Ħamis ix-Xirka: Ċelebrazzjoni Solenni tal-Ikla tal-Mulej

Minn D Edward Vella

Il-ħasil tar-riġlejn fi żmien Ġesù kellu 2 tifsiriet differenti:

  • l-aspett umiljanti: l-skjav jaħsel saqajn is-sid tiegħu, nimmaġinaw f’pajjiż bħal tagħna fejn, bejn is-sħana u l-għaraq tas-sajf, bejn il-fatt li kienu jkunu lebsin sandli jew ħafjin, allura is-saqajn kienu jkunu maħmuġin ħafna, u għalhekk il-ħasil tas-saqajn fi djar is-sinjuri kien jagħmlu biss l-iskjav li ma jistax jirrifjuta.
  • Laspett ta’ mħabba: fil-familji l-foqra kien ġest sabiħ ta’ mħabba li l-ulied bniet kienu jagħmlu lil missierhom wara li jirritorna mix-xogħol, jew inkella xi ħadd li jistieden lil xi ħadd ħabib kbir għall-ikel u li, bħala ġest ta’ ħbiberija u merħba, kien jaħsillu saqajh x’ħin jidħol id-dar.

Żġur li mhux xi xogħol li wieħed kien jagħmlu minn qalbu, iżda xogħol umiljanti li jista’ jesprimi mħabba kbira lejn il-persuna li qed tilqa’ ġo darek.

Hekk għamel Ġesù f’din il-lejla qabel ma bata, allura dan mhux biss ġest li hu għamlu għax kienet xi ċirkustanza speċjali, iżda Ġesù b’dak li għamel qiegħed iħallilna t-testment tiegħu. Interessanti li l-Evanġelista San Ġwann ma jsemmix it-twaqqif tal-Ewkaristija fl-aħħar ċena, huwa jitkellem b’mod mill-aktar sabiħ u profond fuq l-Ewkaristija fil-Kapitlu 6. Allura hawn għaliex ma jsemmilniex r-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija? Jistgħu ikunu diversi r-raġunijiet għal dan, iżda l-aktar waħda probabli minnhom hija li huwa jrid jurina xi jfisser dan is-sagrament tal-għaġeb. It-tagħlimiet l-aktar imporanti li joħorġu minn dan ir-rakkont huma: Inħallu ’l Alla jaħslilna saqajna: din tidher ħaġa sempliċi imma ma hijiex. Inħallu ’l Alla jeħlisna mid-dnub tagħna. “Min hu maħsul (Magħmudija), ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”.Dan ifisser li:

  • nagħraf x’inhu d-dnub u li xejn daqsu ma jagħmilli ħsara: li hu l-akbar għadu tiegħi.
  • naċċetta d-dnub tiegħi b’umiltà.
  • nagħraf l-effett negattiv li d-dnub iħalli fuqi: id-dnub ikisser r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, mal-oħrajn u miegħi nnifsi: id-dnub jidħol f’qalbi u jistaqli l-aktar ħaġa għażiża li għandi jiġifieri l-paċi tal-qalb.
  • nagħraf li ħadd l-ebda bniedem ma jista’ jeħlisni mid-dnub.
  • naċċetta li Ġesù biss huwa s-soluzzjoni għall-akbar problema li għandu l-bniedem, li Ġesù biss jista’ jeħlisni mid-dnub.  

Jekk inħalli ’l Alla jaħsilli riġlejja, jien wkoll rrid naħsel riġlejn l-oħrajn, irrid inservi. L-Ewkaristija mingħajr impenn serju ta’ servizz/imħabba vera lejn xulxin ma tagħmilx sens. L-għotja ta’ Ġesù għalina fuq is-salib issir għotja għalija llum permezz tal-Ewkaristija.Ġesù jingħata għalija biex jien inkun nista ningħata għall-oħrajn. Naħsel riġlejn l-oħrajn ifisser:

  • naħfer, nitlob maħfra.
  • ma nimxix bl-uċuħ ta’ min għandi grazzja miegħu jew le.
  • ngħin lil kulħadd l-aktar lil dawk li d-dinja twarrabhom.
  • ninteressa ruħi fil-persuna li l-Mulej ilaqqani magħha

Jekk ma ngħixux l-imħabba l-ħajja nisranija ma tagħmilx sens, jekk nikkuntentaw biss li nippruvaw ngħixu ħajja tajba, nitlobu, niġu l-quddiesa eċċ… iżda mbagħad ma nagħmlux impenn biex dak li rċevejt minn għand Ġesù ngħadduh lill-oħrajn, allura nkunu bħal melħ li qata u dawl moħbi.

Ejjew għeżież nirriflettu bis-serjetà: f’dinja li ma għadiex taf tħobb għaliex tbegħdet mill-Mulej ejjew nħalluh jagħmel lilu nnifsu preżenti fid-dinja permezz tagħna: kemm qed inkun nisrani li jagħmel differenza, jew ninġarr mill-kurrent, mill-mentalità ta’ “mhux kulħadd hekk jagħmel”…

Nisrani li jagħmel differenza hu l-ewwel u qabel kollox, nisrani li jħobb kif iħobbna l-Mulej, nisrani li jagħti lilu nnifsu fil-ħajja ta’ kuljum. Nisimgħu lil Ġesù:

“Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading