Il-Mirakli Ewkaristiċi

Riċerka  u kitba ta’ Manwel Cutajar

Fittex minn hawn il-lista ta’ kitbiet minn Manwel Cutajar dwar Mirakli Ewkaristiċi …

Sidna Ġesù Kristu dejjem ried isaħħah il-Fidi tagħna, l-Insara dixxipli Tiegħu, fil-Preżenza Reali Tiegħu fl-Ewkaristija Mqaddsa.

In-nuqqas ta’ Fidi u d-dubji f’dan is-Sagrament ta’ Imħabba huma whud mill-aspetti sinifikanti tal-kriżi spiritwali attwali fost xi whud mill-Insara, u sfortunatament anki wkoll fost xi Kattoliċi.

Hu propju għalhekk li minn żmien għal żmien Ġesù jrid u jippermetti sinjali – li propju huma l-Mirakli Ewkaristiċi – li jenfasizzaw b’mod l-aktar ċar u evidenti l-fatt u l-Verità li Hu, il-Mulej Ġesù,  huwa realment u tabilħaqq Preżenti fl-Ewkaristija bil-Ġisem, id-Demm,ir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu.

Fi kliem ieħor, il-Mirakli Ewkaristiċi huma interventi straordinarji ta’ Alla, maħsuba biex jikkonfermaw il-Fidi tal-Insara u l-bnedmin kollha fid-dinja  fil-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù fl-Ewkaristija.

Matul l-Istorja tal-Knisja Kattolika ġew irrappurtati minn diversi individwi kif ukoll minn gruppi ta’ persuni għadd ta’ Mirakli Ewkaristiċi. Il-Knisja Kattolika, dejjem wara studji Bibliċi u teoloġiċi, kif ukoll wara stħarriġ u studju intensifikat u metakuluż – anki permezz ta’ mezzi, provi u analiżi xjentifiċi għarfet u approvat uffiċjalment madwar 152 Miraklu Ewkaristiku kif ukoll Dehriet u Interventi Ewkaristiċi fil-Ħajja ta’ qaddisin  f’diversi kontinenti u pajjiżi tad-dinja.

Tajjeb u xieraq ngħidu li l-ġabra ta’ dawn il-Mirakli Ewkaristiċi kien ħadem ħafna fuqha ż-żagħżugħ  il-Beatu Carlo Acutis, li fi ftit ta’ żmien ieħor se jiġi ddikjarat uffiċjalment bħala  Qaddis mill-Knisja Kattolika.

Nafu x’tgħallem il-Knisja Kattoliku dwar il-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija! Bil-kliem tal-Konsagrazzjoni li jintqal mis-saċerdoti fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa : “Dan hu Ġismi,…Dan hu Demmi… Agħmlu dan b’Tifkira Tiegħi ” bil-Qawwa ta’ Alla s-sustanza tal-ħobż tinbidel fis-sustanza  tal-Ġisem ta’ Kristu, u s-sustanza tal-inbid tinbidel fis-sustanza tad-Demm ta’ Kristu. Din il-bidla mirakoluża u Divina tissejjaħ transustanzjazzjoni,  jiġifieri l-bidla vera u reali tas-sustanza tal-ħobż u inbid fis-sustanza tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu. Filwaqt li mill-ħobż u l-inbid jibqa’ biss id-dehriet jew l-ispeċi, li, b’terminu filosofiku jissejħu aċċidenti, , jiġifieri id-dimensjonijiet, il-kulur, it-togħma, ir-riħa u anke l-kapaċità nutrittiva tal-ispeċi jibqgħu l-istess, imma s-sustanzi vera u reali tal-ħobż u inbid ma jibqgħux l-istess, għax jinbidlu fis-sustanzi tal-Ġisem,id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù Kristu.

Madankollu, dal-Misteru u l-Miraklu tat-transustanzjazzjoni Ewkaristika bl-ebda mod ma jistgħu jiġu esperjenzata u mifhuma mis-sensi u l-intellett  tagħna l-bnedmin; huma biss il-Fidi, il-Tama u l-Imħabba spiritwali tagħna f’Alla  li jistgħu  jassigurawna minn dil-bidla Divina u tant Qaddisa.

Il-Mirakli Ewkaristiċi huma maħsuba biex jikkonfermaw din il-Fidi, li wara kollox  hija bbażata fuq kliem Ġesù li skontu dak li jidher bħala ħobż m’għadux ħobż, u dak li jidher inbid m’għadux inbid, imma jsiru verament u realment il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu.

Fittex minn hawn il-lista ta’ kitbiet minn Manwel Cutajar dwar Mirakli Ewkaristiċi …

Tagħrif ieħor f’din is-sensiela:

Minbarra dan it-tagħrif tant importanti dwar il-Mirakli Ewkaristiċi  f’din is-sensiela wieħed għandu jsib ukoll ħafna tagħrif ieħor u interessanti dwar diversi temi u artikli li b’ xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu maċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u Ċelebrazzjoni Ewkaristiċi  oħra li l-Knisja Kattolika b’impenn qaddis tiċċelebra b’solennità kbira fil-Katidral, Knejjes u Santwarji tagħna biex  l-ewwel u qabel kollox   naduraw, infaħħru u nroddu ħajr lit-Trinità Qaddisa fil-Persuni tal-Missier,l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u fl-istess ħin ukoll biex il-Knisja tippromovi u trawwem dejjem aktar fina l-Poplu Nisrani u Kattolika  l-imħabba, il-qima u d-devozzjoni lejn it-Trinità Qaddis, l-Ewkaristija Qaddisa, il-Madonna u l-qaddisin.

Hekk il-qarrejja ta’ dawn l-artikli għandhom isibu riċerka teoloġika, storika, u liturġika b’siltiet Bibliċi u siltiet minn dokumenti uffiċjali tal-Knisja b’mod speċjali  tal-Konċilji Ekumeniċi tal-Knisja Kattolika kif ukoll mill-Ittri Appostoliċi ta’ Papiet u isqfijiet; il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika; il-vokazzjoni u l-ħidma Appostolika u Evanġelika  tas-isqfijiet, sacerdoti, djakni, u lajċi fi ħdan il-Knisja Kattolika; I-Istruttura u spjega tal-Akklamazzjonijiet u Dossoloġiji fil-Quddiesa; il-Qagħdiet u l-ġesti tal-Insara waqt il-quddies; il-Kant u mużika fil-quddies u waqt ċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi; L-Adorazzjoni Ewkaristika fid-diversi forom tagħha; is-servizzi tal-Letturi waqt il-Quddiesa; l-Animaturi liturġiċi;  is-servizzi Liturġiċi tal-Abbatini subien u bniet; il-korijiet, il-musiċisti u dawk kollha li jmexxu l-kant; l-Arċikonfraternità tas-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija u Konfraternitjiet oħra; it-Tempju ta’ Alla; l-Artal; it-Tabernaklu; il-qniepel ta’ ġewwa u barra l-knisja; il-Lampieri; is-servizzi  tas-Sagristani u l-helpers volontiera  kollha bil-kontributi u servizzi tagħhom fl-indafa, l-armar, it-tiżjin  u  l-manutensjonijiet xierqa u sħiħa tal-Oġġetti u Ħwejjeġ Sagri; u tant tagħrif ieħor  b’xi mod jew ieħor għandu x’jaqsam mal-Ewkaristija Qaddisa.

Fittex minn hawn il-lista ta’ kitbiet minn Manwel Cutajar dwar Mirakli Ewkaristiċi …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading