Vjaġġ interjuri. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-8 Ħadd tas-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għollieq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”. (Lq 6:39-45)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.

Hemm dubji fuqna nfusna
sens ta’ inadegwatezza
li jżommuna lura.

Hemm ukoll sens ta’ pretensjoni
nuqqas ta’ għarfien
li jdaħħal lilna u lil ħaddiehor ġo ħajt.

Imma hemm il-fiduċja tal-Imgħallem
li irid iwassalna biex inkunu bħalu
biex aħna wkoll nistgħu immexxu lil ħaddieħor

lejn il-ħajja.

Irrifletti:
• Minn x’hiex tbati l-aktar?

ii. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int?

Hemm vjaġġ interjuri li rrid nagħmel
biex nista’ nuri t-triq lil ta’ ħdejja.

Neħtieġ nagħraf il-ħofor li faċli naqa’ fihom
biex ngħin lil ħaddieħor jevitahom.

Hemm bżonn nesperjenza d-delikatezza meħtieġa biex jitnaddfu għajnejja
sabiex ma nkunx iebes u goff ma’ ħija:

imbagħad nista’ ngħinu jneħħi t-tibna bla ma jigref għajnejh.

Irrifletti
• Liema vjaġġ interjuri meħtieġ tagħmel?

iii. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għollieq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Mhijiex il-frotta li tagħmel is-siġra
imma s-siġra li tagħmel il-frott.

Hija l-konvinzjoni interjuri
li tagħti timbru sabiħ lill-aġir.

Huwa l-impenn minn qalb li tħobb
li jagħti frott tajjeb
mhux l-isforz waħdu.

Irrifletti

• Liema kwalitajiet interjuri imsejjaħ tikkultiva?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading