Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
Fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
Naddafni mid-dnub tiegħi. (Salm 51:3-4) (5 sek pawsa)
Imma għalkemm jien bniedem midneb, Int ma tieqaf qatt tħobbni. Tħobbni, mhux għal dak li għamilt jew m’għamiltx, imma tħobbni għas-sbuħija u d-dinjità li l-Missier tani, meta ħalaqni fuq xbihietu. Dinjità li jien insejt bosta drabi; sbuħija li jien tebbajt bid-dnub. Imma Int, tibqa’ tħobbni kif jien, saħansittra xerridt demmek biex tirbaħni lura. (3 sek pawsa)
Nitolbok, o Ġesù, kattar fija l-fidi, ħalli nħalli l-grazzja tiegħek tmiss dak kollu li jeħtieġ jinbidel f’ħajti. Int biss tista tagħtini s-saħħa biex ninħeles mid-dnub u l-qawwa qerridija tiegħu. Mulej, int taf x’hemm f’qalbi – taf is-solitudni tiegħi u l-weġgħat kollha tiegħi. Imma naf ukoll, lir-rifjut, il-ġudizzji, l-umiljazzjonijiet, Int tgħabbejt bihom kollha qabli. U tgħabbejt bihom kollha għalija, sabiex ikolli sehem mill-qawwa u r-rebħa tiegħek.
Ħallini o Ġesù, ħa npoġġi l-ħarsa tiegħi f’tiegħek, ħalli nara fik, dik il-ħarsa kollha ħniena u mogħdrija li rat f’għajnejk l-adultera.
Silenzju/ soft background music 3 min.
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 8:1-11
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.
Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.
Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Kemm hu faċli li naraw it-tibna f’għajn ħaddieħor, milli naraw it-travu f’għajnejna. Mulej, il-kittieba u l-Fariżej, kaxkru għal quddiemek mara li nqabdet tagħmel adulterju fil-fatt, kaxkruha qisha oġġett bla dinjità. Dawn il-kittieba u l-Fariżej, inqdew biha, abbużaw minnha, mhux biex jakkużawha, imma biex iġarrbu lilek. (3 sek pawsa)
Imma Int, o Ġesù, tifhem u tikxef l-ipokresija ta’ dawk li riedu jikkundannawk, ta’ dawk li riedu jikkundannawha, billi inqdew biha, ħalli jġarrbu lilek. (3 sek pawsa)
Mulej, huwa faċli, li bħal kittieba u l-Fariżej, aħna nippuntaw subgħajna lejn l-oħrajn, u ninsew l-intenzjonijiet u d-dnub tagħna; li nitkażaw bid-dnub ta’ ħaddieħor, u nagħtu xturna. (3 sek pawsa)
Ħa nħallu din is-silt ċċanfarna u ġġibna f’sensiena, għax aħna lkoll midinbin. Għax aktar ma nikbru, aktar għandna okkażjonijiet biex inħarsu lura, u nindunaw li l-bagalja tagħna, l-ixkora tagħna hija mimlija tassew.
Ħadd minna hu bla dnub; għalhekk ħadd minna ma għandu dritt jitfa’ l-ewwel ġebla fuq ħaddieħor.
Silenzju 3 min
“Ħadd minnhom ma kkundannak, mara?” “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak.” Xi djalogu sabiħ għamilt ma’ din il-mara, o Ġesù. Forsi għall-ewwel darba din il-mara, setgħet tħares f’għajnejn persuna, li la kien qed jużaha, u lanqas jitkaża biha. Imma f’għajnejk, rat u indunat li huma mimlija bi ħniena u bl-mħabba. Fihom rat il-ħarsa ħanina ta’ Alla l-Missier, li waslitilha l-fejqan. (5 sek pawsa)
“Mur u tidnibx iżjed”. Hekk għidtilha lil dik il-mara; u hekk qiegħed tgħid lili, u lil kull wieħed u waħda minna llum. Ħabib, agħmel kuraġġ, u ersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar. Hemm ikollok l-istess serħan u paċi, li kellha din il-mara tal-Evanġelju. (3 sek pawsa)
Mulej, tieqaf qatt tixħet fuqna dik il-ħarsa ta’ ħniena. Agħtina l-ispirtu tiegħek, biex ikollna l-qawwa li naħarbu kull okkażjoni li tista’ twaqqana fid-dnub.
Ġesù, Int dejjem tagħtina opportunità li nibdew mill-ġdid. U għalhekk nitolbuk u ngħidulek: “Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina”.
Silenzju/ background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunitá
Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira fl-imħabba u fil-ħniena tiegħu.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, biex tgħix b’fedeltà l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, u xxerred id-dawl ta’ Kristu fil-qalb ta’ kull persuna. Nitolbu.
Nitolbu għall-mexxejja tad-dinja, biex jipprovdu għajnuna konkreta lil min hu f’qagħda mwiegħra minħabba l-inkwiet jew diffikultajiet. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej għall-paċi fid-dinja, dawwal l-imħuħ ta’ dawk li għandhom is-setgħa, ħalli jdawwru l-mibegħda f’imħabba, u mill-vjolenza jduru għar-rikonċiljazzjoni. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk li se jiġu mgħammda fil-Knisja f’dan il-Għid, għamel liż-żerriegħa tal-Evanġelju, tinżel fil-fond tal-ħajja tagħhom, ħalli jkollhom ħsad għani ta’ talb, fidi u qadi. Nitolbu.
Nitolbuk għalina lkoll, biex nagħrfu d-dnub tagħna, sabiex inwieġbu dejjem bi ħniena u tjubija lejn l-oħrajn . Nitolbu.
F’din is-sena ġubilari, nitolbuk timla l-ħajjitna, lill-familji tagħna u l-Knisja bit-tama. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru