Qalb il-bombi, id-dħaħen u t-tifrik

Ma tiftaħx gazzetta, ma tidħolx fuq xi news portal online u ma ssibx informazzjoni fuq dak li għaddej bħalissa jekk ma jitħaddtux fuq dak li qed iseħħ fil-Lvant Nofsani. Kulħadd jaf li hi xena tal-biża’ fejn ħadd ma jiflaħ għaliha.

Bombi, dħaħen, tifrik, nies jaħarbu, oħrajn imbikkija l-għaliex tilfu l-għeżież tagħhom. Nies imqattgħin biċċiet inklużi l-aktar vulnerabbi, in-nisa, it-tfal u saħansitra t-trabi. Min spiċċa b’rasu mħanxra u min imlewh bil-bullets tar-rifles. U dan kollu għall-biċċa art li għall-partijiet kollha tfisser ħafna imma żgur li mhux qed tgħinnhom jirrejalizzaw kemm ħajjiet ta’ nies qegħdin jintilfu.

Biex tissokta tagħqad l-istorja l-mewġa ta’ protesti favur kull front hi tal-biża. Min ma’ naħa u min ma’ oħra. Ġlied fuq ġlied. Mibegħda tnissel mibegħda. Ħadd ma jafda lil ħadd. Familji maqsuma. Tfal iltiema. Ġenituri bla ulied. U l-wirt li qed jitħalla hu odju kbir fuq iż-żewġ naħat tal-konflitt. Kulħadd għandu raġun. U ħadd m’għandu raġun. Għax is-soluzzjoni għandha dejjem tkun mal-mejda tan-negozzjati. Bħalma jiġri fil-ħajja anki f’din il-kwistjoni daqshekk delikata, għandna l-istess storja: il-vjolenza qatt m’hi s-soluzzjoni biex tinstab is-sliem u l-ġustizzja. Min jaħseb li għax jaqbad it-triq tal-vjolenza u t-terroriżmu se jsolvi l-problema għax sempliċiment se jhedded u jwettaq fedelment dak li jkun hedded bih, sejjer żball ħafna. U, kif qal il-Papa Franġisku, bil-gwerra jitlef kulħadd u ma jirbaħ ħadd.

Alla reġa’ iżżeffen fl-istorja tal-vjolenza

Minn din l-istorja ntbaħna kemm għadna ma tgħallimnix il-lezzjoni li mhux sewwa u ġust li niġġustifikaw il-vjolenza, il-qtil, il-massakri tal-innoċenti u l-bqija billi nżeffnu l-isem t’Alla fin-nofs. Fil-fatt, Alla qatt m’għandu x’jaqsam, u wisq anqas jiżżeffen, mal-vjolenza u l-vendetta.

Tajjeb għalhekk li quddiem din is-sitwazzjoni daqshekk ta’ qsim il-qalb inħallu l-Ispirtu s-Santu jerġa’ jifdi l-isem ta’ Alla li ġie marbut ma’ atti barbariċi u ta’ stmerrija kbira. Atti fejn ibaxxuna bħala bnedmin għax inessuna l-fatt li aħna, qabel il-fidi li nħaddnu, hi x’inhi, bnedmin.

Kemm ifarraġni dak li jikteb Papa Franġisku fl-ittra enċiklika tiegħu dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, Fratelli Tutti, meta jgħid:

“Il-qima lejn Alla, sinċiera u umli, ‘twassal mhux għad-diskriminazzjoni, għall-mibegħda u għall-vjolenza, imma għar-rispett tal-qdusija tal-ħajja, għar-rispett tad-dinjità u l-libertà ta’ l-oħrajn u għall-impenn mimli mħabba b’riżq il-ġid ta’ kulħadd’. Fir-realtà, ‘dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba’ (1 Ġw 4:8). Għalhekk, ‘it-terroriżmu mistmell li jhedded is-sigurtà tal-persuni, kemm fl-Orjent u kemm fil-Punent, kemm fit-Tramuntana u kemm fin-Nofsinhar, li joħloq paniku, terrur u pessimiżmu, mhux ġej mir-reliġjon – anki jekk it-terroristi jistrumentalizzawha – iżda hu ħtija tal-interpretazzjonijiet żbaljati mislutin mit-testi reliġjużi, tal-politika tal-ġuħ, tal-faqar, tal-inġustizzja, tal-oppressjoni, tal-arroganza; għaldaqstant hu meħtieġ li jieqaf is-sapport lill-movimenti terroristiċi permezz tal-flus, tal-armi, tal-pjanijiet jew tal-ġustifikazzjoni u wkoll bl-importanza fil-midja, u dan kollu jitqies bħala krimini internazzjonali li jhedded is-sigurtà u l-paċi tad-dinja. Jeħtieġ li dan it-terroriżmu jkun ikkundannat fil-forom u l-manifestazzjonijiet tiegħu kollha’. Il-konvinzjonijiet reliġjużi dwar is-sagralità tal-ħajja umana jippermettulna ‘nagħrfu l-valuri fundamentali tal-umanità komuni, valuri li f’isimhom nistgħu u għandna nikkollaboraw, nibnu u niddjalogaw, naħfru u nikbru, biex il-kollettiv tal-ilħna diversi jifforma għanja nobbli u armonika, minflok ikun għajat fanatiku ta’ mibegħda’” (nru.283).

It-terroriżmu hu melħ fuq il-ferità u mhux is-soluzzjoni għall-problema. Ejjew ninfetħu għal xi ħaġa bil-wisq aktar dinjituża, umana u spiritwali li veru tressaqna lejn il-fejqan tant meħtieġ.

Alla qiegħed mal-poplu tiegħu

F’din l-istorja ta’ qtiegħ il-qalb, uġiegħ u ħsara, hemm qalb il-bniedem li qed tibki fuq kull naħa tal-konflitt. Qalb minfuda li tilfet l-għeżież tagħha li tant ħabbet. Qalb li mħabbitha kienet imsejsa fuq il-fraternità u l-imħabba tal-għaqda tal-familja.

Kajjin ħaseb li billi qatel lil ħuħ Abel seta’ jsolvi l-problema ta’ għira li kellu tbaqbaq fih. Ħaseb li billi jċappas idu bid-demm seta’ jaqta’ l-għatx li kellu li jaħkmu għax jisparixxih mid-dinja. Qajla Kajjin ħaseb li meta qatel lil ħuħ Abel hu daħħal lilu nnifsu fi sqaq tassew ikrah l-għaliex ġab lill-kuxjenza tiegħu stess kontrih. Qajla Kajjin ħaseb li bil-qtil tiegħu hu kien ġieb il-ġebla fuq saqajh u ttaqqal bil-ħtija tad-demm ta’ ħuħ.

Fuq din l-istorja, Papa Franġisku jikkummenta hekk fl-istess enċiklika li għadna kemm semmejna: “Din il-parabbola hi minsuġa fuq sfond ta’ sekli sħaħ. Ftit wara r-rakkont tal-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem, il-Bibbja tippreżenta l-isfida tar-relazzjonijiet bejnietna. Kajjin jelimina lil ħuh Abel, u tidwi l-mistoqsija ta’ Alla: ‘Fejn hu ħuk Abel?’ (Ġen 4:9). It-tweġiba hija l-istess waħda li spiss nagħtu aħna: ‘Jaqaw jien għassies ta’ ħija?’ (ibid.). Bil-mistoqsija tiegħu Alla jpoġġi fid-diskussjoni kull għamla ta’ determiniżmu u fataliżmu li jippretendi li jista’ jiġġustifika l-indifferenza bħala l-unika tweġiba possibbli. Anzi, bil-maqlub, jagħtina l-ħila li noħolqu kultura differenti, li torjentana biex negħlbu t-tilwim u nieħdu ħsieb ta’ xulxin” (nru. 57).

Imma x’qed jgħidilna l-Mulej meta fina nħossu li quddiem din it-traġedja rridu nagħmlu xi ħaġa? Li hu qiegħed magħna! Qiegħed jaħdem fik u fija! Qiegħed magħna l-għaliex irid li bik u bija jixxotta d-dmugħ ta’ min ġie mweġġa’ u ta’ min ġiet misħuqa lilu u lilha d-dinjità ta’ wlied.

It-tweġiba tagħna

Ħafna jgħidu: “Imma jien x’nista’ nagħmel quddiem din is-sitwazzjoni? Kif nista’, minn dari, nirranġa kwistjoni bħal din li ilha għaddejja s-sekli u tinvolvi tant pajjiżi?” Anki int, minn naqra tiegħek, tista’ tagħti sehmek biex dan il-kunflitt tinstablu soluzzjoni fl-arti tad-djalogu u s-sliem.

L-ewwel nett, ejjew ninqatgħu minn sitwazzjonijiet ta’ paroli li aktar jġib mibegħda. F’din it-tensjoni li għaddejja bħalissa b’mod internazzjonali mhuwiex il-waqt li nippowstjaw posts ta’ rabja u mibegħda lejn parti jew oħra tal-kunflitt. Aktar ma nsaħħnu l-qiegħa aktar il-mibegħda ħa tinfirex u toqtol l-ispirtu tal-persuni. F’dan il-mument hemm bżonn ta’ sawm kbir minn dawn it-tip ta’ posts li jifgaw l-ispirtu tad-djalogu, tal-ġustizzja u tas-sliem. Minflok ejjew immorru għall-posts li jiffavorixxu s-sliem, id-djalogu u l-ġustizzja ma’ min qed ibati. Bħalma tafu daqsi, meta naqbu t-triq tal-ġustizzja nindunaw li l-vittmi tal-inġustizzja huma aħna lkoll. Mela lkoll kemm aħna għandna naħdmu għall-ġustizzja ta’ kulħadd u bejn kulħadd.

It-tieni nett, minbarra li mhux biss ma nisseħbux f’diskursati fejn hemm kliem ta’ mibegħda imma li naraw kif inxerrdu kliem li jfarraġ u jfejjaq ejjew ukoll nitolbu u nsumu ħalli fostna isaltan is-sliem. It-talb u s-sawm huma l-armi biex is-sliem jinvadi l-gvernijiet, min hu responsabbli għall-oħrajn, min hu nvolut fil-kunflitt u min ġie mweġġa’ b’daqshekk kefrija. Irridu nuru li bit-talb u s-sawm aħna veru aħwa ta’ xulxin għax ulied tal-istess Missier, Alla li ħalaq is-sema u l-art u kulma jinsab fihom. Il-veru talb u sawm iwassluna biex nistħu mill-ħażen li għamilna u nerġgħu lura għall-imħabba u l-għaqda tal-aħwa li tfejjaq.

Infakkar fit-talba li kiteb Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu Fratelli Tutti: “Ftakar fina fil-ħniena tiegħek. Agħtina l-grazzja li nistħu minn dak li, bħala bnedmin, kellna l-ħila nagħmlu, li nistħu minn din l-ogħla idolatrija, għax maqdarna u qridna l-ġisem tagħna, dak li int għaġint mit-tajn, dak li int ħjejt bin-nifs tiegħek tal-ħajja. Qatt iżjed, Mulej, qatt iżjed!” (nru.231).

Mit-talb għall-mod ġdid ta’ ħajja

Dan it-talb u s-sawm favur is-sliem irid iwasslna biex naraw lil Kristu fl-oħrajn. Wara kollox, dak Alla li ngħidu li nemmnu, qiegħed f’kulħadd, anki f’dawk li aħna npinġuhom l-għedewwa tagħna.

Għalhekk, l-impenn li jmissna hu li ngħixu t-talba ferm sabiħa u li hi attribwita lil San Franġisk t’Assisi: “Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek: fejn hemm il-mibegħda ħallini nxerred il-maħfra”. Għax meta naħfer, inħenn, naħdem għall-ġustizzja, nisma’ lill-imweġġa’ u nagħti leħen lil min m’għandux li l-vera ġustizzja tibda’ isseħħ. U, la ġie d-diskors, jien tassew inkun irbaħt meta min qiegħed mgħarraq fid-dlam tal-mibegħda b’atti ta’ mħabba, li tfisser ukoll twissija kontra l-ħażen, dak li jkun jerġa’ jidħol fis-saltna tal-imħabba u s-sliem.

Mulej, ħabbibni u għaqqadni miegħek. Għax meta jien miegħek jien nista’ nkun maqgħud ukoll mal-bnedmin u nirbaħ il-mibegħda, l-oppressjoni, il-ħakma, il-vjolenza u kull xorta ta’ ħażen. Flimkien miegħek u mal-bnedmin ħuti jien nirbaħ il-ħażen u nħalli t-tajjeb jidħol fija u jqaddisni. Din hi t-talba li nħoss li għandi nagħmillek qalb il-bombi, id-dħaħen u t-tifrik. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading