14/04/2025: F’Digriet approvat mill-Papa Franġisku f’Ħadd il-Palm, id-Dikasteru għall-Kleru ħareġ normi riveduti dwar id-dixxiplina tal-Knisja fejn jidħlu intenzjonijiet tal-quddies. Il-liġi aġġornata, li tidħol fis-seħħ nhar l-Għid, tfittex li tħares kemm l-integrità spiritwali tas-sagrifiċċju Ewkaristiku u kemm il-fiduċja li jpoġġu n-nies f’dak li tagħmel il-Knisja bl-offerti tagħhom.

Imsejsa fuq il-liġi kanonika eżistenti u d-digriet tal-1991 Mos iugiter, in-normi ġodda jenfasizzaw li waqt li l-Insara jistgħu jkomplu jagħmlu l-offerti tagħhom għall-quddies li jiġi ċċelebrat skont intenzjonijiet speċifiċi, it-tradizzjoni mqaddsa għandha tibqa’ ħielsa minn kull xebh ma’ xi forma ta’ skambju kummerċjali.
Id-digriet jerġa’ jafferma l-valur ta’ dawn l-offerti bħala forma ta’ sehem spiritwali u sapport lill-missjoni tal-Knisja u l-għajxien tas-saċerdoti.
Intenzjonijiet kollettivi
Id-digriet jippermetti biss li jkun hemm “intenzjonijiet kollettivi” – prattika fejn diversi għotjiet għal intenzjonijiet jinġabru flimkien f’quddiesa waħda – taħt kundizzjonijiet stretti: dawk li jagħmlu l-offerta jridu jkunu mgħarrfa b’dan espliċitament u jagħtu l-kunsens tagħhom. Id-Digriet jirrestrinġi wkoll il-frekwenza ta’ ċelebrazzjonijiet kollettivi bħal dawn, bl-għan li jippreserva r-rabta normattiva bejn kull offerta u ċelebrazzjoni waħda ta’ quddiesa.
In-normi jipprojbixxu wkoll bħala gravament illeċiti li f’quddiesa li tkun ġiet imwiegħda għall-intenzjoni ta’ xi persuna, is-saċerdot sempliċiment isemmi l-isem flok jagħmel l-intenzjoni.
Id-Dikasteru jenfasizza l-ġustizzja mal-fidili u l-periklu tas-simonija, u jsejjaħ lill-isqfijiet biex jgħallmu lill-Insara dwar is-sens ta’ dawn l-intenzjonijiet, jaraw li ssir l-implimentazzjoni meħtieġa tagħhom, u jiżguraw li jitniżżlu sew fil-kotba tal-knejjes l-intenzjonijiet u l-offerti li jsiru għalihom.
Attenzjoni pastorali
Id-Digriet fl-aħħar mill-aħħar jagħfas fuq l-attenzjoni pastorali. Is-saċerdoti huma mħeġġa jiċċelebraw quddies għall-foqra, anki mingħajr offerti, u l-isqfijiet djoċesani jistgħu jindirizzaw intenzjonijiet żejda li ma għandhomx saċerdoti li jistgħu jqaddsu għalihom fid-djoċesi tagħhom lejn artijiet tal-missjonijiet jew parroċċi l-aktar fil-bżonn.
Din l-azzjoni tas-Santa Sede għandha l-għan li ġġedded il-fedeltà għat-tradizzjoni antika tal-Knisja, tipproteġi d-dinjità tal-Ewkaristija, u tippromovi trasparenza u fiduċja ikbar fi ħdan il-Poplu ta’ Alla.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti