Adorazzjoni – 2 Ħadd ta’ Matul is-Sena (Sena Ċ)

Glorja u foħħrija nagħtuk, o Ġesù, fl-Ewkaristija Mqaddsa. Għax Int tassew preżenti f’dan is-Sagrament, fejn lejl u nhar tistenniena b’imħabba qawwija. Int qiegħed hawn, lest biex tilqa’, tħaddan, u tbierek lil dawk kollha li jiġu jżuruk. Il-gost tiegħek, o Mulej, huwa li tersaq lejna u tgħammar fina, u li aħna nersqu aktar qrib tiegħek.    (2 sek pawsa)

Mulej, ħallina nitfgħu ħarsitna fuqek, fejn Inti turina l-profondità tal-imħabba infinità tiegħek, billi għoġbok issir bniedem bħalna, minn barra d-dnub. Ġesù, Int il-ħobż ħaj li niżel mis-sema; Int ġejt fostna biex terga’ tħabbibna mal-Missier.

Ħa nersqu lejk, o Sinjur, u kif Int bdilt l-ilma f’inbid, hekk inħalluk tibdel in-niket tagħna, f’ferħ veru; nħalluk tibdel il-qtugħ il-qalb, f’tama ċerta; nħalluk tibdel id-dubju, f’fidi ferma. Għax Int Mulej, minnek toħroġ abbundanza ta’ mħabba u ħniena infinità.

Silenzju/background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                             Ġw 2:1-11

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju       1min

Ħsieb:

Kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet mistiedna. Ġesù wkoll mar għal dan it-tieġ, u miegħu ħa wkoll id-dixxipli tiegħu. Kif nafu, f’din l-okkażjoni ta’ ferħ, jispiċċa l-inbid. Kif se tferraħ lil mistednin jekk ma baqalhomx iżjed x’jixorbu?

Marija tinduna bis-saram li kien ġej fuq l-għarajjes. Hi tidħol quddiem Binha Ġesù, biex Hu jagħmel dak li kellu jagħmel. Marija temmen, tagħmel att ta’ fiduċja sħiħa, u tħalli kollox f’idejn Binha Ġesù.    (3 sek pawsa)

Hija l-fidi ta’ Marija, u l-interċessjoni tagħha, li tixpruna lil Ġesù biex juri l-glorja tiegħu, u jimla b’ferħ dik l-okkażjoni tat-tieġ. Marija ddur fuq il-qaddejja u tordnalhom biex jagħmlu kull ma jgħidilhom binha Ġesù.   (2 sek pawsa)

U Ġesù, quddiem il-fidi u talba ta’ Marija, jibdel dak l-ilma li kien imqiegħed f’sitt ġarar, f’inbid ġdid, tajjeb u abbundanti. Ejjew nimitaw lil Ommna Marija, u nemmnu f’Ġesù Kristu, simbolu tal-abbudanza tal-imħabba tiegħu għalina. Ejjew nitolbuha lil Marija, biex dejjem tinterċedi għalina u tkun medjatur tal-grazzja u l-ħniena infinità ta’ Alla.

Silenzju                 3 min

L-Għarajjes ma kienux daqshekk konxji, mhux biss tal-preżenza ta’ Ġesù; imma wkoll ma kienux konxji tal-qawwa ta’ Ġesù, li seta’ jsalvahom minn dik is-sitwazzjoni imwegħra.    

Bħalna, xi kultant ma nindunawx bil-preżenza tiegħu f’ħajjitna. Naħsbu li l-Mulej huwa l-bogħod minna; naħsbu li mhux qiegħed magħna meta nkunu għaddejjin minn mumenti iebsin fil-ħajja tagħna.   (2 sek pawsa)

Imdawwlin minn dan l-Evanġelju, ejjew għalhekk inqegħdu rwieħna fl-interċessjoni ta’ Ommna; ta’ dik l-Omm li dejjem tidħol għalina, biex hi tixpruna lil Ġesù, ħalli anke fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, jurina l-preżenza tiegħu, jurina l-glorja tiegħu, biex aħna tassew nemmnu fih.

Ejjew inżommu f’moħħna, li Ġesù dejjem qiegħed magħna, huwa qatt mhu se jħallina weħidna; aħna li għandna bżonn li niftħu għajnejna u nagħrfuh.   

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Mulej għal kliem ta’ ommok Marija, Int ħennejt għall-għarajjes ta’ Kana, kien għalhekk li bdilt l-ilma f’inbid, miraklu li wettaqtu bl-interċessjoni tal-Verġni Marija. Nitolbuk biex tisma’ dawn it-talbiet li qed nagħmlulek.

Mulej, nitolbuk għall-Knisja l-għarusa tiegħek, sabiex tibqa’ magħha u tgħanniha b’aktar membri qaddisa li jfittxu jxandruk bil-kliem u bl-eżempju. Nitolbu.

Nitolbu għall-mexxejja politiċi, biex b’impenn jaħdmu għall-paċi u għal dinja aħjar. Nitolbu.

Fid-dawl tal-kelma ta’ Alla li smajna, ejjew nitolbu li bħala kommunità nisranija, nħallu lill-Mulej jibnina bil-kelma tal-imħabba. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej għall-miżżewġin kollha, biex ikunu sinjal u qawwa tal-imħabba tiegħek fid-dinja, biex fil-fedeltà u fl-imħabba ta’ bejniethom, huma jkunu tama għad-dinja. Nitolbu.

Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna li qegħdin jaħsbu, jippreparaw, joħolmu fiż-żwieġ: Biex ma jaqtgħux qalbhom li jagħtu ħajjithom fl-avventura tal-imħabba. Nitolbu.

Nitolbu għal kull min hu mtaqqal u mweġġa’, għal kull min hu marid, għal kull min hu milqut mill-ansjetà: biex il-Mulej fil-ħniena tiegħu, iħares lejhom u jħenn għalihom. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading