Inkun qed nistennieħ il-Ħadd, wara l-quddiesa u s-siegħa meditazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat, fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Kif tabilħaqq nerħilha sal-bar ta’ Mater Dei ħalli nieħu l-kafè li l-aktar li nħobb għax imsemmi proprju għalija u għal min hu bħali, il-cappuccino!
Issa din mhix xi self-promotion, kif hawn xi għaref li ħaseb jew għadu jaħseb, tant li qabad u xeħitha fuqi hekk, bl-addoċċ. Eh il-proġettazzjoni psikoloġika! Kemm hi kiefra! Ħija, tiegħek żommu għalik! Ieqaf waħħlu fuq l-oħrajn! Intant … Illum ngħid li din hi drawwa tassew ħelwa li kien iħobb jagħmel patri minn tagħna, meta kien kappillan f’dar tax-xjuħ. Meta kont il-kunvent tagħna tal-Furjana kelli l-grazzja li niekol ħdejh. Kemm kont nieħu gost nitħaddet miegħu! L-ewwel nett, kien Juventin bħali. Allura kellna naqra punt komuni bejnietna. Imma, ta’ wieħed li kien iħobb il-kultura Taljana u studjaha għal xi xhur f’Salerno, l-Italja, kien iħobb isajjar il-magħruf kafè.
Niftakru jgħidli li kien jistenna l-jum tal-Ħadd biex, wara li jqaddes u jara naqra l-gazzetti tal-jum, isajjar il-famuż kafè u joqgħod jixorbu, bil-mod il-mod, all’Italiana. Qed insemmi biss dan il-fatt u għajnejja qed inixxu d-dmugħ. Xi żmien sabiħ kien dak f’ħajti jaħasra! Mur ġibu lura!
Madankollu, anki jekk iż-żmien ħarab ġmielu, u forsi mingħajr ma’ kellu d-diċenza li jpaqpaq spiss u jistenna, u allura lanqas ma qgħad iħabbel rasu li jsuq bil-galbu imma kif ġie ġie, xorta waħda għadni ngħożż b’qalbi kollha dik l-esperjenza ħelwa. Biss, il-patri, jippreferi fuq li jippreferi li minflok li jsajjar il-kafè hu jsibu lest. Għax, jgħidlek, tal-lest tajjeb!
Minn fuq il-pont
Miċ-Ċentru tal-Onkoloġija għall-Isptar Mater Dei hemm il-magħruf pont. Kemm esperjenzi sbieħ għandi tiegħu! Kemm barkiet il-Mulej tani l-grazzja li nagħti u anki li rċevejt u għadni nirċievi. Kemm pazjenti berikt u kemm berkuni lura. Kemm santi tal-Kurunella tal-Ħniena Divina u domni tal-Madonna Mirakoluża ħarġu mill-barżakka ċkejkna u lewn il-ħamrija tiegħi. Wara kollox trab kont u trab se nerġa’ insir.
U għax tassew nemmen bis-sħiħ f’din il-kelma li l-Ispirtu s-Santu jgħaddini mill-pont, jien li jien il-patri mhux kwadru imma tond. Għax meta ngħaddi mill-pont qatt ma nibqa’ dak li kont. U kull prezz għoli li niltaqa’ miegħu fih isirli skont! Għax, u wara kollox, il-Mulej Ġesù qed jgħallilmni li min fil-ħajja ma jaħfirx jibqa’ ma jikbirx! X’jiswieli li jkolli n-nies taħti, li kull argument li nidħol għalih nirbħu jew inkella li ħadd ma jagħmilli l-bżieq fuq imnieħri daqskemm jien buli u bulija. Jekk ma naħfirx nibqa’ ma nikbirx! Mela ejja illum, fil-kuntest tal-kafè ħelu li qed jistennieni għax tant imlebleb biex jagħmilni ħieni, nagħmel deċiżjoni u nibda’ naħfer! Almenu nixtieqni li naħfer!
It-telefonata
Ġeneralment, jien hu għaddej minn fuq il-pont, mill-ewwel noħroġ it-telefon u nċempel naqra lill-għażiża ommi ħa nara ftit kif inhi. Kemm tieħu gost! L-aktar, għax wara li ngħidu xi kelma, mill-ewwel nibdew nitolbu dak l-Angelus u noffruh għall-familja tal-ittra u wara dritt nifirxuh għal fuq il-familja tal-Ispirtu, jiġifieri il-familja tal-bnedmin kollha.
U meta l-jum ikun sabiħ, bħalma kien nhar il-Ħadd li għadda, aqta’ kemm din it-telefonata tinżilli għasel! Għax x’hemm isbaħ milli titkellem ma’ xi ħadd għażiż għalik u, fl-istess ħin, tisfa imwieżen minn naqra temp li jġennek bi sbuħietu. Ajma! L-aktar wara dawk it-tlett ijiem xita li kellna l-ġimgħa li għaddiet.
Kelma wara kelma u wasalt Mater Dei. Berikt l-ommi u ommi bierket lili u, ħelu ħelu, wasalt fil-post biex nara naqra l-gazzetti tal-jum. Importanti hux inkella jekk il-patri ma jkollux f’idejh il-gazzetta l-vanġelu se jwasslu mażetta. Mhux hekk?
Għall-kafè!
Rajt x’qalu l-forzi kollha u wara li ddeċidejt li ma ħadd ruħi ninkolla, irħejtilha għall-bar. U hemm insib lil għażiż ħija Sunny! Lil Sunny issa ilni nafu s-snin. Minn dejjem innutajt fih id-don sabiħ li għandu li jaf jagħmel il-kafè u anki jmur man-nies. Sunny ifakkarni kif għandi nkun bħala patri, bil-fardal u ndur ma’ kulħadd. Id-dedikazzjoni tiegħu għall-kafè u għall-klijenti tal-kafè tabilħaqq timpressjonani.
Niggustah ifakkarni fis-sentenza ta’ Ġesù: Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit (Lq 10:2). Iwa għażiż Sunny! Dak li qed tgħid tassew vanġelu kemm l-għaliex jinstab miktub fih u anki l-għaliex qalu Sidna Ġesù Kristu. Imma ħalli ngħidlek għażiż ħija Sunny, il-problema qegħda kullimkien. Anki fil-Knisja. Hemm ara fil-Knisja f’Malta, se jkollna snin fejn ordinazzjonijiet saċerdotali mhux ħa jkun hemm. Il-vokazzjonijiet saru nini nini. Mhux għax il-Ħanini mhux qed isejjaħ. Nemmen li għadu jsejjaħ. Imma l-kilba għall-karriera, għall-għejxien tal-libertà assoluta u xi naqra mħabba żejda għall-flus u għall-esperjenzi mingħajr irbit jafu joħonqu s-sejħa. Imma tibżax! Il-Mulej jaf x’inhu jagħmel. Ejja nafdaw f’idejh!
Naqra kafè b’differenza
U meta ħija Sunny jagħmilli l-kafè u ngħidu dik il-kelma flimkien ta’ żewġt iħbieb antiki u aħwa li aħna hemm jibda’ il-Mulej ifejjaqna lkoll. Kemm persuni ġieli jarawni nieħu l-kafè u jiġu naqra sa ħdejja biex jgħidu kelma. U tgħid kelma tkun? Ġieli kellna mini diskursati fil-bar. U nifhimha. Għax il-bniedem jitħaddet naqra kulma jrid. U jien min jien biex inwaqqaf lil xi ħadd milli jitħaddet?
Imma din it-taħdita issir dejjem fl-isfond ta’ dak il-kafè cappuccino li, bid-duħħan ħelu tiegħu, jaf jikkalma u jagħti l-ħajja. Dak il-ħalib ta’ fuqu jfakkarni li, iebsa kemm hi iebsa l-ħajja, u salvaġġ kemm hu salvaġġ il-mard tal-kanċer, xorta waħda hemm it-tama li f’kollox hemm il-ħniena, il-mogħdija u s-sabar. U tiskanta kif, minn wara l-kantuniera ta’ xi sħaba bajda bajda tal-kafè, araha tinbet imħabba kbira li tagħti s-sliem u tfarraġ il-qlub.
Is-sigriet
U fejn hu s-sigriet ta’ dan kollu ħbieb? Inħobb nuża l-ħsieb ħelu ta’ Stephen Littleword li jgħid hekk: Biex nibda’ il-jum nagħżel il-kafè. Biex nissuktah it-tbissima. Xi ġmiel! Mank jaħasra l-kafè li nieħu jwassalni għat-tbissima! Mhux dik imqanżħa tafux imma dik veritiera, li ġejja mill-qalb. Anki jekk lil din il-qalb iweġġgħuha ma nafx kemm għax ruxxmata jipproġettaw fuqha l-problemi u d-diżażtri tagħhom u jippruvaw joħonquha milli tkun dak li hi. Madankollu, il-Mulej għallimni li meta dan iseħħ huma huma imsieken il-problema mhux jien. Tafu li xorta waħda nibqa’ kalm u nuri l-verità, li nieħu distanza u noqgħod għall-kwiet għax naf li mhux ħa nibdilhom jien, li nara kif inhuma b’ħafna serenità f’qalbi u li ngħidilhom b’imħabba: Qed nara u nħoss l-uġiegħ tiegħek imma minix ħati tal-ħwejjeġ li qed tgħid li għamilt?
Hu x’inhu l-każ, is-sħana tal-kafè tikkalma s-sitwazzjoni u l-qalb iebsa u kiesħa tibda’ triqitha ħa tinħall u jerġa’ ikollha ġewwa fiha ċ-ċirkulazzjoni tad-demm tal-imħabba, tal-mogħdrija u tal-ħniena.
U lilek għażiż ħija Sunny, minn qalbi ngħidlek: SunnyCaruana agħmlilna l-kafè u ibqa’ magħna!
Patri Mario Attard OFM Cap