Kitba tal-Ġurnalista Michael Caruana
Tard it-Tlieta filgħaxija waslitli informazzjoni li l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP reġġa’ ddaħħal l-isptar Mater Dei u ntlabt nitlob għalih għax ma kienx tajjeb. U hekk għamilt qabel ma dħalt norqod. L-Erbgħa filgħodu mbagħad smajt bil-mewt tiegħu. Iva tlift missier spiritwali u ħabib.
Iltqajt l-ewwel darba ma’ Patri Pawl Cremona waqt diskussjoni fuq NET TV dwar id-dehriet. Dakinhar kienu fil-bidu tagħħom l-allegati dehrtiet tal-Madonna f’Borg in-Nadur, Birżebbuġa. U minn wara dan il-programm bqajt f’kuntatt miegħu u għeni b’pariri li tani dwar rappurtaġġ li kont nagħmel dwar affarijiet tal-u fil-Knisja. Grazzi għal kuntatt tiegħi kont l-ewwel li ħriġt bl-aħbar f’In-Nazzjon tal-ħatra tiegħu ta’ Arċisqof u bqajt xorta f’kuntatt miegħu.
Ftit wara li rtirajt mill-impieg tiegħi ta’ Editur Parlamentari ta’ Media Link (illum NET Media) kien bgħatt għalija l-Kurja. Ħsibt li sejjaħli biex immur nagħmel xogħol volontarju bħala PRO id-Dar tal-Provvidenza minflok Lewis Portelli li kien għadhu kemm ħalliena. Xewqa li kien jaf li kelli għax ġiegħli semmejtielu meta kien jistaqsieni x’se nagħmel wara li nirtira bil-pensjoni. Qalli le, hemmhekk għandna lil ħaddiehor, lil Victor Formosa, iżda għandi bżonnok biex tibda tiġborli d-diskorsi li nagħmel ħalli nippubblikawhom fi ktieb bħalma sar bid-diskorsi tal-Isqfijiet preċedenti. Aċċettajt u sejjeħ lil Patri Charles Tabone OP biex jgħidli x’ridt nagħmel.
0Ftit wara reġa’ bgħatt għalija, din id-darba fir-residenza fejn kien jgħix ma’ saċerdoti oħra f’Ħ’Attard. Għedt x’ġej? Kont għadni kif lestejt u għaddejt il-Kurja d-diskorsi tiegħu tal-ewwel sena li ngħatajt nagħmel u kont se nibda niġbor ta’ sena oħra. Għadni niftakar in-notamdenti fuq karti żgħar li kien għaddhieli!
Qalli għandna bżonnok, Michael. L-Editur tal-gazzetta Leħen is-Sewwa qed jitlef id-dawl u nixtiequk tmur minfloku. Għedtlu interessanti, iżda ftit xhur ilni li rtirajt u, apparti li nixtieq inkompli u nispiċċa kotba li ilni snin li bdejt nikteb u li qatt ma kelli ħin nagħlaq, xi ħaġa bħalma qed toffrieli nixtieq qabel niddiskutiha mal-mara. Mela le, wegibni, imma tħalliniex ħafna bla risposta għax is-sitwazzjoni qed taggrava.
Wara li kien intervjena wkoll il-Kardinal Mario Grech, dak iż-żmien l-Isqof t’Għawdex, permezz ta’ telefonata. Ftit wara erġajt mort inkellem lill-Arċisqof Cremona l-Kurja u għedtlu li aċċettajt. Qalli li kien se jinforma lill-Azzjoni Kattolika biex jispjegawli aħjar huma. Filfatt, ftit wara bagħtet għalija l-President ta’ dak iż-żmien Carmen Agius u tkellimna fit-tul. Wara ltqajt mal-Kunsill tal-AKM u mal-Editur u l-Amministrattur ta’ Leħen is-Sewwa. Fil-kariga ġdida tiegħi bqajt f’kuntatt miegħu u kien hemm mhux okkażjoni waħda jew tnejn meta kien l-Istitut Kattoliku u għadda jittawwli l-uffiċċju.
Memorji li bqajt ngħożż u napprezza anki għall-kuraġġ li dejjem tani. Għadni nisma’ ħafna l-pariri tiegħu u nara f’wiċċu dik it-tbissima sinċiera.
