OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-KRIPTA TAL-BAŻILIKA TA’ SAN PIETRU
Il-Ħadd 11 ta’ Mejju 2025
Ħa nibda b’kelmtejn bl-Ingliż u mbagħad forsi ngħid kelma oħra bit-Taljan.
Il-Vanġelu li għadna kemm smajna, f’dan il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, jgħid: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja” (Ġw 10:27).
Qed naħseb fir-Ragħaj it-Tajjeb, fuq kollox f’dan il-Ħadd, hekk sinifikattiv fi Żmien il-Għid. Aħna u niċċelebraw il-bidu ta’ din il-missjoni ġdida, tal-ministeru li għalih il-Knisja sejħitli, ma hemmx eżempju aqwa minn dak ta’ Ġesù Kristu nnifsu, li għalih nagħtu ħajjitna u li minnu niddependu. Ġesù Kristu, li warajh nimxu, huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, u huwa Dak li jagħtina l-ħajja: “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6).
Għalhekk niċċelebraw bil-ferħ dan il-jum u napprezzaw ħafna l-preżenza tagħkom hawn.
Illum hija l-Festa tal-Ommijiet. Naħseb omm waħda hawn preżenti hawn: il-Festa t-tajba tal-Omm! Waħda mill-isbaħ espressjonijiet tal-imħabba ta’ Alla hija l-imħabba li jagħtu l-ommijiet, fuq kollox lil uliedhom u n-neputijiet tagħhom.
Dan il-Ħadd huwa speċjali għal diversi raġunijiet: waħda mill-ewwel li rrid insemmi hi dik tal-vokazzjonijiet. Waqt il-ħidmiet riċenti tal-Kardinali, qabel u wara l-elezzjoni tal-Papa l-ġdid, tkellimna ħafna fuq il-vokazzjonijiet fil-Knisja u fuq kemm hu importanti li lkoll kemm aħna flimkien nistħarrġu lilna nfusna. Qabelxejn u fuq kollox billi nagħtu l-eżempju tajjeb bil-ħajja tagħna, b’ferħ, billi ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu, bla ma naqtgħu qalb l-oħrajn, imma pjuttost billi noħolqu modi kif nanimaw liż-żgħażagħ ħalli jagħtu widen għal-leħen tal-Mulej, u jimxu warajh u jaqdu fil-Knisja. “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb” (Ġw 10:11), jgħidilna Ġesù.
Issa ħa nżid kelma wkoll bit-Taljan, għax din il-missjoni li qed inwettqu ma għadhiex indirizzata iktar għal djoċesi waħda imma għall-Knisja kollha: importanti dan l-ispirtu universali. U dan insibuh ukoll fl-Ewwel Qari li smajna (ara Atti 13:14,43-52). Pawlu u Barnaba jmorru Antjokja, imorru l-ewwel għand il-Lhud, imma dawn ma jridux jagħtu widen għal-leħen tal-Mulej, u allura huma jibdew ixandru l-Vanġelu lid-dinja kollha, lill-pagani. Kif nafu, jitilqu għal din il-missjoni kbira. San Pawl jiġi Ruma, fejn sa fl-aħħar hu jwettaqha. Eżempju ieħor ta’ xhieda ta’ ragħaj tajjeb. Imma f’dak l-eżempju hemm ukoll stedina speċjali ħafna lilna lkoll. Dan qed ngħidu wkoll b’mod personali ħafna; inxandru l-Vanġelu lid-dinja kollha.
Kuraġġ! Bla biża’! Tant drabi Ġesù fil-Vanġelu jgħid: “Tibżgħu xejn!”. Irid ikollna l-kuraġġ fix-xhieda li nagħtu, bil-kelma u fuq kollox bil-ħajja tagħna: billi nagħtu ħajjitna, naqdu, xi drabi b’sagrifiċċji kbar, biex ngħixu sewwasew din il-missjoni.
Qrajt riflessjoni ċkejkna li ġġagħalni naħseb ħafna, għax anki fil-Vanġelu toħroġ. F’dan is-sens, xi ħadd staqsa: “Meta int taħseb fuq il-ħajja tiegħek, kif tispjegaha li wasalt sa hawn?”. It-tweġiba li jagħtu f’din ir-riflessjoni f’ċertu sens hija tiegħi wkoll: bil-verb “tisma’”. Kemm hu importanti li nisimgħu! Ġesù jgħid: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni” (Ġw 10:27). U naħseb li importanti li lkoll kemm aħna nitgħallmu dejjem iżjed nisimgħu, biex nidħlu fi djalogu. Qabelxejn mal-Mulej: nisimgħu dejjem il-Kelma ta’ Alla. Imbagħad nisimgħu anki lill-oħrajn: nagħrfu nibnu pontijiet, nagħrfu nisimgħu biex ma niġġudikawx, ma nagħlqux il-bibien, għax naħsbu li aħna għandna l-verità kollha u ħadd ma jista’ jgħidilna xejn iżjed. Importanti ħafna nisimgħu l-leħen tal-Mulej, nisimgħu lil xulxin, f’dan id-djalogu, u naraw lejn fejn il-Mulej qed isejħilna.
Nimxu flimkien fil-Knisja, nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-grazzja: li nagħrfu nisimgħu l-Kelma tiegħu biex nistgħu naqdu lill-poplu tiegħu kollu.
Miġjub ghall-Malti minn Francesco Pio Attard