Minn D Edward Vella
Żgur li xi darba lkoll kemm aħna staqsejna ‘minn xiex ġie jsalvana Ġesù? X’effett jista’ jkollha fuqi l-Mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, mewt ħarxa li ġrat bosta snin ilu u f’pajjiż u kultura imbegħda ħafna minna? Dak li qed nagħmlu llum huwa sempliċement nitħassru lil xi ħadd li għamel bosta ġid u pattewlu billi rċieva l-mewt, u mewt l-aktar ħarxa?
L-ewwel ħaġa li rridu ngħidu hija li l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù għandhom valur u effett fuqna li tant hu kbira li aħna bil-moħħ ċkejken tagħna qatt ma nistgħu nifhmuh għal kollox. Tajjeb li niftakru li dak li bata u miet għalina ma huwiex bniedem biss iżda huwa wkoll Alla veru. Għalhekk jekk aħna nemmnu li ħalaqna Alla, jekk nemmnu li dan Alla tant iħobbna li biex jeħlisna mid-dnub kien lest mhux biss li jsir bniedem, iżda li jbati u jmut forsi l-agħar mewt li qatt ingħatat, jekk nemmnu dan allura żgur li rridu ngħidu: mela x’effett ikraħ għandu d-dnub fuqna jekk Alla stess biex jeħlisna minnu kien lest li jmut fuq salib għalina? Fil-vanġelu bosta drabi l-effett tad-dnub fuq ir-ruħ huwa mxebbaħ mal-effett tal-ġdiem fuq il-ġisem. Biex ikollna idea żgħira tal-effett tad-dnub fuqna naħsbu ftit:
- Kemm tweġġgħa meta xi ħadd jigdiblek jew iweġġek b’ilsienu, dawn affarijiet li ma jidhrux bl-għajnejn tal-ġisem.
- Kemm hu ikraħ meta tisma xi ħadd jidgħi,
- Kemm hu ikraħ min jagħmel ażżjoni ħażina lil għajru b’għajnejh miftuħa, min iqarraq, min joqtol…
- Kemm hu ikraħ min iweġġgħa lil għajru b’xi mod, u jibqa ndifferenti, għax ħalla l-egoizmu tiegħu jirbaħ fuqu.
Dan kollu ma għandux effett biss fuq min jirċievi dan il-ħażen, però l-agħar effett huwa fuq min jagħmlu.
Id-dnub huwa l-oppost tal-imħabba, l-oppost tal-paċi tal-qalb tant li jisraqhielna. Taf meta nirrealizzaw x’effett negattiva kellu fuqna d-dnub, meta mmutu u nidhru quddiem Alla. Hemm nirrealizzaw ilkoll kemm aħna midinbin. Hemmhekk issir l-għazla mhux bejn dawk li huma midinbin jew le, għax aħna lkoll midinbin, iżda bejn dawk li ‘ħaslu lbieshom u bajduhom fid-demm tal-ħaruf jew le’, hemm l-għażla ssir bejn dawk li aċċettaw lil Ġesù msallab f’ħajjithom jew le. Hemm nindunaw x’effett ta’ ndafa spiritwali għandha l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù fuqna, hemm nindunaw li t-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù mhux biss taffettwana llum iżda għal kemm hi twila l-eternità, hemm nintebħu li l-mewt ta’ Ġesù mhux biss hija l-akbar grajja tal-istorja tal-bniedem, iżda hija l-akbar ġrajja fl-istorja personali tiegħi, tant li dak li jgħodd verament hu jekk naċċettax bis-sinċerità lil Ġesù, u dan imsallab, f’ħajti jew le, l-bqija kollox jgħaddi u jisfuma fix-xejn.
Il-Ġenna ma hijiex xi post: ma nistgħux nitkellmu minn zmien u post wara din il-ħajja. Il-ġenna hija stat wara din il-ħajja fejn aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Alla, fejn hu ikun il-milja tal ferħ, il-milja ta’ dak kollu li nixtiequ. Iżda l-ġenna ma tfissirx biss li Alla jħaddan lilna miegħu għal dejjem, iżda li aħna b’libertà nħaddnu lilu ukoll. Kif nista’ jien li jien midneb nħaddan ’l Alla, purità, sbuħija, qdusija nfinità jekk ma jkunx id-demm ta’ Kristu li jsaffini? Kif jista’ jħaddan ’l Alla għal dejjem min ma jaċċettax lil Ġesù f’ħajtu u jħalliħ jaħslu b’demmu l-għażiż? Għalhekk il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù mhux biss turina kif għandna ngħixu f’din il-ħajja, mhux biss turina s-sbuħija tal-imħabba u l-kruwa tad-dnub, mhux biss tagħtina l-qawwa ta’ Alla u taħfrina dnubietna issa biex inkomplu miexja l-quddiem, iżda fuq kollox tagħtina dak li konna maħluqa għalih, jiġifieri li nsiru ħaġa waħda ma’ Alla għal dejjem meta xejn aktar ma jibqa jgħodd.
Għalhekk illum meta nitilgħu nbusu lil Ġesù msallab minn hawn u ftit ieħor, nitilgħu konxji li aħna midinbin, iżda j’Alla nkunu midinbin sinċieri bħal Pietru, u mhux midinbin bħal Ġuda. Ejjew f’qalbna ngħidulu bħal pubblikan li mar it-tempju u baqa fuq wara jħabbat fuq sidru, b’rasu baxxuta u jgħid ‘Ikollok ħniena minni Mulej jiena midneb’. Ejjew nitolbuh biex f’ħajjitna, minkejja li għandna bżonn l-affarijiet materjali biex ninqdew bihom għall-ġid tagħna u tal-oħrajn, iżda qatt ma nagħmluhom allat tagħna: ma ninsewx li xi darba kollox inħallu warajna, li jibqa biss huwa kemm inkunu ħallejna lil Ġesù mhux biss jaħslilna riġlejna iżda nħalluh jaħsilna kollna kemm aħna b’demmu l-għażiż li xtered għalina fuq il-Golgota.
Ejjew ngħidu flimkien din it-talba għażiża;
Ruħ ta’ Kristu qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani.
Demm ta’ Kristu, isqini.
Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.
Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.
O Ġesù twajjeb, ismagħni.
Fil-pjagi tiegħek, aħbini.
Tħallini qatt ninfired minnek.
Mill-għadu ħażin ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.
Ġewwa ħdanek ilqagħni,
biex mal-qaddisin tiegħek
infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.