X’jgħidilna San Ġorġ Preca
“Fittex dejjem parir u la tistrieħx fuq il-prudenza tiegħek.“
San Ġorġ Preca jinsisti ħafna li wieħed jikkonsulta ruħu, li “jieħu parir minn nies kapaċi, serji u eżemplari”. Jgħid li bniedem prudenti japprezza l-esperjenza, allura jitkellem ma’ min jista’ jagħtih il-parir tajjeb li għandu bżonn. Ninnutaw li San Ġorġ Preca jistedinna biex nieħdu parir “dejjem”, għax jista’ jkun li d-darba li nieħdu deċiżjoni mingħajr parir tista’ ddaħħalna fil-għawġ. U jgħid ukoll li l-parir għandna noħduh “minn nies prudenti”.
Ir-raġuni hi għax nistgħu nagħmlu l-iżbalji meta ngħaġġlu u nistrieħu fuq il-mingħalina prudenza tagħna. Aħjar ma ngħaġġlux meta se niddeċiedu fuq ħwejjeġ serji. Xi waqt jew ieħor, ilkoll niltaqgħu ma diffikultajiet fejn irridu nieħdu deċiżjoni, bħalma hi għażla ta’ studju, ta’ karriera u ta’ xogħol, jekk aħniex kapaċi naslu fejn jidħlu l-ispejjeż, imma fuq kollox fejn jidħlu relazzjonijiet.
“Kemm smajna”, jgħid San Ġorġ Preca, “din l-espressjoni, “Li kieku kont naf, ma kontx nagħmel dak li għamilt.” Imma jista’ jkun tard wisq u jiddispjaċina li dħalna f’sitwazzjoni li diffiċli noħorġu minnha. U ma ninsewx li dan jista’ jaffettwa ukoll lill-familjari tagħna, nistgħu nġagħluhom ibatu magħna. Kemm kien jiswielna li qabel ħadna deċiżjoni tkellimna ma min kien lest li jgħinna. Mhux bilfors li naqblu mal-parir li jkunu tawna, imma li nkunu tkellimna hu diġà pass pożittiv. Hekk kif tesprimi problema ma’ xi ħadd li jridlek il-ġid, diġà għandek parti minnha solvuta. Bl-Ingliż ngħidu li a problem shared is a problem halfed.
Illum naraw riklami f’dan is-sens, li jkunu mingħajr ħlas, imma wieħed ma jiħux vantaġġ minnhom għax jippretendi li m’għandux bżonn. Forsi ġieli ġralna li meta konna mfixkla x’se naqbdu nagħmlu, ikun hemm xi ħadd viċin tagħna u li kieku tkellimna miegħu jew magħha konna nevitaw l-inkwiet li ġie wara. Il-kelma “dejjem” li juża San Ġorġ Preca għal meta għandna nieħdu parir timplika li nkunu mdorrijin li nieħdu l-pariri. Forsi għall-bidu narawha bi kbira li niftħu qalbna ma’ xi ħadd, imma jekk il-parir ikun parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, li nitolbu parir isir iktar faċli għalina.
Irridu nammettu, li l-bniedem hu fraġli. Hu kumpless u mhux faċli jifhem lilu nnifsu u x’l-aħjar jagħmel, u għalhekk għandu bżonn l-oħrajn biex jgħinuh. Imma jiġri li xi drabi naħsbu li aħna nafu kollox u l-pariri ma għandniex bżonnhom. Din tkun suppervja, li hi l-għerq ta’ ħafna deni. Min jammetti li għandu bżonn l-oħrajn għandu sinjal li hu bniedem prudenti, kwalità li San Ġorġ Preca jsemmiha spiss fil-kitbiet tiegħu.
Xi drabi aħna jkollna idea żbaljata tagħna nfusna. Biex ma ngħidx li ma nafux min aħna. “Naħsbu”, jgħid Dun Ġorġ, “li aħna maħbubin minn kulħadd.” Mhux bilfors li kulħadd iridilna l-ġid, u jekk inkunu konvinti minn dan, nitgħallmu li ma nafdawx iżżejjed u naraw li nżommu ċerta distanza fejn hemm bżonn.
Fil-parir tiegħu, San Ġorġ Preca jgħidilna wkoll: “U tistrieħx fuq il-prudenza tiegħek”. Kemm-il darba nistrieħu fuq il-ħila tagħna, u ngħidu: “U jien naf kif għandi ngħidlu!” “Ħalli f’idejja.” U b’din l-arja u kunfidenza, nistgħu nidħlu f’inkwiet li ma jagħmlilniex tajjeb. Dan jiġri għax fiċ-ċirkustanza ma nkunux nafu l-istorja kollha, jew ma nkunux nafu il-karattru tal-persuna.
Xi drabi jiġri li naħsbu li aħna umli, u intant, jgħid Dun Ġorġ, “nieħdu għalina mix-xejn”. Jew lii ma nindunawx li ż-żmien iħalli l-marka tiegħu, fuq kulħadd. Li l-bniedem ma jibqax l-istess. Ċertu xogħol u taħbit ma nibqgħux nifilħu għalih. Forsi dan irid jgħidhulna ħaddieħor. Meta nitkellmu dwar il-fraġilità tagħna, inħossuna aħjar, ukoll għax inkunu fl-istess ilma ta’ dawk li qed naqsmu ħsibijietna magħhom.
Meta nitkellmu ma’ xi ħadd b’ċertu intimita’ u sinċerita’, meta nġeddu l-memorji tagħna magħhom, inkunu qed nagħmlu terapija fuqna nfusna. Tagħmlilna tajjeb anke daħqa li tiġina minnufih fuq xi storja li għaddejna minnha. L-importanti li nkunu fil-preżenza ta’ min tassew ġenwinament iridilna l-ġid. Wara kollox, il-persuna tista’ tkun għaddejja minn waqtiet simili li minħabba fihom tista’ tifhimna aħtar.
Fil-parir tiegħu, San Ġorġ Preca jsemmi l-kelma “fittex”, “fittex parir”. Jiġifieri mhux issib lil xi ħadd fit-triq u titlob parir li hu ma jifhimx fih, u forsi jippretendi li xorta kapaċi jgħallmek. Kif jista’ jgħallmek dak li ma jafx? Għalkemm il-ħanut tat-te’, jew meta tkun għand tal-grocer, jew għadek kif ħrigt mill-knisja, jistgħu jkunu ambjenti ta’ grazzja fejn inti tingħata dik il-kelma li proprju jkollok bżonn dak il-ħin. Imma jkun hemm ħbieb veri li huma sors ta’ parir il-ħin kollu.
Tajjeb li tagħżel il-persuni, u l-esperjenza turik dawn min jista’ jkunu għax mhux kulħadd għandu l-kariżma kif iġib ruħu ma min qiegħed f’diffikultà. Forsi ġieli esprimejna dwar persuna: “Titkellem miegħu, jew magħha, u ġġiblek ċerta kalma u serenità”. Xi ħadd hekk, żgur li ma tonqosx fih il-kwalità tal-prudenza, li San Ġorġ Preca jsemmi fil-parir tiegħu.
Joe Galea
