Hawn nistrieħ

Bejn il-Ġimgħa 12 u t-Tlieta s-16 ta’ Mejju 2023 sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, il-Mulej tani l-grazzja nżur il-Polonja. Għalkemm din il-mawra kienet aktar ħarba milli mawra, għat-tul tassew qasir tagħha, xorta waħda l-Mulej, fil-ħniena tiegħu, tani tabilħaqq grazzji kbar fiha u biha.

L-art tal-Polonja

Personalment inħoss rabta kbira mal-Polonja. Meta nara l-bandiera tagħhom ma nistax ma niftakarx fil-bandiera sabiħa tagħna, bajda u ħamra. Il-Pollakki stess jgħidulek li l-bandiera tagħhom tfakkarhom f’pajjiżna, Malta.

Kull darba li xi ħadd staqsieni fil-Polonja: Minfejn int? u weġibthom: Malta, ilkoll qaluli: Oh! U xi tfisser dik l-oh!? Li Malta sabiħa. U l-Pollakki jħobbuha. Huma ħafna l-Pollakki li jiġu fostna. Biżżejjed ngħidilkom li kemm lejn Varsavja u anki lura ma kienx hemm labra fejn toqgħod fuq l-ajruplan. Tassew li kien mimli daqs bajda. U, ngħid jien, biex ajruplan ikun mimli daqshekk bilfors li jkun hemm raġuni valida għalfejn dan iseħħ. U ta’ dan nirringrazzjaw lill-Mulej.

Iż-żewġ popli li aħna għandna x’niċċellebraw kemm fil-qrubija u anki fid-differenzi ta’ xulxin. It-tnejn li aħna nafu xi tfisser meta tkun maħkum minn qawwiet tassew b’saħħithom. U t-tnejn li aħna, minkejja t-tbatija li għaddejna u ngħaddu minnha, għax fid-dinja qegħdin, sibna u għadna nsibu l-faraġ tagħna fil-fidi Nisranija Kattolika li t-tnejn inħaddnu. Jekk hemm persuna Pollakka li tassew ħabbet lil pajjiżna kien il-Papa San Ġwann Pawlu II. Ċertament li mal-poplu tagħna sab ambjent li hu mdorri fih. Għalhekk Malta niżlitlu għasel.

Soċjetà li qed tinbidel

Il-Polonja, bħal Malta, qiegħdha fl-Unjoni Ewropeja. Bħal pajjiżna, il-Polonja daħlet tagħmel parti minn dan il-blokk ta’ seba’ u għoxrin pajjiż fl-istess data ta’ Malta, nhar 1 ta’ Mejju 2004. Dan il-fatt waħdu diġà qed jisħaq fuq id-destin komuni li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.

Hu pass għaqli ħafna li ż-żewġ pajjiżi jersqu aktar lejn xulxin. Il-fatt kurjuż tax-xebħ tal-bandiera għandu joħodna aktar fil-fond fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna. It-tnejn li aħna qed naffaċċjaw tibdiliet kbar li s-soċjetajiet tallum tal-punent qed idaħħlu. L-ispekktru tad-drittijiet qed jinfirex sewwa fiż-żewġ pajjiżi. Diversi gruppi u entitajiet qed isemmgħu leħinhom biex ikollhom id-drittijiet tagħhom. Għalhekk hu bil-wisq meħtieġ li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu miftuħin għal xulxin ħalli b’hekk idawlu ‘l passi ta’ xulxin.

Hi tassew ta’ grazzja li f’pajjiżna issa għandna wkoll l-ambaxxata Pollakka li tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir biex dan id-djalogu jitwessa’ f’soċjetajiet li, kulma jmur, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar, l-aktar fil-kwistjoni tar-refuġjati.

Il-qawwa tal-fidi Nisranija Kattolika

Minkejja dawn it-tibdiliet u l-valuri ġodda li qed jinfiltraw is-soċjetajiet tagħna fil-Polonja ntbaħt kemm il-fidi Nisranija Kattolika għadha qawwija. In-numru ta’ knejjes mimlijin bin-nies li rajt quddiem għajnejja dan jurieh waħdu.

Sintendi, knisja mimlija bin-nies mhux bilfors turi li l-fidi hi qawwija daqskemm tidher. Wieħed ukoll irid jara kif din il-fidi tassew qed tinfluwenza fit-teħid ta’ deċiżjoni jaħarqu, l-aktar fejn tidħol il-kwistjoni tat-tnissil tal-ħajja sat-tmiem naturali tagħha, iż-żwieġ u l-familja, il-kwistjonijiet soċjali u tant ħwejjeġ oħra.

Mill-kuntatti li l-Mulej tani l-grazzja li nwettaq fil-Polonja ntabħt li f’din is-soċjetà mħallta u tixbaħ, f’ċertu sens, lil dik tagħna, wieħed letteralment isib minn kollox. Hemm il-Kattoliċi ferventi li, malli biss jintebħu li int Kattoliku bħalhom mill-ewwel juruk fejn qegħdha qalbhom. Imbagħad hemm oħrajn li trid timbuttahom biex jemmnu. Wara hemm dawk li ma jimpurtahom minn xejn l-għaliex il-flus u l-ħajja komda wassluhom biex lill-Mulej iġennbuh u, kważi kważi, iwaddbuh ‘il barra minn ħajjithom. Fl-aħħar nett, sibt lil dawk li huma rrabbjati bil-kbir għall-Knisja u, għad-dehra ta’ saċerdot jew ta’ xi ħadd li jirrapreżenta lill-Knisja, aktar jiqlielu bir-rabja. Ikun interessanti li wieħed ikollu djalogu sabiħ, sinċier, umli, veritier u kuraġġuż ma’ dawn ħutna.

Fatt ħelu

Qalb din il-kumplessità kollha l-Mulej tani wkoll il-grazzja li jkolli esperjenzi tassew ħelwin fil-Polonja. Kienu dawn l-esperjenzi li għamlu din l-esperjenza punt ta’ riferiment f’ħajti.

Nixtieq insemmi dak il-fatt ħelu li ġrali nhar it-Tnejn 15 ta’ Mejju 2023 għall-ħabta tal-4.30 pm fi triqti minn Krakovja lejn Varsavja. Niftakarni sejjer mill-istazzjon Kraków Główny, l-istazzjon ċentrali tal-ferrovija ta’ Krakovja, għall-istazzjon ta’ Warszawa Zachodnia. Mela, fuq il-ferrovija tal-lewn ikħal bl-abjad li kont fiha, sewwa sew f’gabina numru għaxra, f’seat numru 76, kien hemm omm żgħażugħa ma’ bintha. It-tnejn kienu Pollakki.

Skont in-numru li kelli fuq il-biljett kelli nkun jien f’numru 76. Madankollu, billi kien hemm din it-tifla ħelwa, li wara sirt naf li kellha sentejn, bilqiegħda fuq dan is-seat, ħassejt li kelli nħalliha hemm. La kienet komda miskina. Din it-tifla ħelwa ħelwa, bjonda bjonda, b’par għajnejn żoroq issemmiex, serqet ix-xena tal-gabina! Tul il-vjaġġ kollu ma qagħditx mument kwiet!

X’ħin ratni quddiem għajnejha bdiet titbissimli u tidħakli. Mhux biss imma wara li osservat li kont liebes il-ħabel bdiet taqbad miegħu u tiġbdu. Fi ftit kliem, jien u Ivette, għax hekk kien jisimha t-tifla, spiċċajna nilgħabu tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Jiena ż-żiemel u hi l-ġerrej.

Kemm dħakna u fraħna! Ommha tassew li straħet għax it-tifla għandha enerġija daqs seba’ mija, Alla jberikha! Minn din l-esperjenza ħelwa ħaġa waħda ħarġet ċara kristall quddiem għajnejja: Kemm hu sabiħ li terġa’ issir bħat-tfal! Issa qed nifhem l-għaliex Ġesù jgħidilna: Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir (Mt 18:3-4).

F’Łagiewniki

Għal min hu midħla tal-Polonja, aktar u aktar ta’ Krakovja, jaf li Łagiewniki mhuwiex sempliċiment villaġġ fid-distrett amministrattiv ta’ Gmina Pobiedziska fil-konteja ta’ Poznań, fin-naħa tal-punent-ċentrali tal-pajjiż. F’Łagiewniki hemm is-Santwarju tal-Ħniena Divina li, bil-Pollakk, insejħulu Sanktuarium Bożego Miłosierdzia.

Iż-żjara tiegħi f’dan il-post qaddis kienet kommoventi ħafna. Ibda biex it-temp sabiħ li seħibni tul il-vjaġġ minn Warszawa Zachodnia sa Kraków Główny imbagħad minn hemm, bit-tramm, għal Łagiewniki, kien xi ħaġa li mlietni b’ferħ kbir. Ma’ dan nixtieq insemmi l-mumenti ferm qawwija u li żgur li mhu se ninsiehom qatt li kelli kemm mall-pellegrini mid-dinja kollha li magħhom Ġesù Ħanin laqqagħni, u anki mas-Sorijiet tal-Kongregazzjoni ta’ Ommna tal-Ħniena. Il-laqgħa li kelli fil-bini tal-Faustinum ma’ Swor Tereżjana u l-għażla tiegħi mis-Santwarju bħala membru sħiħ fl-Assoċjazzjoni Faustinum tas-Santwarju tal-Ħniena Divina fil-Polonja hi xi ħaġa li se nibqa’ ngħożż f’qalbi ħajti kollha. Din il-ħatra kienet għalija balzmu tas-sema fuq il-ġrieħi tiegħi li bdew jitfejqu u jsiru, bil-mod il-mod, glorjużi bħal dawk tal-Imgħallem u Feddej tiegħi Ġesu Ħanin.

Ma nistax lanqas ninsa l-waqt mill-isbaħ tat-Tnejn 15 ta’ Mejju 2023 meta kelli l-grazzja nqaddes ħdejn il-fdalijiet tal-ġisem ta’ Santa Fawstina. Fil-preżenza ta’ żewġ pellegrini Ukreni residenti l-Ġermanja, stajt noffri din il-quddiesa speċjali għall-familja ferm u ferm kbira li jagħtini l-ħin kollu Ġesù Ħanin.

L-aħħar mument li ħa nibqa’ ngħożż f’qalbi f’din iż-żjara kien il-waqt fejn ingħatajt il-permess li nqatta’ ftit minuti fil-kamra fejn mietet Santa Fawstina fil-Kunvent. F’dak is-skiet li taqtgħu b’sikkina ħassejt lil din oħti, ħabiba u konfidanti ta’ ruħi tgħannaqni ma’ qalbha, iżżommli jdejja u turini triqti għall-ġejjieni. Ħriġt minn dik il-kamra qaddisa b’kuraġġ ta’ sur!

Kelma tad-deheb minn Patri Aron

F’din il-mawra tiegħi fil-Polonja, il-Mulej ħatarni missjunarju tal-ħniena bla tarf tiegħu għalina l-bnedmin. Għalhekk, permezz ta’ Patri Aron, il-Mulej qalli hekk: Meta tbati ibda’ għid lil Ġesù: ‘Ġesù jiena ngħaqqad it-tbatijiet tiegħi mat-tbatijijiet tiegħek bħala espjazzjoni (maħfra) tad-dnubiet u għall-konverżjoni tal-midinbin u ta’ dawk li qed jippersegwitawni. Din l-offerta qawwija ħafna!

Aqsamha ma’ ħbiebek ta’ Facebook din il-kelma. Ipprintjaha jew aqtagħha u agħmilha f’post fejn taraha kuljum. Minn mindu l-Mulej qed jagħtini l-grazzja li ngħaqqad it-tbatija tiegħi ma’ dawk ta’ Ġesù għas-salvazzjoni tad-dinja u għall-persekuturi tiegħi nħossni ġej ‘il quddiem. Ngħidlek bil-kunfidenza kollha li qed ngħix it-tifsira tal-kelma Polonja: Hawn nistrieħ!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading