Il-Kardinal Robert Francis Prevost osa, li kien il-Prefett tad-Dikasteru tal-Isqfijiet u Arċisqof-Isqof emeritu ta’ Chiclayo, twieled fl-14 ta’ Settembru 1955 f’Chicago (Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika). Fl-1977 hu daħal fin-novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin (OSA) fil-Provinċja ta’ Sidtna Marija tal-Bon Kunsill, f’Saint Louis. Fid-29 ta’ Awwissu 1981 għamel il-voti solenni tiegħu. Hu studja fl-Unjoni Kattolika Teoloġika ta’ Chicago, fejn irċieva diploma fit-teoloġija.
Ara wkoll il-bijografija sħiħa tiegħu …
Fl-età ta’ 27 sena ġie mibgħut mill-Ordni f’Ruma jistudja l-liġi kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino (Angelicum). Irċieva l-ordinazzjoni presbiterali fid-19 ta’ Ġunju 1982. Hu rċieva l-liċenzjat tiegħu fl-1984, u mbagħad ġie mibgħut fil-missjoni ta’ Chulucanas, f’Piura, il-Perù (1985-1986).
Fl-1987 irċieva d-dottorat bit-teżi: “Ir-rwol tal-prijur lokali fl-Ordni ta’ Santu Wistin”. Fl-istess sena ġie magħżul direttur tal-vokazzjonijiet u direttur tal-missjonijiet tal-Provinċja Agostinjana ta’ Omm il-Parir it-Tajjeb, ta’ Olympia Fields, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika. Fl-1988 ġie mibgħut fil-missjoni ta’ Trujillo bħala direttur tal-proġett konġunt ta’ formazzjoni għall-aspiranti Agostinjani fil-Vigarjati ta’ Chulucanas, Iquitos u Apurímac. Huwa serva bħala prijur tal-komunità (1988-1992), direttur tal-formazzjoni (1988-1998) u mastru tal-professi (1992-1998). Fl-Arċidjoċesi ta’ Trujillo hu kien vigarju ġudizzjali (1989-1998), u professur tal-liġi kanonika, patristika u morali fis-Seminarju Maġġuri San Carlos e San Marcelo.
Fl-1999 ġie elett prijur provinċjali tal-Provinċja tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb, Chicago. Wara sentejn u nofs, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju ħatru Prijur Ġenerali, ministeru li ġie fdat lilu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2007. F’Ottubru 2013 irritorna lejn il-provinċja tiegħu (Chicago) biex jaqdi bħala għalliem tal-professi u vigarju provinċjali, rwoli li ħaddan sat-3 ta’ Novembru 2014, meta l-Papa Franġisku ħatru Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù, u għollieh għad-dinjità ta’ isqof waqt li tah id-Djoċesi titulari ta’ Sufar.
Fis-7 ta’ Novembru ħa pussess kanoniku tad-djoċesi fil-preżenza tan-Nunzju Appostoliku James Patrick Green; ġie ordnat isqof fit-12 ta’ Diċembru, Festa ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, fil-Katidral tad-djoċesi tiegħu. Serva bħala Isqof ta’ Chiclayo mis-26 ta’ Novembru 2015. F’Marzu 2018 sar it-tieni Viċi-President tal-Konferenza Episkopali Peruvjana. Il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru fl-2019, u membru tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet fl-2020.
Fil-15 ta’ April 2020, il-Papa ħatru Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Callao.
Fit-30 ta’ Jannar 2023, il-Papa Franġisku ħatar lill-Kardinal Prevost bħala Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina.
Il-Papa Franġisku ħatru Kardinal fil-Konċistorju tat-30 ta’ Settembru 2023, bid-Djakonija ta’ Santa Monika.
Kitba ta’ Francesco Pio Attard
