Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena Ċ

Minn D Edward Vella

L-Isqof Fulton Sheen darba waħda, b’mod profetiku qal, li l-Knisja tal-futur ser tkun ittentata l-aktar mill-ispirti ħżiena tal-firda u qtigħ ta’ qalb. Dak li ħabbar Fulton Sheen qiegħed tassew iseħħ fi żmienna. Wieħed ma jistax iħobb lill-Mulej u l-Knisja tiegħu u ma jħossx għafsa ta’ qalb x’ħin jara li anke fil-Knisja, il-komunità ta’ Ġesù, jeżistu l-firdiet u t-tentazzjoni għall-qtigħ ta’ qalb.

Fl-ewwel qari smajna lil Pawlu u Barnaba, ‘jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi,’ u jżidu li ‘jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla.’ Xi darba żgur li smajna l-espressjoni bl-ingliż ‘no pain no gain’: il-bniedem ma jista’ jasal għal xejn sabiħ u tajjeb fil-ħajja mingħajr is-sagrifiċċju u t-tbatija. Dan il-kliem ma jgħoddx biss għal fejn tidħol il-ħajja ta’ fidi iżda għal kull aspett tal-ħajja umana: il-bniedem li jistenna li l-ħajja ser tiġih kollha ward u zahar huwa bniedem destinat li jaqta’ qalbu u jgħix diżappuntat. Il-ħajja nisranija ma hijiex faċli, iżda n-nisrani ma għandu qatt jaqta’ qalbu. San Ġorġ Preca kien jgħid li ‘l-qtigħ ta’ qalb qatt ma jiġi min Alla, dejjem tentazzjoni tax-xitan’. L-aqwa arma kontra l-firdiet u l-qtigħ ta’ qalb huma t-talb u s-sawm kif smajna wkoll fl-ewwel qari.

Ġesù fl-evanġelju jgħid, Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa’. It-triq li kellha twassal għall-glorifikazzjoni ta’ Ġesù kienet dik tas-salib. Allura n-nisrani ma jistax isir jixbaħ lil Ġesù mingħajr is-salib. Huwa s-salib li jwassal għall-ġlorja. Is-salib huwa wkoll skola ta’ mħabba vera, dik l-imħabba li jistedinna għaliha Ġesù.  ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’. Is-salib huwa l-aqwa espressjoni ta’ mħabba u wkoll skola ta’ din l-imħabba. Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: lilna kif jagħrfuna li aħna nsara? Ġesù jgħidilna ċar u tond li d-dixxipli veri tiegħu jintagħrfu mill-imħabba ta’ bejniethom. Kemm għandna bżonn din il-ħaġa nżommuha quddiem għajnejna, għaliex faċli jiġrilna li għalina l-ħajja nisranija tkun tfisser ħafna affarijiet oħra, iżda ninsew jew nittraskuraw dak li Ġesù qed jgħidilna li huwa l-essenzjali.

San Ġwann fit-tieni qari tal-lum jgħidilna li s-salib mhux għal dejjem. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.Ġesù jgħallimna li jekk miegħu nbatu u nħobbu, miegħu ukoll għad ngħixu għal dejjem, hemm fejn hemm biss imħabba, ferħ, hena, u tgawdija t’Alla għal dejjem. Ix-xitan jipprova jagħmel minn kollox biex jaljenana minn dan id-destin tagħna, u sfortunatament huma ħafna li jaqgħu fix-xibka tiegħu, huma ħafna dawk li jagħżlu li jgawdu l-mument prezenti u jinsew dak li jibqa’ għal dejjem: in-nisrani veru jżomm ħarstu fissa fuq Ġesù, għax jaf li ż-żmien ta’ issa jgħaddi malajr, u miegħu jgħaddi dak kollu li huwa ta’ din id-dinja, dak li jibqa huwa Alla u l-imħabba vera.

Mulej Ġesù inti dejjem magħna, iżda l-aktar meta fil-ħajja ngħaddu minn xi wied mudlam. Għinna ħalli qatt ma nċedu għall-qtigħ ta’ qalb, iżda bi mħabba u tama nistennew sa ma ningħaqdu miegħek fil-ġlorja tal-Missier għal dejjem.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading