Omelija fl-Espożizzjoni quddiem il-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieżu
Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, il-Belt Valletta
Il-Ġimgħa 4 ta’ April 2025
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
TBATIJA LI TITTRASFORMA RUĦHA
Meta tagħmel esperjenza sabiħa fil-ħajja, tkun trid tirrepetiha. Din tiġri lil kulħadd. U meta [l-Gwardjan] Patri Ramon talabni u qalli: ‘Tiġi tqaddes fil-ġranet li l-Kurċifiss se jkun espost fil-Knisja tagħna?’, jiena, biex bħallikieku nkompli ntawwal l-esperjeza li għexna Għawdex fl-ewwel Ħadd tar-Randan, mill-ewwel għidtlu iva.
Imma x’għandu fih dan il-Kurċifiss li jiġbed lejh daqshekk nies? L-ewwel u qabel kollox m’għandniex għalfejn ninħasdu, għax l-istess Kelma ta’ Alla tgħidhulna: “Meta nkun merfugħ mill-art, niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12:32).
Wieħed pittur mill-Veneto ġie mitlub biex jagħmel il-pittura tal-glorja tal-ġenna. U dan għamel lil Alla l-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu – it-Trinità –, il-Madonna, il-qaddisin u l-anġli kollha… pittura sabiħa kbira ħafna. Imbagħad f’kantuniera ċkejkna minnhom għamel Kurċifiss, Ġesù Msallab, u quddiemu għarkupptejh lil wieħed monaku Ċertusin jikkontemplah. Dan il-pittur irid jgħidilna li l-glorja tal-ġenna nistgħu llum nikkontemplawha f’Ġesù Msallab, b’mod speċjali f’din ix-xbieha hekk għażiża meqjuma f’din il-knisja. Forsi minħabba f’hekk Ġesù jiġbed tant nies.
Din ix-xbieha ta’ Ġesù Msallab hija l-wirja, l-espressjoni, ikona u xbieha li turina l-qalb ta’ Alla. Tidħol dritta dritta fil-qalb ta’ Alla, u turina x’hemm ġewwa fiha. Hemm, iva, il-passjoni, imma l-passjoni fiż-żewġ sinifikati tagħha: il-passjoni fis-sens tat-tbatija, imma fuq kollox il-passjoni fis-sens tal-imħabba. Aħna biex niddeskrivu l-imħabba ta’ bejn żewġ maħbubin, ngħidu ‘appassjonati’, imħabba passjonali, mitlufin f’xulxin… U taħt dik ix-xbieha kollha dmija, taħt Ġesù mdendel ma’ salib u mejjet, hemm proprju din il-passjoni, din l-imħabba appassjonata ta’ Alla għal kull wieħed u kull waħda minna.
Tgħiduli: ‘Allura t-tbatija tagħna fejn tidħol f’dan id-diskors kollu?’. Meta nħarsu lejn Ġesù msallab aħna nilmħu ż-żewġ aspetti profondi tal-umanità tagħna. Ġesù msallab huwa dak li jfakkarna, jidħol fil-ferita tagħna l-iktar li ddemma’ bħalissa… Tista’ tkun problema ta’ saħħa, ta’ relazzjoni, tista’ tkun diffikultà mal-ulied, jew mal-ġenituri jew mal-aħwa. Kull wieħed u kull waħda minna għandu l-pjagi tiegħu, il-feriti tiegħu, imma dawk il-pjagi, meta aħna nħarsu lejn Ġesù, ma jġagħluniex biss inħossu li Ġesù huwa wieħed minna u wieħed bħalna, imma, bil-qawwa u bl-għajnuna tiegħu, jistgħu jinbidlu fi strument ta’ mħabba kif kienu għalih.
Jekk int qed tbati għax it-tifel jew it-tifla ma tkellmikx, hija tbatija tal-imħabba. Jekk int qed tbati għax għandek diffikultà ta’ mard u qed tibża’ li ħa tħalli warajk nies li huma bżonnok, hija tbatija tal-imħabba. Jekk int qed tbati għax tifel jew tifla minn tiegħek ma baqgħux f’relazzjoni flimkien, f’relazzjoni ta’ żwieġ, hija tbatija tal-imħabba.
Ġesù għandu l-kapaċità li jurina l-wiċċ l-ieħor tat-tbatija tagħna. It-tbatija tagħna mhix biss falliment, mhix biss frustrazzjoni, mhix biss sens ta’ impotenza – ma nafx x’nista’ nagħmel iktar! – imma t-tbatija tagħna, ħafna drabi, hi sinjal tal-imħabba.
Quddiem Ġesù aħna wkoll jiġrilna bħalma ġralu l-poplu Lhudi fid-deżert. Il-ktieb tan-Numri, kap 21, jgħidilna li meta l-poplu kien fid-deżert, beda jgerger, għax kien ibati fid-deżert. U lilna x’tagħmlilna t-tbatija? Irridu jew ma rridux, anki jekk nippruvaw nagħmlu l-ħila kollha tagħna, it-tbatija timbuttana biex ingergru. Alla jgħid lil Mosè: ‘Għidilhom iħarsu lejn is-serp tal-bronż li int se terfa’, li int se tagħmel fuq arblu, u jfiqu!’.
Għiduli intom jekk it-tgergir li ġej mit-tbatija tagħna, aħna u nħarsu lejn Ġesù Msallab, jonqosx fl-intensità tiegħu! Għiduli intom jekk meta nħarsu lejn Ġesù, l-istess Iben ta’ Alla, kull wieħed u waħda minna għandniex il-kapaċità li nduru lejn Alla l-Missier u nirribellaw kontrih, jekk l-istess Ibnu sofra u bata din it-tbatija!
Ejjew nitolbu f’din il-quddiesa li qegħdin niċċelebraw biex lil Kristu Msallab inħalluh jikxfilna u jgħallimna bil-mod il-mod il-wiċċ tal-passjoni tal-imħabba li l-passjoni tal-mard u tad-diffikultajiet tagħna jaħbu taħthom, u li kultant ma nkunux kapaċi nesprimu ħlief b’rabja u bit-tgergir. Ejjew nitolbu dan lill-Mulej Ġesù li qiegħed hawnhekk fuq l-altar – u mhux qiegħed għalxejn hawn fuq l-altar, għax Ġesù Kurċifiss hu sinjal qawwi daqskemm huma sinjali qawwija l-altar li fuqu sejrin niċċelebraw l-Ewkaristija u l-ambone li fuqu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Daqshekk huwa qawwi l-Kurċifiss, anzi iktar minn hekk! Il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu, kollha kemm hi, it-Testment il-Qadim u l-Ġdid, issib tifsira prattika u konkreta f’Ġesù Msallab. Fil-ħobż u l-inbid li dalwaqt se nirċievu – “Ħudu u kulu, dan hu Ġismi… Ħudu u ixorbu, dan hu Demmi” – għandna deskrizzjoni viżibbli ta’ dak li jiġri, nistgħu naraw b’għajnejna dak li jiġri fuq l-altar fil-quddiesa kull darba li aħna nħarsu lejn Ġesù msallab. Kull darba li aħna nirċievu lil Ġesù fil-Ġisem tiegħu aħna nkunu qegħdin inħallu għal darb’oħra lil Ġesù jsalvana bil-passjoni, bid-demm tiegħu, bit-tbatija tiegħu.
Ejjew kull darba li nieħdu sehem fl-Ewkaristija, nidħlu f’din l-esperjenza profonda li forsi kultant minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni jew ta’ fidi tagħna, tgħib minn moħħna u tisparixxi minn quddiem għajnejna. Ejjew nemmnu tassew li kull darba li nirċievu lil Ġesù, kull darba li aħna nisimgħuh jgħidilna: ‘Ħu, kul, dan Ġismi; ħu, ixrob, dan Demmi’, Ġesù msallab quddiemna, Ġesù mogħti għalina, ikun qiegħed iwettaq, proprju f’dak il-mument, dak li wettaq fil-Kalvarju ħafna snin ilu. Din hi l-Ewkaristija – l-għajxien fil-ħajja tagħna tal-lum ta’ dak li ġara elfejn sena ilu.
Mulej Ġesù, int li inti msallab, int li inti t-tbatija, int li inti espressjoni tal-uġigħ tal-bniedem, int li lqajt fuqek saħansitra l-prepotenza, l-aggressività, ir-rabja tagħna mingħajr ma rribellajt, mingħajr ma rreaġġixxejt, mingħajr ma sawwatt lura, anzi lqajt kollox bi mħabba, b’maħfra: agħtina lilna lkoll li t-tbatija tagħna tittrasforma ruħha bħall-Ġisem u d-Demm tiegħek fl-Ewkaristija, biex aħna wkoll insiru Ewkaristija, radd ta’ ħajr lil Alla l-Missier għall-ħajja tagħna u għal dak kollu li jagħmel magħna.
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.