Sabiħa Sente Liena!

Sebaħ il-jum tant mistenni tal-Ħadd 20 t’Awwissu 2023, l-Għoxrin Ħadd ta’ matul is-sena, it-tifkira liturġika ta’ San Bernard ta’ Clairvaux skont il-kalendarju liturġiku imma, għalina l-Karkariżi, hi l-festa tal-Padruna tagħna Santa Liena.

Minix minn Birkirkara għax jien l-uniku wieħed li twelidt San Ġwann. Madankollu, l-għażiż missieri, Alla jaħfirlu, l-għażiża ommi, il-Mulej jfawwarha bis-saħħa tiegħu, oħti Josephine, Alla jaħfrilha wkoll, u ħuti, Alla jberikom ilkoll, kollha minn Birkirkara. Infaħħar lill-Mulej li dan kollu seħħ f’ħajti. Nemmen li dan kien il-pjan ta’ Alla l-Imbierek għalija. Kieku twelidt Birkirkara, u kont immur qassis, abbli kont nispiċċa kanonku. Minħabba l-istatura tiegħi ngħid li kienet toqgħodli ta’ kanonku għax Alla jbierek kemm jien minfuħ! Mhux għax miġbud tafux imma hekk, minfuħ. Abbli bil-mediċini li qed nieħu wkoll li jkomplu jneffħuni aktar milli jien. Intant …

Biss, l-istorja ta’ ħajti, jew aħjar il-pjan tal-Mulej għalija, kien li nkun Patri Kapuċċin. L-għażiża ommi, Karkariża tal-Karkariżi, dan l-aħħar qaltli bil-miftuħ li minn dejjem talbet li wieħed minn uliedha jkun Patri. Kemm apprezzajtha li qaltli hekk! U dak it-tifel kellu, proprju, inkun jien, Mario, Marju jew Marozz, għala Karkariża, iż-żgħir. Kif qed taraw demmi Karkariż u l-kultura li għaġnittni magħha hi dik tan-nies li joqgħodu ħdejn il-Vitorja, fejn twieled, għex u trabba’ l-eks President ta’ Malta, il-mibki Sir Anthony Mamo. Min kellu jgħidli li meta kien għandna fl-Isptar Mater Dei kelli nkun jien li nakkumpanjah waqt li kien qed iħalli dan il-Wied tad-Dmugħ? U, biex tissokta titħawwar il-borma, minn kellu jgħidli li kelli naħdem fl-Isptar li hu msemmi proprju għalih, Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo? Tgħid Sir Anthony Mamo apprezza dik l-assoluzzjoni bl-indulġenza plenarja u s-sagrament tad-dilka tal-morda li tajtu waqt li kien qed iħalli din id-dinja biex jidħol fis-sema pajjiżna, premju li tabilħaqq kien jistħoqqlu? Ngħid li xi ħaġa hekk fl-istorja hemm …

Demmi ma tanix

Din is-sena ma stajtx ninżel għall-festa ta’ Santa Liena. Iċ-ċirkustanzi kienu li kienu. Il-bżonn isaltan fuq kollox. Posti kien mal-għeżież pazjenti, familjari u staff taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Madankollu, demmi beda jbaqbad hekk kif ftaħt għajnejja għal jum il-festa ta’ Santa Liena.

Wara li qaddist il-quddiesa tas-6.30 am dritt bdejt nitlob ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina ma’ waħda mill-ħaddiema tal-Isptar fil-Kappella. Aktar ma beda għaddej il-ħin aktar ħassejt sejħa qawwija qawwija, fil-ġewwieni tiegħi, biex immur nara l-kaxxa tal-ħruġ. Kif temmejna t-talb u għamilt ftit ħin ta’ ringrazzjament fis-skiet mill-ewwel inżilt bil-ġiri lejn il-kamra. Ħejjejt dak li kelli nħejji ħalli fit-tmienja bum inkun qiegħed barra, quddiem id-daħla taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, ħalli nara l-kaxxa nfernali li soltu jisparaw minn fejn Tal-Qasbi.

Mat-tmienja bum bdew jisparaw is-saluti bil-bomba. Persuna li kien hemm ħdejja f’dak il-ħin u li qatgħetha li hi wkoll tiġi tara l-kaxxa tal-ħruġ ta’ Santa Liena qaltli li meta l-qaddisa tkun mara jingħataw għoxrin salut bil-bomba filwaqt li jekk ikun qaddis raġel jingħataw wieħed u għoxrin. Daqskemm ħadna pjaċir b’xulxin nitħaddtu bejnietna lanqas għoddejniehom is-salut bil-bomba! Kif jiġrilek hux meta tkun ħdejn xi ħadd li jagħtik kuraġġ fil-ħajja!

F’dak il-waqt ftakart f’dawk il-beraq ikkuluriti li kien jaħdem il-mibki pirotekniku Karkariż, is-Sur Kustanz Mifsud. Għadni niftakarhom qisu issa dawk il-beraq bil-kulur ikħal, vjola, isfar, roża u aħdar. F’dan il-waqt daqshekk ta’ emozzjoni xerridt demgħa u tlabt għalih u għal dawk kollha li tilfu ħajjithom f’għadd ta’ kmamar tan-nar imxerrdin ma’ Gżiritna. Tul il-bombi bis-salut tlabna wkoll it-Talba tal-Anġelus flimkien u, wara li sejjaħna lil San Ġużepp ta’ Qalb Safja kien bix-xieraq li nsejħu lil għażiża Lieni tagħna. Demmi Karkariż ħa ħallinix kwiet li ma nsejħilhiex f’jum il-festa tagħha!

Għadd ta’ tifkiriet

Kif bdiet tiela’ il-kaxxa tal-ħruġ ta’ Santa Liena għajnejja mtlew bid-dmugħ. Bdejt niftakar bi mħabba kbira fin-nanna Manann, omm l-għażiża ommi, l-Għawdxija, kif kienu jsibuha f’Birkirkara. In-nanna kienet daqs naqra imma tiswa daqs tużżana f’salt. Qsajra qsajra, bajdanija bajdanija, b’dawk l-għajnejn sbieħ żoroq, kienet tħobb tgħidli: Marju, il-karità hi l-muftieħ tal-ġenna. Kemm għamel ġid biha man-nies il-Mulej! Kemm tat karità bil-moħbi għalkemm spiċċat romlot tista’ tgħid żgħira u kellha familja ta’ sitt itfal, tlett ibniet u tlett subjien, xi tieħu ħsieb.

In-nanna kienet saqajha mal-art ħafna. Niftakarha tgħid: Is-sbuħija għall-vetrina. Sbuħiet in-nanna kienet fid-dedikazzjoni kbira li kienet tagħti għall-familja tagħha u għalina, in-neputijiet iż-żgħar tagħha. Kienet l-għaxqa tagħha meta kont immur narmalha l-istatwa ta’ Santa Liena fil-kċina ċkejkna ċkejkna li kellha f’darha, fuq dak is-sideboard l-abjad! Għadni niftakarha qisu issa tgħidli: Marju, kemm hi sabiħa Sente Liena! Dik il-labbra, dak is-salib, dak iċ-ċinturin, dawk l-imsielet! Kemm hi sabiħa Sente Liena!

Jien u naqsam magħkom dawn it-tifkiriet għajnejja ma waqfux inixxu d-dmugħ. Lin-nanna Manann inħobbha ħafna. Meta kienet mietet kont jien li ħadt it-telefonata minn San Vinċenz de Paul fejn l-infermier kien qalli li kienet ħallietna. Kienet marret għand il-Mulej nhar il-Ħadd it-12 t’Ottubru tal-1986. Min kellu jgħidli li kelli nidħol mal-Patrijiet Kapuċċini sewwa sew nhar it-12 t’Ottubru tal-1993 u din is-sena, jekk Alla jrid, nagħlaq tletin sena il-kunvent! Naf li n-nanna qiegħdha titlob għalija quddiem il-Mulej biex nissokta din il-mixja tiegħi wara Ġesù fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk.

Tifkira oħra mill-isbaħ tan-nanna Manann, b’rabta ma’ Santa Liena, hi meta fil-festa tas-sena 1982 lin-nanna konna ħadnieha tara lil Santa Liena ħierġa. Dik il-ħabta n-nanna kellha 82 sena. Għadni niftakarha qisu issa b’dik il-libsa bajda bid-dawriet suwed. Ara Manann! Kif int Mannani ħi? bdew jgħidulha n-nies. U n-nanna tiha tifraħ bihom tgħidx kemm! Daqskemm kienet ħadet gost lanqas riedet tmur lura lejn darha. Qabel nofsinnhar ma telgħetx id-dar. Avolja bla saqajn imxiet, imxiet u imxiet bil-mod u aqta’ kemm ħadet pjaċir. Kienet fis-seba’ sema!

It-tifkira għażiża tal-Prepostu Dun Injazju Sciberras Psaila

Waqt li bdiet tiela’ il-kaxxa tal-murtali l-Mulej fakkarni fil-mibki Prepostu Dun Nazju Sciberras Psaila. Dun Noz, għax hekk konna nafuh, kien sinonimu ma’ Birkirkara. Ta’ tifel ċkejken niftakru, oħxon oħxon, imexxi l-purċissjoni ta’ Santa Liena bil-mitra u l-verumeral imdawwar miegħu, għarqan għarqan. Hekk kif tidħol il-vara, kien ibiddel il-verumeral fuq l-altar maġġur u jilbes il-pjaneta rumana tal-festa. X’tifkiriet ħuti!

Imma l-isbaħ tifkira li għandi ta’ Dun Noz kienet meta kont sejjer lejn Għawdex ma’ tal-Mużew u rajtu rikeb f’karozza Peugeot bajda liebes il-clergy. Niftakar li rajt lil dan il-Monsinjur tal-Vatikan bilqiegħda fuq is-seat tal-passiġġier fuq in-naħa tax-xellug jitlob ir-Rużarju. Din ix-xena ta’ saċerdot, imdaħħal fiż-żmien, liebes il-clergy, iżebbeġ il-kuruna waqt li qed jitlob it-talba qawwija tar-Rużarju tant baqgħet f’qalbi li kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nitlob din it-talba tal-mirakli f’kull sens, niftakar fih! Barra minhekk, jekk ma nkunx għadni tlabt ir-Rużarju l-Ispirtu s-Santu itellagħli x-xena ta’ Dun Noz, liebes full clergy, jitlob ir-Rużarju fil-karozza l-Peugeot il-bajda, bil-kuruna tar-Rużarju bajda ħalib mal-pala t’idu l-leminija, u arani naħtaf il-kuruna u nibda’ nitlob ir-Rużarju bħalu jien ukoll!

Grazzi Mulej Ġesù u grazzi Marija li b’Dun Noz tiġbduni lejkom bir-Rużarju Mqaddes!

Din hi Santa Liena

L-aħwa, din hi Santa Liena. Il-mara tal-familja li batiet tgħidx kemm għax iddevorzjaha żewġha u binha Kostantinu qatel lil ibnu Krispu fuq inkwiet fil-familja. Santa Liena baqgħet tħobb u fetħet idejha mal-fqir. Ħabbet lill-Knisja u bniet il-knejjes fl-Art Imqaddsa. Mhux ta’ b’xejn li, ma’ kull pazjenta li l-Mulej laqqagħni magħha nhar il-Ħadd fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fiha rajt lil Santa Liena! Kull mara fakkrittni fl-imħabba li tħenn, taħfer u tgħaqqad bħalma kellha Lieni tagħna.

Id-demm li għandi jiġri fil-vini tiegħi ta’ Karkariż Elenjan iħeġġek tisma’ dawn il-links fuq YOU TUBE: Innu Santa Liena – Mro Raffaele Ricci https://www.youtube.com/watch?v=cei7aELQKQ8; Innu Tal-Banda Sant’ Elena https://www.youtube.com/watch?v=WRnAOq7smuY; Antifona Sant’ Elena Birkirkara – ‘Manum Suam’  https://www.youtube.com/watch?v=93nJQOnSZo4. U, jekk dejjem trid, Panigirku dwar Sant’ Elena fis-sena 2015 fil-link: https://www.youtube.com/watch?v=_C1C__qAyns&t=3s

Kemm int sabiħa Sente Liena!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading