Il-ferħ li ħassejt fija hekk kif dħalt f’dak il-banju mqaddes u dħalt fih b’fidi kien kbir. Niftakarni noħroġ minnu ngħanni bil-ferħ. Emmnuni ħuti li meta ilbist ħwejġi ħaġa bqajt ngħożż: kemm kont ferħan! Jew, bħalma tgħid il-kanzunetta: “Qatt ma kont daqshekk ferħan!”
Ferħan għax bdejt nagħti raġun lil Santa Bernardette. Lil din it-tfajla tant sempliċi li, qabel dehritilha l-Madonna, ma kien jafha proprju ħadd. Imma wara li dehritilha d-dinja kollha saret taf biha. F’dak il-ferħ li kont fih bdejt nitħassar lil min aqta’ kemm kien iżżuvjetta bina għax inżilna fil-banju ta’ Lourdes. Ħija l-għażiż, kif tista’ tiżżufjetta b’ħaġa qaddisa, int li donnok għandek allerġija għal dawn il-ħwejjeġ spiritwali? U taħseb int li, bir-razzjonaliżmu kollu tiegħek, se tasal qatt iġġarrab il-ferħ kbir li hemm meta temmen f’dawn il-ħwejjeġ hekk għolja u safja għax sempliċi?
Niskanta kif x’uħud huma tant intellettwali li saħansitra jgħumu ibħra u oċeani ta’ informazzjoni, libreriji u manuskritti, biex imbagħad jegħrqu f’boqqa ilma li taf toffri devozzjoni sempliċi bħal dik f’Lourdes. Kemm jiddispjaċini fuq li jiddispjaċini minn dawn l-aħwa! Dan l-għaliex dawn, bit-tagħlim kollu tagħhom, ma jkunu fehmu xejn. Għax it-tagħlim u l-għerf mhux xorta. Jekk inkun naf ħafna tagħlim u ma jkollix għerf basla kont u basla se nibqa’. L-għerf mhux it-tagħlim. L-għerf hu xi ħaġa ħafna u ħafna aktar mill-“moħħ jista’ jifhem” (Fil 4:7). Għax min għandu l-għerf ħuti? Min, kif kien iħobb jgħid il-magħruf filosfu u kittieb Franċiż, Blaise Pascal: “jinżel għarkupptejh quddiem il-Mulej”.
U meta qed ngħid ninżel għarkupptejja quddiem il-Mulej ifisser li nilqa’ ir-rigali li jagħtini. Ħafna jaħsbu li r-rigali li jagħti l-Mulej huma flejjes kbar. Il-Mulej mhux ix-xitan. M’huwiex bombastiku. Il-Mulej għaref. U jagħtina ħwejjeġ kbar moħbija fi ħwejjeġ żgħar. Mela, meta l-Mulej jagħtik xi romblu bil-Kelma t’Alla kun għaqli li iżżommu u mhux iblaħ li tifħtu u tħallih warajk! Iftħu, aqrah u ħudu miegħek. Għaliex iġġorr il-cards tiegħek tal-bank li illum hawn u għada le imbagħad il-Kelma t’Alla fir-romblu, li taf tieħdok fil-ħajja ta’ dejjem, tiftaħha u tħalliha warajk? Aħna aħna jew m’aħniex? Jaqaw jien daqhekk iblaħ li nwarrab il-Kelma tal-ħajja minn ħajti? Meta, minn hawn u ftit snin oħra, se nagħlaq għajnejja, x’se niġi bżonn? Il-flus li ħżint jew il-Kelma t’Alla li nkun warrabt? Inħalli għalikom it-tweġiba ….
Għalhekk, iċ-ċkejkna Bernardette tfakkarni f’dak li jgħidilna Ġesù fil-vanġelu skont San Luqa:
“Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Lq 10:21). Interessanti ħafna li San Luqa jgħidilna, ċar u tond, b’liema spirtu ġew mitħaddta dawn il-kelmiet minn Ġesù: “F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal” (Lq 10:21). Issa, jekk Ġesù qal dawn il-kelmiet bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu mhux ovvja li dawn kienu kelmiet diretti ta’ għerf li ġejjin mingħand il-Mulej? Mingħand l-Ispirtu tal-Mulej li Hu l-istess għerf tiegħu? Għalhekk, dawn il-kelmiet, setgħu xi darba ifallu?
Qabel inwieġeb din il-mistoqsija ħa nagħti t-tweġiba bil-ħajja ta’ Bernardette innifsha. Bernardette tibqa’ mfakkra minħabba r-rabta tagħha mad-dehriet li rat tal-Madonna f’Lourdes. Avolja hawn min jaħseb, kemm fil-Knisja u barra minnha, li f’Lourdes mhux il-Madonna dehret lil Bernardette imma li Bernardette rat lill-Madonna, ħadd ma jista’ jinnega l-fatt tal-ġid kbir li joħroġ minn Lourdes. Kemm persuni, f’dan il-post qaddis, isibu posthom quddiem il-Mulej l-għaliex jiltaqgħu magħhom infushom fil-preżenza tiegħu. Dawn it-talin ikollhom il-gazz li jitolbuh maħfra ta’ dnubiethom, jagħmlu qrara minn qalbhom u hekk jidħlu fit-triq tas-salvazzjoni li jkunu ħarġu minnha qabel bi dnubiethom.
Jiena u indur f’Lourdes ma stajtx ma nġorrx miegħi l-ispirtu ferm sabiħ ta’ din il-qaddisa żgħażugħa li mietet meta kellha biss 35 sena. Waqt il-mixja tiegħi minn post għall-ieħor f’Lourdes bdejt nistħajjel lil din oħtna, Marija Bernarda, il-kbira minn sitt aħwa. X’ma laqtitx Bernardette f’saħħitha! Mhux biżżejjed li laqtet l-ażma imma wkoll ta’ għaxar snin ħadet il-marda tal-kolera wkoll. Din it-tfalja fqajra, bin il-fqar, li marret toqgħod f’dar se taqa’ u ma taqax, kellha tilqa’ għandha lis-Sinjura li ġiet tħabbrilna li fis-Sema għandna Dar li tibqa’ għal dejjem.
U minkejja li ħaddieħor kien laqqamha li moħħha ma jagħtihiex, magħha ġraw il-ġrajjiet straordinarji li biddlu ħajjitha ta’ taħt fuq u li illum jafha, tista’ tgħid, kulħadd. Kien lil Bernardette li Ommna Marija qaltilha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata”. X’affermazzjoni mill-aktar kbira hi din minn Ommna tas-Sema! L-istess affermazzjoni li ikkonfermat id-domma tat-tnissil bla tebgħa tal-istess Ommna l-Verġni Marija, ta’ nhar it-8 ta’ Diċembru ta’ tliet snin qabel.
Hekk, Bernardette, sabet ruħha tgħum f’oċejan kbir ta’ grazzji mis-sema. Kienu grazzji li ngħatawlha għall-fidi sempliċi, awtentika u kuraġġuża tagħha. Fil-fatt, meta s-Sinjura qaltilha biex tħaffer fil-ħaxix tal-art, dik il-ħofra saret għajn fejn ħafna sabu l-fejqan. Madankollu, u bħalma seħħ fil-ħajja ta’ Patri Piju u tant qaddisin oħra, dak l-ilma kellu jkun għalik u għalija imma mhux għaliha. Bernardette ma kelliex l-grazzja li tfiq mill-mard tagħha permezz tiegħu. Kienet il-Madonna innifisha li fakkrittha f’dan meta qaltilha: “Inwegħdek li nagħmlek ħienja mhux f’din id-dinja iżda fl-oħra”.
Id-dehriet li rat Bernardette f’Lourdes ma kienux għaliha twaħħilha ta’ penzijiet fuq sidirha inkella unuri ta’ din id-dinja li tgħaddi bħal żiffa riħ. Għall-kuntrarju! Kemm kellha tbati l-għaliex irċeviet dawk il-grazzji kollha mis-Sema għalik u għalija! L-istorja ta’ ħajjitha titħaddet waħedha mis-sensiela ta’ oppożizzjonijiet li sabet ma’ wiċċha kemm mill-awtoritajiet tal-Knisja u anki minn dawk ċivili. It-tnejn li huma weġġugħa kemm felħu għax, f’għerfhom(?), mhux talli ma tawx kasha għax qalu li kienet tifla sempliċi u bla skola talli qalulha li kienet tbati mill-alluċinazzjonijiet.
Quddiem il-ħitan samma tal-arroganza u l-kburija kellu jkun id-dawl ta’ ħajja sempliċi, imżewweġ mas-sens komun tagħha, li għenu lil ħafna ma jitqarrqux minn verdetti bla kont u żbaljati u, minflok, jibdew jemmnu fid-dehriet. Bernardette kienet kbira quddiem il-Mulej u quddiem in-nies l-għaliex dejjem fittxet is-siġġu ta’ wara f’dawn il-ġrajjiet kollha. Tant hu hekk li kienet tobgħod il-pubbliċità li għaliha kienet esposta minħabba d-dehriet li kien qed ikollha. Mhux biss imma t-tfajla, li fis-sempliċità tagħha għarrfet li “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir” (Ġak 1:17) kienet saħansitra tirrifjuta li taċċetta flus jew kull xorta ta’ rigal ieħor li n-nies li kienu jmorru biex iżuruha kienu joffrulha minn qalbhom.
Il-ġenju kbir ta’ Santa Bernardette f’din l-istorja kollha kien li ma tisraqx l-unur tal-Mulej u ta’ Ommna l-għażiża, il-Verġni Marija. Anzi! Baqgħet imkaħħla sal-aħħar mas-siġġu ta’ wara nett. Fil-fatt, wara li fl-1866 kienet daħlet mas-sorijiet ta’ Notre Dame f’Nevers, Swor Maria-Bernarda, għax dan kien isimha, dejjem fittxet li tgħix ħajja ordinarja. Baqgħet tgħix ħajja moħbija minn kulħadd sal-punt li meta kien hemm iċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-ftuħ tal-bażilika l-ġdida f’Lourdes, fl-1876, għażlet li tibqa’ il-kunvent ħalli tevita li kull attenzjoni tkun fuqha. Kienet tgħid: “O, kieku kont nista’ mmur bla ma ħadd jarani”.
Xewqet Bernardette kienet il-qdusija. Kitbet hekk: “Jintħieġli nkun qaddisa. Ġesù dan li jrid minni u jien obbligata li nkun hekk mill-vokazzjoni tiegħi.”Is-sens kbir tal-umiltà jibqa’ jidher f’kitbietha meta stqarret li hi kienet biss bħal xkupa: “Il-Madonna nqdiet bija. Imbagħad qegħduni lura fir-rokna tiegħi. Jiena hienja li nieqaf hemm.” Batiet fuq li batiet. Il-mard, bħat-tuberkulożi fl-għadam li ġalha tbati ħafna, tant kemm daħlilha ‘l ġewwa li wassalha għall-mewt nhar is-16 t’April tal-1879.
L-aħħar ħsieb li telgħali f’qalbi kif kont Lourdes, dwar Santa Bernardette, kienet din it-talba: “O Santa Bernardina Soubirous, li kont ċkejkna f’din id-dinja, imma ġejt magħżula għal tmintax-il dehra tal-Immakulata Verġni Marija u bil-privileġġ li titkellem magħha b’mod dirett, issa li qed tgawdi b’mod etern is-sbuħija tal-Immakulata Omm Alla, interċedi għalina, ħalli nimxu fit-toroq sempliċi tal-fidi. Għinna nobdu bħalma għamilt int, lis-Sultana tas-sema, billi ngħidu r-Rużarju ta’ kuljum u billi nagħmlu penitenza għall-midinbin. Amen…”
Patri Mario Attard OFM Cap