Bħal għada tletin sena ilu (12)

Hekk kif tlaqna minn Tours moħħi u qalbi aqta’ kemm bdew ilebbtu! Il-post li konna sejrin għalija kien ifisser ħafna! Għax dan il-post ma kien xejn għajr it-titular tal-Parroċċa li ġej minnha jien, jiġifieri Omm u Sidtna Marija ta’ Lourdes fil-Parroċċa ta’ San Ġwann.

Aħna u sejrin ma stajt inġib xejn quddiem għajnejja dwar il-post li konna sejrin fih. Jien Lourdes qatt ma kont mort qabel. Biss San Ġwann kont għex ħajti kollha sa dak iż-żmien, jiġifieri għoxrin sena. U meta insemmi Lourdes ma stajtx ma niftakarx fl-istatwa mill-isbaħ tal-Madonna ta’ Lourdes li nġibet minn Bolzano u, dak iż-żmien, kienet qamet mal-mitejn lira sterlina. Għal dak iż-żmien kienu flus!

Kemm hi sabiħa din l-istatwa! Niftakarha qabel ġiet restawratha għax hekk l-aktar li nafha u li baqgħet imnaqqxa f’moħħi u f’qalbi għal dejjem. Dik il-bjuda naturali tagħha, ħierġa minnha u dak il-wiċċ tant sabiħ u li jiġbdek minn fejn ma nafx fejn tkun. Dawk l-għajnejn koħol li mhux biss ikellmuk bl-ilsien tas-sema imma wkoll iqanqlu fik ix-xewqa u jħejjuk biex tisma’ lil din Omma ħanina tas-Sema tkellmek bid-djalett Occitan li hu mitkellem f’Lourdes u fl-inħawi tagħha.

Waqt li kont qiegħed fuq il-coach moħħi ġera għal dak il-jum meta, ta’ abbati ċkejken li kont, Patri Karlu Cardona OFM Cap kien ġibed dawk ir-ritratti ferm sbieħ lill-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes. F’dik l-għodwa sajfija, filgħodu, għall-ħabta tad-9.30 am. Niftakru jiġbdilha ir-ritratti meta kienet taħt il-mant tant sabiħ tagħha fil-ġimgħa tal-festa, meta kienu għadhom ma tpoġġewx il-fjuretti tal-festa li kienu nħaddmu apposta l-Qrendi. Niftakru wkoll jieħu r-ritratti lill-istatwa meta kienu poġġewha bil-bradella b’kollox fil-korsija tal-Knisja. Kemm bqajt ngħożżhom dawk ir-ritratti hekk sbieħ tal-Madonna ta’ Lourdes! Kemm baqgħu impressi f’moħħi u f’qalbi!

Bħalma baqgħu imwaħħlin sewwa f’moħħi u f’qalbi l-jiem tal-festa u l-jum tal-purċissjoni. Għadni narahom qishom issa, Alla jaħfrilhom it-tnejn, lill-għażiż missieri Ġanni u lill-għażiż ziju tiegħi Ċensu, jerfgħu fil-vara. Niftakar li meta konna niġu triq in-Naxxar, fin-naħa t’isfel tagħha, kont immur biex nerfa’ biċċa minn pavaljun sa pavaljun. L-ewwel bħala abbati ta’ sittax-il sena u, dan l-aħħar, ta’ Patri. X’esperjenza nerfa’ l-istatwa ta’ dik li qalbi tħobb! Ta’ Ommi l-għażiża u Sidt tiegħi ta’ Lourdes!

Imbagħad, moħħi ħadni fil-quddiesa tal-festa tal-mibki Maestro Carmelo Żammit. Għadni niftakru qisu issa idoqq l-orgni filwaqt li l-bravu maestro Ray Storace imexxi l-kor. Meta kont nara dak il-kor, imdewwed bil-kantanti, kont tabilħaqq nitgħaxxaq! Niftakarni meta kont abbati, qabel dħalt Patri u student Kapuċċin ukoll, innewwaħ waqt il-quddiesa tal-festa. L-aktar lejlietha u anki f’nharha. X’emozzjonjiiet! X’esperjenza ta’ dak il-Missier li jħobb u li jagħmel kollox għal uliedu! U, fuq kollox, esperjenza straodinarja ta’ din Ommi tas-Sema li tagħmel kollox u minn kollox, basta lil tarani mifdi minn Binha Ġesù Kristu Sidi!

U x’ġabet miegħi, fuq il-coach, il-quddiesa tal-festa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann? Fakkrittni f’Patri Kassjan Tabone OFM Cap, il-Patri li l-Mulej kien uża biex lili jqabbadni t-triq għall-ħajja Kappuċċina. Fakkrittni f’John Camilleri li kien il-viċi direttur tagħna tal-abbatini. Fakkrittni f’Patri Leopoldo Tabone OFM Cap, l-ewwel kappillan tal-Parroċċa li tant u tant ħadem għaliha. Fakkrittni f’Patri Donat Spiteri OFM Cap, it-tieni Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġwann li, minkejja l-impenn kbir tiegħu għall-Kelma t’Alla, ingħata b’ruħu u b’ġismu għall-kura tal-erwieħ. U anki ta’ Patri Joe Mallia OFM Cap, il-magħruf prokuratur tal-knisja u tal-festa, li tant issagrifika saħħtu u ħinu billi ingħata b’imħabba kbira biex il-festa tkun okkażjoni li tressaqna lejn il-Mulej.

Fil-coach għal Lourdes fi Franza ma stajtx ma niftakarx ukoll fil-bidla sabiħa li seħħet fil-purċissjoni tal-festa fejn instab bilanċ mill-aktar b’saħħtu bejn il-festa tal-briju u dik devota fl-għamla ta’ pellegrinaġġ. Fuq il-coach bdejt napprezza l-innijiet sbieħ marjani li l-banda fil-festa iddoqq lil Madonna. Jiena u sejjer Lourdes, kif kont waħdi bilqiegħda l-għaliex ħdejja ma kelli lil ħadd, stajt aktar napprezza l-ġmiel li nkun akkumpanjat minn Ommna Marija u mit-tifkira ħelwa, qawwija u materna tagħha.

Nifthemu, it-temp ma kienx wieħed sabiħ tafux! Anzi, kien temp kif jaf jagħmel fi Franza, imsaħħab u bix-xita. Imma tafu li anki dan it-temp għeni nitlob? Tafu li anki dan it-temp lili fakkarni fil-bżonn kbir li meta inkun għaddej minn żmien imsaħħab f’ħajti anki jien mistieden biex nasal wasla s’għand ommi Marija u hemm nitlobha t-talba sabiħa u qawwija tar-Rużarju? Qatt ma niftakar f’ħajti fil-bżonn li nitlob ħafna t-talba qawwija tar-Rużarju daqs dak in-nhar li kont sejjer Lourdes fil-coach, għall-ewwel darba.

Il-jum li konna sejrin Lourdes kien ukoll jum partikulari ħafna. Niftakar li kien il-Ġimgħa 14 t’Awwissu 1992, lejlet Santa Marija. Dan il-jum kien ukoll il-festa għażiża ta’ devotissmu ta’ Marija, jiġifieri tal-qaddis Pollakk Franġiskan Konventwal, San Massimiljanu Marija Kolbe. Fil-coach bdew ġejjin quddiem għajnejja xi kelmiet li ma jmutu qatt li dan il-Patri Franġiskan kien qal fuq Sidtna Marija Immakulata (l-Imnissla Mingħajr Tebgħa).

“L-Immakulata se tirbaħ, permezz tagħna, id-dinja kollha u kull ruħ.” “Int tagħha. Ħalli lilek innifsek tkun immexxi u immexxija mill-Immakulata.” “Meta tersaq lejn qalbha int se tikseb għarfien akbar tagħha u se tkun imkebbes u imkebbsa b’imħabba akbar għaliha ħafna aktar mill-kliem uman miġbur flimkien jista’ jgħallmek”. “Bniedem qatt ma jista’ jogħla aktar minn hekk. L-Immakulata hi l-ogħla grad ta’ perfezzjoni u qdusija ta’ ħlejqa. L-ebda bniedem ma jista’ qatt jikseb din il-milja ċelesti ta’ grazzja, l-għaliex Omm Alla hi unika. Madankollu, min jagħti lilu nnifsu mingħajr limiti lill-Immakulata, fi żmien qasir, jikseb livell għoli ħafna ta’ perfezzjoni u jirbaħ għal Alla glorja kbira ħafna”. “Id-dipendenza tagħna fuq Marija hi akbar milli nistgħu nimmaġinaw. Aħna nirċievu l-grazzji kollha, assolutament kollha kemm huma mill-Mulej permezz tal-Immakulata, li hi l-medjatriċi universali ma’ Ġesù għalina”. “Wieħed jista’ imur għand il-Mulej tagħna Ġesù jew għand it-Trinità l-Aktar Qaddisa direttament, u meta wieħed, madankollu, mingħajr ma jeskludi lill-Ommna l-Aktar Imqaddsa. Għax li wieħed imur għand Alla mingħajr Marija, u jekk dan iwettqu bl-għan ċar li jwarrabha, din hi suppervja u xi ħaġa dijabolika. Għax l-essenza tad-dnub hi dejjem is-suppervja, li hi non-konformità mar-rieda tal-Mulej. U r-rieda tal-Mulej hi din, li aħna immorru għandU permezz ta’ din it-triq, jiġifieri permezz tal-Omm l-Aktar qaddisa”.

U dawn il-ħsibijiet tant u tant sbieħ, li wieħed jista’ faċilment isibhom fil-ktieb ta’ San Massimiljanu Marija Kolbe OFM Conv “Ħalli lilek innifsek Tiġi Immexxi mill-Immakulata”, tant niżlu fija li ħallewli sliem tassew kbir. Liema sliem li kulfejn bdejt inħares madwari bdejt narah tabilħaqq sabiħ, jitbissimli, u jimlini b’ħafna kuraġġ u tama. U dan kollu fakkarni f’riflessjoni oħra sabiħa li jagħmel fl-istess ktieb, permezz tal-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, dan l-għażiż ħija Franġiskan Patri Massimiljanu:

“Meta r-ruħ tirrifletti fuq il-fatt li hi tat lilha innifisha lill-Immakulata, u dak li se jiġri lilha se jseħħ bir-rieda tagħha, hi mimlija b’paċi kbira ħafna”. Teżiżti tħejjija aktar sabiħa, tal-prima kwalità u mustaċċuna aktar minn din biex inżur Lourdes? …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading