ħija u ħabib Patri Philip Cutajar OFM Cap fis-sena 1997 fuq l-istazzjon RTK, Fejjaqni Mulej, jiena u post-novizz ieħor Kapuċċin bħali konna mmorru nieħdu t-telefonati off air. Dik kienet esperjenza qawwija ta’ x’jiġifieri tisma’. Kemm il-karba għall-għajnuna kelli l-grazzja nisma’! U kemm ukoll kelli l-grazzja li nisma’ persuni li kienu jħossuhom waħedhom u li l-uniku refuġju tagħhom kien li jċemplu l-RTK biex jiftħu qalbhom ħalli jtaffu xi ftit mill-uġiegħ li kienet qed tikkawżalhom is-solitudni.

Wara li qaddist, il-Mulej kompla jiftaħli l-kamp tar-radju u tat-televiżjoni ġmielu. L-ewwel nett bil-progamm fuq Radju Marija Jgħannilek Fommi. Kont qattajt l-isbaħ sentejn nagħmel dan il-programm flimkien ma’ żewġ lajċi impenjati. Niftakar ukoll li f’dawk iż-żminijiet konna nagħmlu l-quddiesa ta’ billejl mill-istudjos ta’ Radju Marija kull l-ewwel ġimgħa tax- xahar. Ġieli kont immur wara tnax-il siegħa xogħol fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-jum tal-għada kien ikolli nqum fil-5.40 am għall-quddiesa tal-ewwel fl-isptar, li kienet tkun tas-6.30 pm. Xi żminijiet tad-deheb kienu dawk!

Ma’ dan iż-żmien tabilħaqq sabiħ u ta’ kuraġġ liema bħalu nsemmi l-esperjenza mill-isbaħ li l-Mulej kien tani fuq l-istazzjon tar-radju Big 107. Kemm il-Mulej tana l-grazzja li ntellgħu programmi ta’ diskussjoni, qsim ta’ esperjenzi u, fuq kollox, ta’ talb fuq dan l-istazzjon tal-komunità! Kemm-il darba dħalt kważi f’nofs ta’ lejl il-kunvent. Bilfors! Daqskemm kienu jċemplu nies fuq il-programm! Mill-Big 107 il-Mulej għallimni xi tfisser li tagħti ċans nies li jitħaddtu on air.

Aktar tard għamilt żmien fejn tajt il-kontribut tiegħi fil-Komunità Tiġi Saltnatek u anki kont inkun fuq il-progamm li kienet ittella’ l-komunità fuq Smash TV. Ma’ dan insemmi wkoll il-grazzja li l-Mulej kien tani meta kont għamilt xi programmi fuq DJ Radio fi ħdan l-istess komunità. L-istorja issuktat taqdef aktar ‘il quddiem sakemm fl-aħħar sibt ruħi fuq Radju Malta nagħmel programm ma’ Ivan Bartolo filwaqt li wara konna issuktajna fuq Xejk TV u Net TV bil-programm Frux. Fl-isfera tar-radju, ma’ Clint Bajada konna għamilna sensiela ta’ programmi fuq ONE Radio bit-titlu Mill-iskola tal-ħajja. Anki hawn kien hawn ftuħ tabilħaqq interessanti. Niftakarni ngħidlu lil Clint: Kemm hu sabiħ l-istudjo li għandkom hawn. Kemm hu komdu. Dan biex ma nsemmix id-diversi drabi li ġejt mistieden għal xi programmi li huma marbuta mal-Milied li jtella’, minn żmien għall-ieħor, l-istess One Radio.

Sadanittant, fix-xena tat-televiżjoni, il-Mulej fetaħli l-bieb permezz tal-ħabib tiegħi u ħija Karl Bonaci. Miegħu rajt il-programm F’Living Show jitwieled, jikber u jissaħħaħ sa ma jitla’ fil-quċċata tal-aktar programm televiż ta’ wara nofsinnhar segwit fil-Gżejjer Maltin. Din l-esperjenza kienet u għadha tant sabiħa. Bħalma ħafna jafu, għal ħafna żmien konna nkunu fil-programm Karl, Natius Farrugia u jien. Minn din l-esperjenza jien issuktajt nitgħallem dak li Papa Franġisku ilu jtambar fuqu għal dawn l-għaxar snin sħaħ: l-importanza li s-saċerdot jisma’, jisma’, jisma’. U jien, ta’ sempliċi Patri Kapuċċin, midneb, marid u limitat kif jien, ippruvajt nisma’, nisma’, nisma’… Nammetti, mhux faċli tisma’. Kemm-il darba kelli aptit naqbeż fin-nofs ħa nuri x’naf. Imma le! Ippreferejt li noqgħod fuq is-seat ta’ wara biex nisma’, nisma’, nisma’… Sakemm fl-aħħar ingħatajt, b’ħafna imħabba, rispett u għożża, iċ-ċans li nwieġeb. U, iwa, ġejt mgħejjun jien ukoll biex inwieġeb ħalli t-tweġiba tiegħi ma tkunx rejazzjoni ta’ mument imma faraġ li jfejjaq id-disprament. Is-sabiħa hi li jien stajt nagħmel dan fil-fraternità, man-nies li miegħi kienu fuq il-programm u qatt waħdi, sulu u magħluq f’xi bozza ta’ superfiċjalità li tinten is-seba’ pesti.

Illum

Għall-grazzja tal-Mulej illum din l-esperjenza għadha għaddejja. Bħalma tafu, minn żmien għal żmien Karl għadu jistedinni biex flimkien nitħaddtu fuq xi ħaġa li l-Mulej jurina u li hi mportanti li nitħaddtu fuqha.

Kemm nieħu gost immur għall-programm F’Living Show. Dan l-għaliex l-esperjenza tagħna fil-programm ma tkunx sempliċiment show fis-sens ta’ divertiment bissimma wirja ta’ tagħlim, sapport, smiegħ u kuraġġ. Id-djalogi li jkolli ma’ Karl fuq il-programm nibqa’ ngħożżhom l-għaliex fihom ikun hemm kliem-mediċina li jfejjaq il-qlub u jfarraġ fejn il-qalb tkun muġugħa, ir-ruħ dgħajfa u l-moħħ għajjien. Barra minhekk, f’dawn il-programmi nħoss ukoll il-preżenza tat-telespettaturi li għalija, bħalma żgur huma għal ħija u ħabibi Karl, huma ħutna. Dawn ħutna li jkollhom bżonn ta’ dik il-kelma li ttellagħhom ‘il fuq. Nammetti, minix xi professur, espert jew ma nafx xiex. Biss jiena l-Patri li jħobb jisma’ u jħalli lill-Mulej jgħallmu permezz tan-nies, tas-sitwazzjonijiet imlewna tagħhom u anki minn dak li ngħaddi jiena stess. Jiena STUDENT TAL-ISPRITU S-SANTU, il-Mulej li jagħti l-ħajja. U din il-verità nħobb inxandarha minn fuq il-bjut ħa tidwi mal-erbat irjieħ tad-dinja għax inħoss li tiġbor fil-qalba tagħha dak li tassew jien.

Ħija Patri Mariano

Wieħed mill-mudelli tiegħi fid-dinja tat-televiżjoni hu ħija l-Kapuċċin Patri Mariano da Torino. Dan kien il-Patri Kapuċċin li kien jgħid lil kulħadd: Pace e bene a tutti, li bl-ilsien għażiż tagħna tfisser Paċi u ġid lil kulħadd. Fil-ħajja televiżiva u anki personali ta’ Patri Mariano dan ma kienx sempliċiment awgurju li kien iħobb jagħmel fuq it-televiżjoni imma kien ifisser tassew l-essenza ta’ ħajtu. Dan kien l-awgurju li kien jiftaħ u jagħlaq kull trażmissjoni televiża tiegħu lill-udjenza tat-telespettaturi li kienet tlaħħaq bejn il-15 sas-17-il miljun ruħ u li kienet issegwih kull nhar ta’ Tlieta fuq RAI UNO. Il-Patri twil, b’saħħtu, b’leħja daqshiex, b’ħarstu penetranti u bi tbissima li tilqa’ lil kulħadd, Patri Mariano kellu f’qalbu post għal kulħadd. U dan it-telespettaturi kienu jafuh għax kienu jħossuh!

Patri Mariano, mis-sema fejn int qiegħed, għin lil Patri Mario jkun bħalek. Ibqa’ ħeġġu ħa jitlob qabel jidher fuq it-televiżjoni ħalli fih jidher Ġesù mhux hu. U, bilħaqq, ibqa’ fakkru u tanbarlu ħalli f’għeluq kull trażmissjoni jitlob dik it-talba u jagħti dik il-barka li tinkludi lil kulħadd. Mill-bqija, ħu naqra paċenzja bih u ibqa’ tambarlu għax għandu ħabta kif jinsa’. Int tifhmu għax, wara kollox, hu Kapuċċin bħalek, wieħed minn ta’ ġewwa!

Berikna Patri Mariano!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?