IT-TAGĦLIM JITLOB RIFLESSJONI
Biex mit-tagħlim wieħed jiġbed frott, jaħseb u jirrifletti fuqu.
Minn Joe Galea
It-tagħlim hu wieħed mis-sorsi ewlenin tat-tama, li hija t-tema tal-Ġublew li l-Knisja Kattolika qed tirregala lid-dinja din is-sena. It-tagħlim iġib ħajja aħjar. Bit-tagħlim ikollna nies bravi, bħat-tobba li jieħdu ħsieb is-saħħa tal-persuni. Nies fit-teknoloġija, l-inġinerija, fil-finanzi, fil-ġudikatura. Bit-tagħlim ikollna nies ta’ snajja, ta’ arti, li jsebbħu l-pajjiż. L-edukazzjoni fl-iskejjel għal tfal mill-iċken sa tard fil-ħajja twassal għal differenza bejn il-faqar u l-ġid bejn poplu u ieħor. Mit-tagħlim il-progress. It-tagħlim jagħmel lill-persuni, lill-individwi, lil kull wieħed u waħda minna, aħjar.
Dan hu li nebbah lil San Ġorġ Preca, li kien jgħid: “It-tagħlim it-tajjeb hu l-għajn ta’ kull ġid”. Dun Ġorġ li kellu konvinzjoni qawwija kemm it-tagħlim hu tassew l-għajn ta’ kull ġid. Kien jgħid li fid-dinja hawn il-ġid u hawn id-deni. Fil-ktieb tiegħu ‘Il-Pulptu ta’ Patri Franku’, jisħaq li: “Iva, l-għajn ta’ kull ġid huwa t-tagħlim.” U jispjega li fl-istorja naqraw b’nies kbar li għamlu l-ġid lill-umanita’ proprju għax kellhom min jgħallimhom. “Il-ġid”, jgħid Dun Ġorġ, “joħroġ mit-tagħlim it-tajjeb u d-deni joħroġ min-nuqqas tat-tagħlim”.
Imma San Ġorġ Preca ma jiqafx hawn. It-tagħlim hu sabiħ, imma x’qed nieħdu minnu għal ħajjitna? Fil-ktieb tiegħu ‘Is-Sinagoga tal-Filosfi’ Dun Ġorġ isemmi li l-importanti mhux li wieħed jisma’, iżda li wieħed jaħseb u jirrifletti fuq dak li jisma’. Jgħid li “b’hekk jagħmel ġid lilu nnifsu”.
Ukoll wieħed irid jagħżel fuqhiex se jirrifletti għax mhux kull ma nisimgħu jolqotna fil-ħajja tagħna, billi bħala persuni differenti u għandna l-mod tal-ħajja tagħna. Jagħti parir li aħjar wieħed jirrifletti fuq sentenza qasira milli fuq ħafna kliem.
X’aktarx li aħna nagħmlu distinzjoni ta’ min ikun qed iwassal it-tagħlim, min qed jagħmel it-talk, l-omelija, il-konferenza u tagħlim ieħor. San Ġorġ Preca jsemm dan meta jgħid: “Il-kliem ta’ min hu għaref, ta’ min jistudja, ta’ min hu prudenti u prattiku hu iktar ta’ min jirrifletti fuqu”. Għalkemm dan ma jfissirx li ma nagħtux widen lil min hu inqas bravu.
Kemm nisimgħu tagħlim, fil-laqgħat, fil-Quddies, fuq ir-radju u televixin. Ħafna tagħlim li jibqa’ għaddej mar-riħ. Min-naħa l-oħra, tisma’ konferenza, issegwi storja u tinnota parir li jinteressak. Taħseb fuqu u jagħmillek il-ġid. Għalhekk irridu nkunu attenti li dak li hu ta’ ġid għalina, niġbruh u ngħożżuh bħalma niġbru xi ħaġa li fiha valur.
San Ġorġ Preca jsemmi punt interessanti, għax waqt li wieħed jgħallem, ikun qed jieħu ġid għalih stess. Fl-istess ħin, jikteb ukoll li “min qed jisma’, tagħlima tista’ tagħmillu l-ġid iktar minn dak li qed jipprietkaha”.
Issa biex tirrifletti trid il-kwiet. Tant aħna nkunu aljenati. Meta noħorġu mill-Quddiesa. Tisma’ ‘l min jgħid: “Sabiħa l-prietka. Imma kemm dam!” U jekk ma ngħidux: “Kemm qalilhom tajjeb.” Jiġifieri “li qal mhuwiex għalija, imma għall-oħrajn”. B’dan ir-raġunar, ma nkun ħadt xejn.
Apparti milli nkunu nofsna reqdin, ħafna drabi moħħna jibda jiġri kullimkien minbarra dak li qed nisimgħu jew qed naraw. Meta, ngħidu aħna, xi prietka tkun twila, ngħajjew u ma nieħdu xejn. Hawnhekk irridu ngħidu: “Veru twila, u m’inix nifhem biżżejjed, imma ħalli nipprova nieħu sentenza milli qed tingħad, u naħseb fuqha.” Biex ma ninsiehiex, tajjeb ukoll niktibha fuq karta u nżommha għal ftit. Tiltaqa’ ma min ikollu karta u biro u jikteb xi frażi li jixtieq jiftakar fiha.
Mhemmx għalfejn il-prietka kollha. Biżżejjed espressjoni li tisma’: “Aħseb dejjem x’jiġi wara.” Toqgħod taħseb, fiha ħafna għerf.” U tgħid: “Veru, għax meta ma ħsibtx fil-konsegwenzi, ħabatli ħażin.” Li taħseb fuq parir bħal dan, li“min jindokra lsienu jindokra qalbu mid-dwejjaq.” Tgħid: “Din tgħodd għalija għax jiġrili li ngħid kelma bla ħsieb u wara ninduna li aħjar m’għedthex, għax ġibt l-inkwiet.”
Kemm tista’ tagħmlilna l-ġid frażi f’nofs prietka: “Alla jħobbok.” Mhix biżżejjed biex tgħaddi l-ġurnata b’moħħok mistrieħ li hemm dan il-Missier li jieħu ħsiebek?”
Mela niftakru x’jgħid San Ġorġ Preca: “Biex mit-tagħlim wieħed jiġbed frott, jaħseb u jirrifletti fuqu.”
Prosit. Veru kelma wahda tista tbidillek hajtek jew il mod kif wiehed jahaeb u jitlob. Grazzi