Kelma ta’ ħabib

Għażiż ħabib, għadu kemm seħħ il-funeral tiegħek. Milli rajt fuq il-mezzi tal-komunikazzjonijiet soċjali, in-nies attendiet bi ħġarha biex tagħtik l-aħħar tislima kif, wara kollox, kien tassew jixraqlek. Kienu bosta l-Maltin u l-Għawdxin li assistew għall-funeral tiegħek fuq it-televiżjoni u r-radju ta’ One fejn int tajt il-kontribut siewi tiegħek għal ħafna snin. Kemm kont il-leħen ta’ dawk li leħen m’għandhomx!

U issa, wara li kulħadd telaq lejn daru, tefa’ jew inkella qaleb l-istazzjon tar-radju jew il-kanal tat-televiżjoni, il-ħajja ħabib reġgħet issa lura għar-rittmu ta’ qabel. Ritmu kemmxejn miġnun imma, kif iħobb jgħid patri, minn dak hemm. U minn dak se jkollna nduqu! Biss, bħala ħabibek, illum jien ukoll, bil-grazzja li tani l-Mulej, sibt il-ħin u għall-kwiet, ‘il bogħod minn kulħadd, intasabt bilqiegħda ħalli, minn qalbi, niftaħ miegħek dak li hemm f’qalbi f’dawn il-kelmiet. Bħalma taf int, dawn il-kelmiet mhumiex ġejjin minn xi palk ta’ xi sala jew teatru maħnuqa bin-nies. Fejn l-ispettaklu jieħu l-importanza kollha mingħajr ma jħalli nifs għar-riflessjoni personali li mhux dejjem wieħed jieħu gost biha. Lanqas dawn il-ħsibijiet m’huma ġejjin minn xi orkestra issemmiex li tgħaxxaq lil kull min jismagħha bl-eżekuzzjonijiet mużikali tagħha li jħalluk bla kliem.

Le ħabib! Dawn huma ħsibijiet li ġejjin, dirett dirett, mit-tejatru, mill-palk u mis-sala sfullati, vojta u li jdejqu bil-monotonija tagħhom. Imma fil-ħajja taf x’qed nitgħallem ħabib? Li l-affarijiet li jibqgħu u li m’humiex minsusa mill-pesta tal-artifiċjalità għax inkun ħelu u ħelwa miegħek meta għandi bżonnok u mbagħad daqqa ta’ sieq ‘il barra għax issir iddejjaqni tant li ma nifilħekx aktar, dejjem huma mġeżwra, biex ma ngħidx midfuna, f’dik l-attitudni ta’ xi dwejjaq! Sintendi ħabib, għax jitolbu s-sagrifiċċju. Bħalma kien b’sagrifiċċju kbir, għax dejjem ħabbejt dak li ġejt imnebbaħ bih li tikteb, li wasslet biex tikteb daqstant xogħolijiet mill-iprem u mill-ifjen li se jibqgħu jiġu kantanti tul iż-żmien.  

X’naħseb fuq dak li qalu fuqek

Għażiż Ray, kif għalaqt għajnejk għal dan il-Wied tad-Dmugħ, li mhux darba int u jien xerridna demgħa flimkien fih u għalih, ‘il bogħod mill-għagħa u x-xinxilli tal-ispettaklu, kienu ħafna dawk li sellmulek. Kulħadd fakkret kif jafek. Mhux importanti minn qal xiex. Wara kollox kull persuna għandha xi tgħid u l-ebda kariga jew nuqqas ta’ kariga mhi ħa tnaqqas jew iżżid, imqar b’ħarira, dak li kull persuna, bil-jedd kollu tal-kuxjenza tagħha, kellha xi tgħid fuqek.

Kien hemm min iddiskreviek bħala l-kittieb li jikteb Malti tant sabiħ u mirqum li mill-ewwel jidħol f’sintonija mal-mużika. Jekk dejjem qed nifhem sewwa, it-tħaddim tiegħek tal-ilsien Malti kellu fih innifsu dak is-sentiment, dik il-qalb u dik ix-xewqa li tirrelata. Ma kienx il-Malti kiesaħ, ħiereġ mill-fridge¸ taħdit bla sentimenti li juri l-qalb kiesħa ta’ min qed ifissru.

Xejn affattu! Kien dak l-ilsien Malti li jħoss il-polz ta’ min jitħaddtu. Għax l-ilsien hu parti minn dawk li jaħsbuh, iħossuh, ilissnuh u jgħadduh bi mħabba lill-uliedhom u ‘l ulied uliedhom. Fil-mod ta’ kif ħaddimt l-ilsien tant sabiħ tagħna, kien jidher ċar li ma tlift l-ebda opportunità biex miegħu tpoġġi bilqiegħda u taqbad diskursata kif imiss bejn tnejn li tassew jridu l-ġid lil xulxin. Minkejja n-nuqqas ta’ ftehim li taħdita ta’ din ix-xorta taf dejjem iġġib. Għax is-sabiħ li jorbot l-ilsien mal-kittieb hi s-sinċerità tal-qalb, it-tfittxija għall-verità u ċ-ċelebrazzjoni tagħha fil-ħelsien li jinkludi u qatt ma jeskludi lil ħadd.

Illum ngħid li s-sbuħija tal-lirika tiegħek tinstab fil-fatt li int qatt ma bżajt taffaċċja l-ħwejjeġ kif inhuma. Ħaddimt, bl-akbar ħila, rispett u qawwa, il-kuraġġ li tak il-Mulej biex titħaddet fuq ħwejjeġ li uħud abbli kienu jafuhom imma għażlu li jħarsu lejhom mill-bogħod. U int, b’dik il-kelma mirquma u sempliċi li jifhimha kulħadd, wassalt il-messaġġ. Għażiż Ray, kien għalhekk li min qara dak li ktibt int seta’ jsib postu fil-familja mimlija tama li ħlaqtilna bil-kitba tiegħek.  

Apprezzajt bil-bosta li kien hemm min ikkummenta fuq il-karattru mill-isbaħ tiegħek, karattru kwiet u riservat imma mimli riflessjoni ta’ ħniena. Illum ngħid li din ma kinitx biss kwistjoni ta’ karattru imma wkoll ta’ spirtu li għaraf li fil-ħajja jirrifletti u ma jibqax magħluq fl-erba’ kaxxi ta’ moħħu. Fis-sempliċità u fl-umiltà tiegħek il-Mulej Ray tak il-grazzja li tgħix bħal Marija id-dimensjoni kontemplattiva tiegħek. Fik nara l-għejxien taż-żewġ versi li bihom San Luqa jagħtina fuq Ommna Marija, li int kont tant tħobb: Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha (Lq 2:19). U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha (Lq 2:51). Imma f’liema dawl int għożżejt f’qalbek dawn il-ħwejjeġ kollha u ħsibthom bejnek u bejn ruħek? F’liema kriterju? F’liema qjies? Tgħidilna Marija fil-Magnificat: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi (Lq 1:46-47).

Int ukoll għażiż ħabib kont tara ħajtek bħala nisġa ta’ salvazzjoni li l-Mulej Alla tiegħek u Missierek baqa’ jwettaq fik sal-aħħar. Dik qalbek umli u mċekkna quddiem il-qdusija tal-Missier tagħna tas-Sema għamlitek kandidat eċċellenti u riċevitur tal-għaġeb tal-ħniena tiegħu għalik. Qatt ma ninsa’ dak li kont tgħidli: Hu għeni biex nikteb dak li ktibt. Issa f’idejH! U tassew! Għax dik il-ħlewwa, il-qawwa u r-reqqa li bihom fissirt dak li ħassejt li kellek tfisser bilfors li idek ġiet immexxija mill-Id ta’ dejjem, l-Id għarfa, qaddisa u ħanina tal-Artist, il-Mulej.

X’għallimtni

Għażiż ħabib, jien u nirrifletti d-don sabiħ li ħallejtilna, ħajtek li tgħix f’kitbietek, ma nistax ma nfissirx l-apprezzament tiegħi ta’ kemm għallimtni nħobb lil San Ġużepp. Fid-diskursati twal li kien ikonna, l-aktar meta kont għadni kappillan fl-Isptar Mater Dei, kemm kont issemmili l-kelma Ġużeppi! Min jaf kemm-il darba kienet dil-kelma mbierka, li kienet tfawwar u toħroġ rasha mill-baħar tal-kliem li kien inixxi mill-fomm ta’ qalbna!

Hawnhekk ma nistax ma nsemmilekx ħsieb li ħareġ mill-pinna tal-qalb tal-Papa Franġisku dwar il-Patrijarka Ġużeppi, liema Papa int tant kont tħobb u tgħożż. Huwa u jitħaddet fuq San Ġużepp bniedem tas-skiet, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2021, Papa Bergoglio jgħidilna:

Din hi r-raġuni għaliex għandna nitgħallmu minn Ġużeppi kif inrawmu fina s-skiet: dak l-ispazju ta’ interjorità fil-jiem tagħna li fih nagħtu lill-Ispirtu l-possibbiltà li jnissilna mill-ġdid, li jfarraġna, li jikkoreġina. M’iniex ngħid li għandna naqgħu fil-mutiżmu, le, imma li għandna nrawmu s-skiet. Kull wieħed u waħda għandu jħares ġo fih innifsu: kemm drabi nkunu nagħmlu xi biċċa xogħol u malli nispiċċaw immorru nfittxu dritt il-mowbajl biex nagħmlu ħaġa oħra! Dejjem hekk sejrin. U dan ma jgħinniex, dan iżellaqna fis-superfiċjalità. Il-profondità tal-qalb tikber fis-skiet, skiet li mhuwiex mutiżmu, kif għidt, imma li jħalli wisa’ għall-għerf, għar-riflessjoni u għall-Ispirtu s-Santu. Aħna xi kultant nibżgħu mill-mumenti ta’ skiet, imma ma għandniex għax nibżgħu! Kemm jista’ jagħmlilna ġid is-skiet! U l-ġid li tikseb il-qalb minn dan jasal biex ifejjaq ukoll l-ilsien tagħna, il-kliem tagħna u fuq kollox l-għażliet tagħna. Fil-fatt Ġużeppi mas-skiet għaqqad l-azzjoni. Hu mhux tkellem, imma għamel, u hekk uriena dak li jum wieħed Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21). Kliem għammiel meta nitkellmu; tiftakruha l-kanzunetta “Parole, parole, parole…”, imma xejn ta’ sustanza. Skiet, nitkellmu kif suppost, fejn hemm bżonn inrażżnu xi ftit ilsienna, u dan jagħmlilna tajjeb, flok ngħidu l-ħmerijiet.

Ray, għalija int tibqa’ persuna sabiħa f’ħajti għax għallimtni dak li qed jgħid Papa Franġisku: is-skiet li juri l-produttività tiegħu fl-azzjoni tal-kelma miktuba u li tħalli biżibilju frott mhux biss għaż-żmien ta’ issa imma wkoll għalli ġej. Grazzi Ray li għallimtni d-don tal-interjorità li tagħti l-ħajja! Grazzi li b’ħajtek, b’kelmtek, b’kitbietek u bis-skiet tiegħek urejtni x’int: Kelma ta’ ħabib!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading