O tfajla Immakulata

Minn hawn u ftit jiem oħra niċċelebraw il-festa ta’ Marija Bambina, eżattament nhar il-Ġimgħa t-8 ta’ Settembru 2023. Personalment, din il-festa toħodni lura lura fi tfuliti, sewwa sew meta kont abbati fil-parroċċa tagħna l-Kapuċċini f’San Ġwann.

Niftakar li, daqs tnejn u erbgħin sena ilu, meta kelli dawk id-disa’ snin, id-direttur tagħna, Patri Karlu Cardona OFM Cap (il-Mulej jimlieh bis-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem), kien joħodna n-Naxxar biex nakkumpanjaw fil-purċissjoni tal-festa lil Marija Bambina. Waqt li qiegħed hawn, għall-kwiet, f’kamarti, qed jitilgħu xeni mill-isbaħ quddiemi ta’ dak iż-żmien. Kemm konna innoċenti u nifirħu b’kollox!

Dettall tassew ħelu, imma żgur li ma jinżilx ħelu għasel ma’ min ikun qed jiċċelebra l-festa tal-Bambina, kien il-fatt li meta konna nkunu nafu li sejrin nakkumpanjaw in-Naxxar dejjem qalbi kienet tkun xi ftit imtertqa. Dan minħabba l-fatt li jekk tagħmel ix-xita addijo l-purċissjoni u l-Madonna tispiċċa l-Knisja biex, u bir-raġun kollu, tiġi mħarsa minn kull ħsara li jagħmlilha l-ilma tax-xita. Mhux l-ewwel darba li kienet tkun ix-xita u konna niġu bejn ħaltejn jekk immorrux jew le. Għalija, li mmur nakkumpanja fil-purċissjoni tan-Naxxar, kienet esperjenza tassew sabiħa u li kienet timlini b’ferħ kbir u ġewwieni li mhux ta’ din id-dinja. Kemm kont nifraħ meta d-direttur, minkejja li t-temp kien ikun mejjet li jqattar, xorta waħda kien joħodna għall-festa.

L-atmosfera tal-festa fin-Naxxar

F’dawk iż-żminijiet kelli l-grazzja li nżur diversi festi mal-ġenituri tiegħi, tista’ tgħid kważi kull nhar ta’ Ħadd. Niftakarna mmorru l-festa ta’ Ħal Tarxien, ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, tal-Karmnu tal-Balluta, ta’ Santa Vendra u ta’ Santa Liena Birkirkara fost l-oħrajn. Dan biex ma nsemmix il-festi ta’ San Ġwann tax-Xewkija, ta’ Santa Marija tar-Rabat, ta’ San Ġorġ tar-Rabat, ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur u ta’ Marija Bambina tax-Xagħra f’Għawdex. Mill-festi ma kont imxennaq xejn fuq li xejn.

Fl-isfond ta’ dawn il-festi kollha, ta’ tifel ċkejken li kont, kemm kont nissaħħar fuq il-festa tan-Naxxar. Xi ħaġa li kienet tolqotni ħafna kienet l-istatwa tal-Madonna. Ta’ tifel ċkejken kont ngħid: Kif il-Madonna għandha libsa tad-deheb u l-fidda? Kemm hi sabiħa! U mbagħad, li kienet tassew taffaxxinani bil-bosta, kienet il-kuruna mill-isbaħ tad-deheb li jlibbsulha. Kont ngħid: Imma kif seħħilhom jagħmluhielha lill-Madonna? Kemm hi sabiħa!

Dettall ieħor mill-istatwa tant sabiħa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar hi li r-raġġi tagħha jixgħelu. Il-Madonna ta’ Lourdes li għandna f’San Ġwann ir-raġġi tagħha ma jixgħelux. Ta’ tifel ċkejken li kont li nara lill-Madonna bir-raġġi tagħha jixgħelu kien ta’ impatt tassew kbir fuqi. Kemm kien iħallini tabilħaqq bla kliem. Xi splendur ta’ ġmiel! Anki l-pedistall tal-fidda flimkien mal-bankun li fuqu titpoġġa l-Madonna, għadhom ikellmuni sallum. Ta’ tifel ċkejken kont ngħid: Kif jirnexxielhom jagħmlu daqshekk diżinji sbieħ fuq dan il-bankun? Sintendi kont qed nirreferi għal dak l-injam interzjat, maħdum b’tant għaqal u b’sengħa kbira.

Imbagħad il-mant tal-Madonna kien issaħħarni wisq! Kont nara dawk iż-żewġ anġli dehebija li qed iżommuh minn fuq u dak il-bellus ikħal hekk fin u ta’ kwalità mill-aqwa. Ta’ tifel żgħir kont ngħid: Mela jekk hawn dawn l-ornamenti daqshekk prezzjużi madwar il-Madonna x’valur għandha din il-Bambina daqshekk speċjali?

X’għerf, x’għaqal, x’ħila u x’fidi kbira hux kellhom missirijietna! Abbli ħafna minnhom la kienu jafu jiktbu u lanqas jaqraw. Biss seħħilhom jaqraw u jiktbu l-aqwa ktieb: dak tal-qalb. Seħħilhom jgħaddu dik l-imħabba, mimlija fidi, lilna li qed ngħixu illum. Kemm nagħmlu sewwa li dawn it-teżori ngħożżuhom l-għaliex, marbuta magħhom, hemm il-fidi ferma li l-isbaħ ħajja hi dik mgħoddija fil-Mulej.

L-innu lil Marija Bambina

Meta konna naslu n-Naxxar dritt konna mmorru fis-sagristija u, qassis mill-post li dak iż-żmien kien għadu seminarista, kien iqassamna biex nimxu fil-purċissjoni.

Ngħid għalija din il-purċissjoni kienet togħġobni mmens l-għaliex ma kont inkun naf tista’ tgħid lil ħadd. Ta’ tifel ċkejken kont nistħi nara dawk in-nies kollha quddiem wiċċi f’San Ġwann. Kważi kollha kienu jafuni. Avolja kont naqra ta’ tifel xorta waħda kont inħossu l-piż li kien jafni, tista’ tgħid, kulħadd. Fuq il-presbiterju kont inħobb ħafna l-post ta’ wara fejn ma kont inħares lejn ħadd fil-quddiesa għajr lejn il-madum abjad, bl-iswed u bl-isfar li kelli quddiemi. Għalhekk in-Naxxar stajt inħossni tassew tajjeb u fil-paċi.

Meta kienet toħroġ l-istatwa tant artistika u devota ta’ Marija Bambina niftakarhom idoqqu l-Innu tant sabiħ O Tfajla Immakulata. Sirt naf li jismu hekk dan l-aħħar minn waħda mill-ħaddiema tal-isptar li hi Naxxarija. U biex daħħalt ismu f’rasi staqsejtha, mill-anqas, xi għaxar darbiet. Nittama li ma qabbiżthomlhiex.

Il-mużika ta’ dan l-innu ferm sabiħ hi xogħol il-mibki Mro. Ferdinando Camilleri. Għalkemm mużika ma nafx imma, ta’ wieħed li jħobb jismagħha, dan l-innu jagħtini l-impressjoni li l-ewwel qed jiġi mħabbar it-twelid ta’ xi ħadd importantissmu bl-akbar pompa possibbli. Fil-fatt, il-melodija tal-bidu ta’ dan l-innu tfakkarni ħafna fil-mużika tal-film kolossali The Ten Commandments. Bħalma nafu, dan il-film hu ikkonċentrat fuq dak li se jeħles lill-poplu tal-Mulej mill-jasar tal-Fargħun, jiġifieri Mosè, il-merfugħ mill-ilma.

Jien u nirrifleti fuq dan il-punt qed nara xebħ tassew perfett ma’ Marija Bambina. Marija hi Omm il-Feddej, il-Ħellies tal-ħelliesa, Sidna Ġesù Kristu. Hi wkoll, bi grazzja straordinarja mogħtija lilha, ġiet ippreżervata mit-tebgħa tad-dnub oriġinali ħalli l-Iben ta’ Alla jseħħlu jitwieled mill-ġuf safi tagħha. Kemm f’dan kollu jdaħħalni aktar fl-ispirtu ta’ dan li kiteb l-isqof San Andrija ta’ Kreta dwar it-twelid t’Ommna Marija meta qal:

“Hawn hu l-qofol tal-ġid kollu li tana Kristu, hawn hi r-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Kristu, Alla u bniedem, li, fin-natura tiegħu ta’ Alla, ċekken lilu nnifsu, u, fin-natura ta’ bniedem li ħa għalih, għolla l-bniedem għaddinjità ta’ Alla. Din il-miġja tassew tal-għaġeb ta’ Alla fost il-bnedmin, miġja kollha dawl u dija, kien jixraq li jkollha qabilha xi ġrajja tassew ta’ ferħ, li biha jaslilna d-don għażiż tas-salvazzjoni. Din il-ġrajja qegħdin infakkruha llum biċ-ċelebrazzjoni tagħna: il-bidu tagħha hu t-twelid tal-Verġni Marija u t-tmiem tagħha hu l-għaqda tal-Verb ta’ Alla man-natura ta’ bniedem li ħa għalih.

Illum titwieled Verġni, titredda’ u titrabba, u titħejja biex tkun Omm Alla, omm is-sultan taż-żminijiet kollha. Il-ġid li aħna niksbu miċ-ċelebrazzjoni ta’ llum hu ta’ żewġ xorta: l-ewwel nett naslu għall-verità, u mbagħad neħilsu wkoll mill-jasar tal-ittra tal-liġi u nibdew ngħixu ħajja ġdida. Dan kif? Dan għaliex? Kif id-dell jgħib mal-wasla tad-dawl, hekk il-grazzja twassal għall-ħelsien mill-jasar tal-ittra. Il-festa tal-lum qiegħda bejn żmien il-jasar tal-liġi u żmien il-ħajja ħielsa fil-grazzja, għaliex il-festa tal-lum tgħaqqad il-verità, li seħħet wara, mas-simboli u l-figuri li ħabbruha qabel, u għalhekk tbiddel l-imgħoddi fil-ġdid. Ħa jifirħu u jithennew il-ħlejjaq kollha, biex jiċċelebraw kif jixraq dan iljum ta’ ferħ kbir. Illum hemm festa waħda fis-sema u fl-art; illum jingħaqdu flimkien fil-ferħ kulma hawn fid-dinja u kulma hemm ’il fuq mid-dinja; illum inħalaq u beda jinbena tempju xieraq għal dak li ħalaq kollox; illum tħejjiet għamara ġdida u tassew tixraq lil Dak li għamel kollox”.

Kliem l-Innu

Il-ferħ għat-twelid ta’ Ommna Marija Bambina wieħed jista’ letteralement iħossu fil-ġmiel ta’ kliem ta’ l-Innu O Tfajla Mmakulata, xogħol il-Mro. Ferdinando Camilleri.  O Tfajla Mmakulata li sraqt il-qlub minn tagħna, is-sliem għalik Bambina, ibqa’ dejjem magħna. Omm t’Alla w tal-Vittorja, tifħir nagħtuk u glorja, O Mmakulata, li sraqt il-qlub minn tagħna. Omm t’Alla w tal-Vittorja, Qima nagħtuk!

Wara tant snin li għaddew minn din l-esperjenza mill-isbaħ li nakkumpanja fil-purċissjoni ta’ Marija Bambina fin-Naxxar, illum ngħid li Marija serqitli qalbi bl-istatwa u l-Knisja mill-isbaħ iddedikata lilha f’din il-lokalità. Marija Bambina issuktat tisraqli qalbi b’Naxxarin li l-Mulej laqqagħni u għadu jlaqqagħni magħhom, li jħobbu bil-bosta lill-Mulej, lill-Knisja u lill-proxxmu tagħhom. Dan biex ma nsemmix ukoll l-akkoljenza ħelwa li biha kienu jilqgħuna n-Naxxarin għax wara l-purċissjoni kienu jagħmlu festin għal dawk kollha li kienu ħadu sehem fil-purċissjoni. Il-flixkun tal-luminata, il-pastizzi, il-kejk u l-ħelu mogħti b’imħabba, anki wara daqshekk snin, ma jintesewx. Anzi, aktar qed jiġu apprezzati! Kemm hu sabiħ meta tkun milqugħ b’apprezzament! X’dinjità!

Talba

O Tfajla Immakulata, f’dirgħajk insib il-kenn. Itlob għalija, għallimni u mexxini, ħalli bħalek u bħal Ġesù Ibnek dejjem inħenn. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading