Bħal għada tletin sena ilu (5)

Ħallejna x-Château de Chenonceau u irħejnielha għax-Château Royal d’Amboise. Anki dan ix-château għandu l-importanza u l-faxxinu tiegħu. Biżżejjed jekk wieħed jagħti ftit titwila lejn l-istorja tiegħu biex jintebaħ kemm dan hu minnu.

Ix-Château Royal d’Amboise hu château kbir u li qiegħed fil-Wied ta’ Loire, fi Franza. Ta’ min jgħid li dan ix-château, li hu prattikament il-prodott mis-sekli ħmistax u sittax, kien ir-residenza rjali mill-aktar iffavorita tal-monarkija Franċiża. Flimkien mal-ġemgħa illustri ta’ nies magħrufa ta’ dawk iż-żminijiet, is-seħer tax-Château Royal d’Amboise hu tabilħaqq kbir. Fil-fatt, dan ix-château jaħbi fih għadd ta’ fatturi importanti, bħal, ngħidu aħna, il-post fejn hu midfun il-pittur leġġendarju tar-Rinaxximent fl-aqwa tiegħu Leonardo da Vinci (1452-1519).

Diġà minn dan l-isem kbir, wieħed mill-ewwel jinnota l-importanza kbira tal-istorja tax- Château Royal d’Amboise. Kif diġà għedna, dan ix-château waqa’ f’idejn il-monarkija Franċiża fis-seklu sittax meta kien ikkonfiskat minn Louis d’Amboise minħabba r-rwol tiegħu f’komplot kontra l-Kuruna Franċiża. Meta s-sultan Karlu VII ħa f’idejh dan ix-château, l-ewwel ħaġa li għamel kienet li jerġa’ jibnih fuq l-istill Gotiku dekoruż Franċiż imħallat b’xi mottivi dekorattivi taż-żmien bikri tar-Rinaxximent fil-pajjiż. Is-sultan Franġisku I kien imrobbi f’dan ix-château u tul ħajtu, seħħlu jilqa’ fih ħafna mistiedna kbar mill-bibien tiegħu, inkluż, mingħajr dubju, il-pittur Taljan Leonardo da Vinci. Ma ninsewx li Leonardo da Vinci kien sar ħabib kbir tas-sultan u kien midfun fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Saint Florentin f’dan ix-château fejn, effettivament, wara miet fl-1519.

Fl-1515 Anne Boleyn daħlet fil-familja tas-sultana Claude, li kienet mart Franġisku I, u qattgħet seba’ snin bħala l-assistenta personali tagħha fix-Château Royal d’Amboise u fix- Château Royal de Blois. Matul dan iż-żmien kienet imħarrġa ħafna fil-logħba tal-imħabba tal-qorti u meta marret lura għall-qorti Ingliża fl-1522, Anne Boleyn ippreżentat ruħha bħala korteġġjana kariżmatika, ta’ eleganza u ta’ sbuħija mill-aqwa. B’dawk il-kwalitajiet qawwija mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni tas-sultan Enriku VIII li għażilha b’sieħba tiegħu. Ħallieha li mbagħad spiċċa biex qatalgħa rasha miskina.

Marija, is-Sultana tal-Iskoċċiżi, ukoll qattgħet tlettax-il sena minn ħajjitha fix-Château Royal d’Amboise wara ż-żwieġ tagħha mal-eredi tat-tron Franċiż, Franġisku II. Hi għaddiet għall-qorti rjali meta kellha biss ħames snin u dejjem taħt għajnejn is-Sultan Enriku II u Caterina de’ Medici.

Mix-Château Royal d’Amboise irħejnielha għall-aħħar château importanti, dak ta’ Blois. Fil-fatt, ix-Château Royal de Blois ifakkarna li fil-post fejn qiegħed dan ix-château kien hemm kastell sa mis-seklu disa’. Imbagħad, l-aktar parti qadima ta’ dan ix-château, jiġifieri s-Salle des États Généraux, tmur lura saħasitra għas-seklu tlettax. Fl-1381, Lwiġi I, id-Duka ta’ Orleans, xtara l-kastell. Filwaqt li ibnu Karlu ħa ħsieb il-bini mill-ġdid tiegħu sakemm ġie château mill-aktar komdu u lussuż, kuntrarju għall-kastell medjevali li kien minfloku. Ibnu, is-Sultan Lwiġi XII, xtaqu jkun ir-residenza rjali tiegħu. Is-Sultan Lwiġi għaqqad miegħu ġonna msaqqfa filwaqt li reġa’ fassal mill-ġdid id-daħla tiegħu.

Ix-Château Royal de Blois kien popolari wkoll mal-familja rjali Franċiża matul is-seklu sittax. Ħafna mill-arkittetura tiegħu hi taħlita tal-Arkitettura Rinaxximentali u Gotika. Franġisku I u martu, is-Sultana Claude, għamlu proġett kbir ta’ ristrutturar ta’ taħt fuq tax-Château Royal de Blois. F’dan ix-xogħol wieħed jinkludi l-ħolqien ta’ librerija daqshiex. Is-Sultana Claude mietet fl-1524.  Wara mewtha, is-Sultan Franġisku ra kif għamel u evita kemm seta’ ix-Château Royal de Blois għall-bqija tas-Saltna tiegħu. Tant hu hekk li kien mexxa l-librerija daqshiex ta’ dan ix-château lejn ix-Château de Fontainebleau. Kien hawnhekk, fix-Château Royal de Blois, li Anne Boleyn, il-futura Sultana tal-Ingilterra, qattgħet ħinha bħala l-assistenta personali tas-Sultana Claude.

Aktar tard, fis-seklu sittax, ix-Château Royal de Blois spiċċa l-post fejn seħħet politika mill-aktar imdemmija. Ir-rivali tas-Sultan Enriku III, id-Duka ta’ Guise li kien jismu wkoll Henri, safa maqtul fih fl-1588. Filwaqt li Caterina de’ Medici mietet ukoll f’dan ix-château ta’ Blois sena wara dan il-qtil politiku, jiġifieri fl-1589. Fis-Sala tal-Kunsill tax- Château Royal de Blois insibu pitturi biż-żejt li juru l-ġrajjiet tal-biża’ tal-Gwerrer tar-Reliġjon.

Fl-1626 ix-Château Royal de Blois kien mogħti lil Gaston, id-Duka ta’ Orleans u eredi għat-Tron Franċiż. Gaston beda jiżviluppa u jwessa’ l-kastell. Madankollu l-proġett kien imwaqqaf wara t-twelid ta’ l-eredi tas-Saltna Franċiża Lwiġi XIV. It-twelid tiegħu kien ifisser li l-finanzi li Gaston kien jirċievi mis-Saltna Franċiża kienu inqatgħulu bil-bosta. Ix-Château Royal de Blois beda sejjer lura bħall-granċ tant li kien diġà ippjanat li jinħatt. Madankollu, kien salvat fl-1840 permezz tal-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-monumenti storiċi Franċiżi. Ix-château ta’ Blois kien irrestawrat minn Felix Duban f’museum pubbliku.

X’għallmuni x-Château Royal de Chenonceau, Château Royal d’Amboise u x-Château Royal de Blois għal ħajti? F’dawn ir-residenzji irjali intisġu ġrajjiet tassew kbar. Ġrajjiet ta’ intriċċi u anki ta’ mħabba. Ġrajjiet ta’ ferħ u ta’ niket. Ġrajjiet ta’ qtil imma wkoll ta’ tama li l-ħajja, minkejja kollox, tibqa’ tkompli. Barra minhekk, dawn ix-châteaux fakkruni li wara kull persuna, anki dik l-aktar famuża u li jafha kulħadd, hemm storja oħra moħbija. L-istorja umana, emozzjonali u spiritwali tal-persuna, bit-tlajja’ u bl-inżul kollu tagħha. Għalhekk hu importanti li min iżurhom dawn ix-châteaux ħalli dan jiftakru fuq li jiftakru! U, ġaladarba dawn il-bnedmin huma ħutna, l-għaliex, meta inżuru postijiet bħal dawn, aħna ma nagħmlux minn qalbna talba minn qalbna għal ruħhom? Mhux kulħadd proxxmu? Ejjew ma ninsewx fid-dover tagħna li nitolbu għall-ħajjin u għall-mejtin. Din hi opra tal-ħniena importanti ħafna.

It-tielet, dawn it-tlett châteaux juruni wkoll il-kuluri tal-qawsalla li anki l-bini innifsu jgħaddi minnu. Kien hemm żmien fejn il-post kien meqjus u impoġġi fuq imħadda tal-bellus imbagħad ġie il-mument fejn kien, saħansitra, qed jirriskja li jiġi ikkundannat għal kollox u, kważi kważi, kien se jispiċċa midħun u midfun għal kollox. Sa ma reġa’ wasallu ż-żmien li jirxoxta.

U dawn il-ħsibijiet kollha ħaduni, bil-mod il-mod, għal dak il-vers tant qawwi u sabiħ tal-Bibbja, meħud mill-ktieb ta’ Koħèlet, li jgħidilna li fil-ħajja kollox għandu żmienu:  


Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi. Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel? (Koħ 3:1-9).

Grazzi għeżież châteaux li intom għalija ikona ħajja kemm fil-ħajja kollox għandu żmienu!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading