Il-ħajja tassew li ma tifhimiex. Ma nafx x’ma jiġrix tul it-triq! Ġieli tkun miexi sewwa u f’daqqa waħda għidli x’ma jinqalax. Dan qisu bħal meta tkun qed issuq u, f’daqqa u l-ħin, x’ma jinqalalhiex l-imsejkna karozza. Aqta’ kif tieqaf ħesrem! Miskina!
Hekk ġrali dan l-aħħar. Kont għaddej insuq bil-mod, għall-affari tiegħi. Bla ma nittanta lix-xemx għaddejja. Safejn naf jien il-bright kien mixgħul, l-indicators kienu jaħdmu, l-break u l-gas ukoll. Bilħaqq, il-clutch kien f’postu. Kollox kien kif kellu jkun. Sakemm instemma ħoss mhux tas-soltu. Kelli nieqaf u nara ftit x’kien u minfejn kien ġej. Il-problema kienet ġejja mill-ħanek! Ajma! Id-darsa!
Fil-kamra tal-istennija
Niftakar li l-jum ta’ qabel kelli ġurnata ġurnatun l-isptar. Taf int, l-avviċinament dak li jagħmillek. Għax toqgħod viċin in-nies minn filgħodu sa filgħaxija u mhux taħrabhom ħa toqgħod paxxut. U, għalija, li nkun Patri Kapuċċin dak li jfisser tafux: li nkun viċin kulħadd. Għax kulħadd hu ħija u oħti u mhux biss dawk tal-kunvent tal-ġebel. Illum ħuti ngħid: kemm hu kbir il-kunvent! U ngħidx! Il-kunvent hu d-dinja kollha. Wara kollox mhux hekk nipprofessa jien li ngħix ta’ Patri Kapuċċin, jiġifieri nkun ta’ servizz biex nasal għall-imħabba perfetta fil-qadi ta’ Alla, tal-Knisja u tal-bnedmin kollha? Kemm hi wiesa’ il-biċċa hux!
Wara l-quddiesa tas-6.30 am fil-kappella ta’ Sir Anthony Mamo taċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-uġiegħ baqa’ ġej galor. Għalhekk ma kelli l-ebda għażla oħra għajr li mmur sad-dipartiment tad-dentistrija f’Mater Dei ħa jaraw ftit x’għandi u x’jistgħu jagħmluli. Irħejtilha bil-mod. B’ħanek jikwi għax ir-radiator ta’ ħnieki aqta’ kemm beda jisħon.
Wasalt u ġejt milqugħ bi ħlewwa kbira. Hekk kif tajt ismi, kunjomi u n-numru tal-identità ntasabt bilqiegħda. Ħdejja kien hemm mara li, f’ħakka t’għajn, qbadna parlata. Tassew interessanti tkun fil-kamra tal-istennija. Hemmhekk tara minn kollox. Għax, fil-ħajja, jaqbad lil kulħadd. Apprezzajt il-fatt tal-organizzazzjoni tas-servizz fejn kulħadd kien moqdi mingħajr ħafna dewmien, b’ordni li ma ngħidlekx u, fuq kollox, b’kalma kbira. Anki dak is-sett tat-televiżjoni miftuħ b’volum raġonevoli jikkalma lil dak li jkun. Għax, u wara kollox, il-ħajja hi ferm akbar minn darsti. Mhux veru?
Kollox kien tajjeb. Ħaġa waħda ngħid li jonqos biex is-servizz ikun mija fil-mija. Jekk forsi jkun hemm xi ħadd idur bi stanjata tal-kafe u tat-te fuq it-trolley f’dawk l-inħawi, bħalma jkun hemm fis-swali l-oħra tal-isptar, illum ngħid li tkun ħaġa mill-isbaħ. Tiskanta kif naqra kafe u te tikkalma lil dak u dik li jkun u tkun. Nifhem li abbli mhux kulħadd ikun jista’ jieħu l-kafe u t-te. Imma jekk mal-pazjent ikun hemm xi ħadd minn tal-familja, qraba u ħbieb għall-wens kollox jgħin biex jagħmel l-esperjenza aktar ta’ paċi u ta’ serħan il-moħħ u l-qalb. Mill-bqija nirringrazzjaw lill-Mulej…
Għand id-dentist
Fr Mario Attard, għajtejt l-assistenta tad-dentist. Hawn jien, weġibtha. Għall-mument ħassejtni l-patrijarka Abraham jew il-profeta Iżaija b’dik l-Hawn jien. L-għajta t’ismi fakkrittni li dak l-uġiegħ issa kien wasal fi tmiemu.
Dħalt għand id-dentist u ġejt milqugħ b’rispett u b’kura tal-għaġeb. Mill-ewwel ħassejtni tajjeb. X’ħin qgħadt bilqiegħda fuq is-siġġu, id-dentist tani l-mouth wash u wara li ħsilt ħalqi sewwa beda jarali l-ħanek. Snienek sbieħ,qalli. Fraħt għal din il-kelma. Almenu ħadna l-ewwel aħbar tajba.
Imma din kienet biss l-aperitif tal-istorja. It-tieni biċċa kienet għadha ġejja. Intbagħatt għand tal-X-tray ħa toħodli r-ritratt. Kienet proċedura pjuttost qasira, żewġ minuti kollox. Wara li poġġewli rasi sewwa mal-magna u qgħadt f’pożizzjoni li fiha ma ċċaqlaqtx, bi snieni ta’ quddiem jigdmu l-biċċa minn fejn il-magna bdiet tieħu r-ritratti, il-camera tal-magna bdiet idur madwar rasi u erħilha tiġbed għadd ta’ ritratti tal-ħanek. Domt hekk għal 12-il sekonda.
Kif spiċċajt erġajt mort lura għand id-dentist ħa jara x’kienet il-problema. Mill-ewwel għarfu x’kienet: il-patri kellu darsa mħassra. Dan ifisser li d-darsa seta’ jgħidilha: bye bye. Żewġ titqibiet tal-lopju u, wara ftit tal-ħin, bdiet il-proċedura tal-qlugħ tas-sinna. Il-proċedura saret bl-akbar professjonalità u effiċjenza. X’ħin id-darsa ġiet maqlugħa ħsibt li se joħroġ gelgul ta’ demm magħha. Imma, hekk kif għamluli l-garża fuqha u wara nofs siegħa, kif qaluli, neħħejtha, id-demm kien waqaf għal kollox.
Lura għax-xogħol
Wara din il-proċedura bqajt sejjer fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija u nżilt dritt dritt f’kamarti. Qgħadt nistrieħ ftit u, wara ftit minuti, issuktajt bil-jum tax-xogħol tiegħi. Dak il-jum żgur li ma kienx wieħed taċ-ċajt. Fil-fatt, ftit ħin wara kelli ward meeting ta’ siegħa u nofs. Wara t-talb ma’ membri tal-istaff. Ftit aktar tard quddiesa isfel u aktar tard żewġ quddisiet oħra u rużarju fis-sala tat-tfal u l-adoloxxenti.
Madankollu, u bħalma jgħid il-qawl fl-ilsien għażiż tagħna l-Malti: Ix-xogħol salmura tal-ġisem. Imnalla ħdimt għax ma qgħadx niffissa fuq id-darsa li qlajt. Wara kollox, fil-ħajja aktar ma niffissaw fuq dak li ngħaddu minnu aktar jiswielna agħar. Veru, ma stajtx le niċħad il-fatt li kont muġugħ. Għalkemm il-paracetamol daħlu fl-istorja u għamlu l-parti tagħhom. Imma fil-ħajja l-ġisem aktar ma nfisdu aktar nisqieħ il-valenu. Naqra tal-virga tagħmillu tajjeb. U hawn nista’ nifhem l-għerf li l-Mulej kien ta lil San Franġisk li, lill-ġisem tiegħu, kien laqqmu: Fratello asino, ħija l-ħmar.
It-tieqa
Waqt dawk il-waqtiet fejn kont ftit għall-kwiet, ‘il bogħod mill-għagħa tan-nies, bdejt niftaħ ħalqi u nittawwal lil ħnieki. U x’rajt sabiħ? Li l-post fejn fih kienet imqabbda d-darsa ta’ quddiem issa kien hemm ħofra daqshiex. Għalhekk bejn is-sinna ta’ quddiem u d-darsa ta’ warajha nħolqot ħnejja jew tieqa. Issa, din it-tieqa fakkrittni fl-istess Tieqa li kien hemm id-Dwejra u li kienet waqgħet minħabba riħ qawwi u maltemp li kien ħakem lil pajjiżna nhar it-8 ta’ Marzu 2017.
L-ironija ta’ dan kollu hi li fil-każ tiegħi t-Tieqa li nħolqitli fi ħnieki ġiet minħabba riħ qawwi u maltemp ta’ uġiegħ li mhux waqqagħha imma kien hu li għamlilha ħajjitha miżerja. Madankollu, u kuntrarju tat-Tieqa tad-Dwejra, ma naħsibx li t-tieqa li għandi fi ħnieki qatt kienet jew xi darba se tkun xi attrazzjoni ikonika li se tiddomina mhux biss lill-midja Maltija imma wkoll dik internazzjonali.
Lanqas ma jidhirli li t-Tieqa ta’ ħnieki se tiġbed eluf kbar ta’ turisti, fotografi u produtturi tal-films biex jinħadmu films u serje kbar ta’ fama internazzjonali l-aktar tas-serje Game of Thrones. It-Tieqa tiegħi, bħal sidha miskina, moħbija u siekta fejn ma jaraha ħadd.
Tagħlimiet mit-Tieqa
Madankollu, l-għażiża Tieqa tiegħi hi għajn ta’ għerf kbir. Almenu għalija personali. Tfakkarni f’dak li jgħid Herbert Hoover: Il-ħelsien hu tieqa miftuħa li minnha jgħaddi r-raġġ tal-ispirtu uman u tad-dinjità umana. Mank jaħasra li t-Tieqa moħbija tiegħi ta’ ħnieki tfakkarni li l-ħelsien li għandi nużah sewwa ħalli nikber f’ruħi u fil-valuri umani u tal-vanġelu li jagħtu lil ħajti d-dinjità li jistħoqqilha.
Imbagħad, kif jgħid tajjeb Denis Waitley: Tbissima hi d-dawl fit-tieqa tiegħek li tgħid lill-oħrajn li hemm persuna li jimpurtaha u lesta li taqsam mal-oħrajn fik. Kemm nitlob li l-Mulej jibqa’ jagħtini l-grazzja li nitbissem! U dan nagħmlu mhux biex inċarrat ħalqi tafux imma l-għaliex nemmen tassew u mill-qalb li meta jimpurtani minn ħaddieħor u lest li naqsam mal-oħrajn dak li l-Mulej ipprovdhieli jien se nkun ferħan u ferħana bil-bosta. Wara kollox dan jgħallimhuli Ġesù stess meta jgħidli: ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu'” (Atti 20:35).
La dan hu l-każ: Grazzi Mulej li tajtni din it-Tieqa! Tajthieli għall-ferħ ta’ qalbi u, forsi, biex insegwi aktar id-dieta!
Patri Mario Attard OFM Cap