Adorazzjoni – 7 Ħadd matul is-Sena Ċ

Mulej, illejla, ilqajna l-istedina tiegħek, li niġu noqgħodu hawn fis-skiet quddiemek.                                                                                                      (3 sek pawsa)

Inġbarna biex nisimgħu lilek tkellimna. U nixtiequ nidħlu f’komunikazzjoni miegħek, f’konversazzjoni miegħek.     (3 sek pawsa)

Naf, o Sinjur, li Inti tafni sewwa, taf il-ġewwieni tiegħi. Sa xagħar ta’ rasi kollu magħdud. M’hemm xejn f’ħajti li mhix importanti għalik. (2 sek pawsa)

Int, o Mulej, bqajt tħobbni, anke meta jien ħrabt minnek. Inti taf kull waħda mill-problemi tiegħi. Taf il-ħtiġijiet u l-inkwiet tiegħi.     (3 sek pawsa)

Ġesù ħanin, nitolbok biex ma tieqaf qatt ixxerred fuqi l-ħniena u l-maħfra tiegħek.

Is-sbuħija tiegħek, hija, li Int trid taħfirli, saħansitra aktar milli jien nixtieq li nkun maħfur. U għalhekk, b’umiltà kbira nitolbok, biex trattab il-qalb iebsa tiegħi, ħalli jiena wkoll nasal li naħfer lil dawk li jonqsuni, bħalma Int taħfer lili.  

Silenzju/ soft background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa                                                 Lq 6:27-38

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju    1min

Kemm hu iebes Mulej dan il-kliem, li llum qiegħed tistedinni u tħeġġiġni biex ngħix. Mulej, kif tridni nħobb lil għadu tiegħi? Kif tridni nagħmel il-ġid lil min għamilli d-deni? Kif tridni nbierek lil min jisħetni? Kif tridni nitlob għalihom?    (5 sek pawsa)

Iva, Mulej, umanament, bir-raġuni, qatt ma hu possibli; imma hija bil-grazzja tiegħek, li nasal bil-mod il-mod li naħfer…. imbagħad li nasal li nħobb lil għadu tiegħi. Dan nista’ nagħmlu, l-ewwel u qabel kollox bil-fidi fik, kif ukoll, li jkolli relazzjoni personali miegħek: li nagħmel esperjenza vera, tal-ħniena u l-imħabba tiegħek.  (3 sek pawsa)

O Ġesù, dan il-kliem li pproponejtilna biex aħna ngħixu, ħa l-ħajja fil-persuna tiegħek; kont Int l-ewwel li għext dan it-tagħlim; meta minn fuq is-salib Inti tlabt lil Missier, mhux biss jaħfrilna, imma li jiġġustifika l-azzjonijiet ħarxa tagħna.  (3 sek pawsa)

Mulej, il-Kelma li qiegħed tagħtini llum, mhix toqol. Anzi, hija Kelma ta’ ħelsien!

Hija Kelma li teħlisni minn dak kollu li qed itaqqal lil ħajti; teħlisni minn rabja li qed ittellifni l-paċi tal-qalb.

Mulej, agħtini l-grazzja li nħobb lil dawk li jonqsuni.

Silenzju            3 min

Mulej, stedina oħra li qiegħed tagħmlilna llum hi: li l-ħarsa tagħna, tkun il-ħarsa kollha ħniena tal-Missier. U tistedinna wkoll, biex ikollna l-qalb ħanina li l-Missier tagħna tas-smewwiet għandu għal kull wieħed u kull waħda minna. Din il-ħniena tal-Missier għalina, narawha b’mod ħaj, o Maħbub, fil-qawwa tas-Salib tiegħek.

O Ġesù, agħtina l-qawwa, biex inkunu sinjal, mera tal-ħniena infinità tal-Missier, billi naslu li nuru ħniena u maħfra lejn dawk li weġġgħuna u agħmlulna l-ħsara fil-ħajja tagħna.       (3 sek pawsa)

Nitolbuk, o Sinjur, biex tibgħat fuqna l-Ispirtu qaddis tiegħek, ħalli nagħmlu esperjenza tal-imħabba u l-ħniena tal-Missier, li ngħatat lilna permezz tiegħek, fis-Sagrament tal-Qrar. U fir-relazzjonijiet tagħna ma’ ħaddieħor, għinna nippruvaw inkunu xebħ ta’ din il-ħniena, u ta’ din l-imħabba infinità li l-Missier għandu għalina.

Silenzju/ soft background music                 3 min    

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Ħuti għeżież, noffru t-talbiet tagħna lil Alla Missierna, li għalkemm midinbin, ħabbna f’Ibnu Ġesù; u nitolbuh il-grazzja li nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu.

Nitolbu għas-saċerdoti, biex jamministraw is-Sagrament tal-maħfra, b’qalb ħanina u b’mogħdrija. Nitolbu.

Bħala membri tal-Knisja tiegħek, Mulej, agħtina li nkunu sinjal tal-imħabba tiegħek bla qies. Nitolbu.

Nitolbu għal mexxejja tal-ġnus, biex ineħħu kull tentazzjoni li jużaw il-vjolenza u l-armi, biex isolvu l-problemi tad-dinja tal-lum. Nitolbu.

Nitolbu għal kull min ma jafx juri ħniena, biex jiftakar kemm Inti turi ħniena miegħu. Nitolbu.

Agħti fejqan lil morda kollha tagħna, u agħti s-sabar lil dawk kollha li jduru bihom. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għalina lkoll, biex nersqu lejn l-Ewkaristija, lesti li nagħtu jdejna lil ħutna, anke lil dawk li joffenduna. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading