It-Tempju ta’ Alla (2) … u Aktar Mirakli Ewkaristiċi

Il-Mirakli Ewkaristiċi (74)
minn Manwel Cutajar

It-Tempju ta’ Salamun,magħruf ukoll bħala l-Ewwel Tempju (bil-Lhudi: בַּיִת רִאשׁוֹן Bayyit Rīšōn (L-Ewwel Tempju), kien Tempju Bibliku f’Ġerusalemm li hu maħsub li kien jeżisti bejn l-10 u s-6 sekli Q.K. Ġewwa t-Tempju kien hemm l-Arka tal-Patt , Sinjal tal-Preżenza ta’ Alla fost il-poplu Tiegħu. L-Arka kien fiha ż-żewġ Twavel tal-ġebel tal-Liġi,il-manna u l-bastun t’Aron. Din kienet tifkira li Alla dejjem kien fl-istorja tal-Poplu Tiegħu li Hu kien jakkumpanjah fil-vjaġġ tiegħu u kien imexxi l-passi tiegħu.

F’dan il-kuntest nikkwota siltiet mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK) : It-talb tal-poplu ta’ Alla jiżviluppa għad-dell tal-għamara ta’ Alla,l-Arka tal-Patt,u aktar tard fit-Tempju.L-ewwel huma  l-mexxejja tal-poplu, ir-ragħajja u l-Profeti – li jgħallmuh jitlob….(KKK 2578); It-Tempju ta’ Ġerusalemm,id-dar tat-talb li David ried jibni, kellha tkun opra ta’ ibnu Salamun. It-talba tad-Dedikazzjoni tat-Tempju  (ara 1 Slat. 8,10-61)  tistrieħ fuq il-Wegħdiet ta’ Alla u fuq il-Patt Tiegħu… (KKK 2580); It-Tempju kellu  jkun għall-Poplu ta’ Alla il-post fejn dan jitgħallem jitlob:il-pellegrinaġġi,il-festi,is-sagrifiċċji,l-offerta proprja,l-inċens,il-ħobż tal-”preżenza”,dawn is-sinjali kollha tal-Qdusija u tal-Glorja ta’ Alla, hekk Għoli iżda hekk fil-Qrib,dawn is-Sinjali  kienu kollha sejħat għat-talb u triqat tat-talb…(KKK 2581).

It-Tempju ta’ Alla huwa tifkira ta’ din l-istorja.

Meta mmorru fit-Tempju ta’ Alla (fil-Knejjes tagħna) aħna wkoll irridu niftakru f’din l-istorja… kull wieħed minna fl-istorja propja u personali tiegħu… kif Ġesù jiltaqa’ miegħi,kif Ġesù jimxi ħdejja u miegħi, kif Ġesù jħobbni u jberikni,u fuq kollox kif Ġesù jitmani bl-Ewkaristija wisq Qaddisa – bl-istess Ġisem, Demm, Ruħ u Divinità Tiegħu.

Il-Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja ta’ André Frossard

Storja ta’ Konverzjoni:

Il-konverżjoni tal-ġurnalist u kittieb ateu André Frossard  waqtil-Preżenza tal-Ewkaristija Qaddisa kellha reperkussjonijiet kbar kemm f’ħajtu kif ukoll fis-soċjetà ta’ żmienu.Huwa spjega dil-konverżjoni tiegħu fit-titlu tal-ktieb bestseller tiegħu tal-1969: Dieu existe, je l’ai rencontré (Alla jeżisti, iltqajt miegħu).

Sa l-aħħar snin ta’ ħajtu kien dejjem jgħid:  “Minn meta  ltqajt ma’ Alla, qatt ma rnexxieli  ngħeja u  nieqaf naħseb dwar il-Misteru ta’ Alla. Kull jum huwa xi ħaġa ġdida għalija. U jekk Alla jeżisti jien għandi nitkellem dwaru;jekk Kristu huwa l-Iben ta’ Alla jiena għandi nipproklamaha b’leħen għoli; jekk hemm il-Ħajja Eterna, jiena għandi nxandarha”

Ħajja bikrija

André Frossard twieled fl-14 ta’ Jannar 1915 f’Saint-Maurice-Colombier Doubs,Franza. Missieru Louis Oscar Frossard,kien wieħed mill-fundaturi tal-Partit Komunista Franċiż u serva bħala l-ewwel Segretarju Ġenerali tiegħu.

In-nanna paterna ta’ André kienet Lhudija,u r-raħal tiegħu f’Foussemagne, Franza, kien l-uniku raħal fi Franza b’sinagoga iżda mingħajr knisja. Wara li attenda l-Ecole Nationale Superieure des arts decoratifs biex itemm l-edukazzjoni tiegħu, André beda karriera fil-ġurnaliżmu bħala karikatur u columnist.

Konverżjoni għall-Kattoliċiżmu

André trabba bħala ateu. Kien żagħżugħ kemxejn ribelluż, insolenti u għażżien. Matul l-adoloxxenza tiegħu spiss kien ifalli l-iskola. S’intendi bħala ateu,Alla u r-reliġjon  ma kellhom  l-ebda valur u importanza f’ħajtu.

Wara li kiseb impjieg f’gazzetta tax-xellug,hemmhekk sar ħabib ma’ kollega Kattoliku.Darba ftehmu biex jiltaqgħu għall-ikel ħdejn kappella tas-sorijiet ta’ Adorazzjoni f’Pariġi . Wara li dam jistennieh, André ddeċieda li jidħol fil-kappella ifittex lil ħabibu.

Huwaddeskriva dal-mument hekk fl-awtobijografija spiritwali tiegħu:Alla Jeżisti. Iltqajt miegħu”

Meta dħalt fil-kappella, fejn kien hemm espost is-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija,smajt b’mod misterjuż il-kliem “ħajja spiritwali” u f’daqqa waħda ħassejt sens kbir tal-Eżistenza ta’ Alla. li Hu dak li l-Insara kienu jsejħu “Missierna”, li kien ta’ ħlewwa bla paragun,iżda ħlewwa tant attiva u b’saħħitha li kienet kapaċi tinfed l-aktar blata iebsa umana.”

Din il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija kienet akkumpanjata minn ferħ profond f’ħajtu,bħall-ferħ ta’ persuna salvata minn nawfraġju.Huwa esperjenza dik li sejjaħ “splużjoni ta’ dawl sieket u ġentili” u kellu sens ta’ appartenenza għal familja ġdida: il-Knisja Kattolika.

André kien konxju li rċieva “d-dawl tal-verità, dawl li tassew jgħallem, li jinforma kif idawwal…. U l-ħaġa kurjuża hija li din l-istruzzjoni bla kliem hija eżattament l-istess bħal dik tal-Knisja”  (Be Not Afraid!, The Bodley Head, 1984, p. 49).

Il-Konverzjoni ta’ André kellha impatt permanenti fuqu li wasslet għall-Magħmudija tiegħu ftit wara. Filfatt,huwa tgħammed fil-kappella tas-Sorijiet tal-Adorazzjoni fit-8 ta’ Lulju 1935.

Ommu kienet impressjonata bl-effett tal-konverżjoni ta’ binha- dwar l-imġieba tiegħu – iż-żagħżugħ ribelluż sar persuna ħafna aktar ġentili u ferrieħa.

Wara ommu wkoll saret Kattolika.

Ir-Reżistenza Franċiża

André ingħaqad man-Navy Franċiża f’Settembru 1936 u daħal fir-Reżistenza Franċiża wara d-demobilizzazzjoni. Huwa ġie arrestat mill-Gestapo f’Lyon fl-10 ta’ Diċembru 1943. Ġie internat fil-“Jew Shed” tal-ħabs ta’ Montluc u kien wieħed mis-seba’ superstiti ta’ massakru f’Bron fit-2 ta’ Awwissu 1944, li fih inqatlu 72 persuna. André ngħata l-Leġjun tal-Unur, u promoss għall-grad ta’ uffiċjal mill-Ġeneral Charles de Gaulle.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija

Wara l-gwerra, André ħadem f’ġurnali L’Aurore, Figaro u Le Monde. Huwa attenda ħafna konferenzi fi Franza u pajjiżi oħra, l-aktar fl-Italja,fejn il-belt ta’ Ravenna fl-1986 ħatritu Ċittadin Onorarju. Frossard ippreżenta programmi televiżivi bħal Voyage sans  passeport. Ġie elett fl-Academie Francaise Seat 2 għall-President tar-Rene de La Croix de Castries fit-18 ta’ Ġunju 1987.

Sal-1990. André kiteb diversi kotba, u madwar 15,000 artikli f’diversi ġurnali,l-aktar dwar ir-Reliġjon. André Frossard,bħall-ħabib tiegħu l-Papa San Ġwanni Pawlu II, esperjenza u qasam ħafna mill-problemi u konflitti tas-seklu 20.

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II tah il-Gran Croce tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm.

André Frossard miet f’Versailles fit-2 ta’ Frar 1995 u huwa midfun fiċ-ċimiterju ta’ Caluire-et-Cuire.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading