Il-Papa Ljun XIV lill-Korp Diplomatiku.

UDJENZA LILL-KORP DIPLOMATIKU AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Sala Clementina
Il-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju, 2025

Eminenza,
E
ċċellenzi,
Sinjuri,
il-paċi magħkom!

Irrodd ħajr lill-E.T. s-Sur George Poulides, Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Ċipru u Dekan tal-Korp Diplomatiku għad-diskors kordjali li indirizzali f’isimkom ilkoll u għall-ħidma sfiqa tiegħu li hu jwettaq bl-enerġija, il-passjoni u s-simpatija karatteristiċi tiegħu, talenti li ġibdu l-istima tal-predeċessuri kollha tiegħi li ltaqa’ magħhom tul dawn is-snin ta’ missjoni fi ħdan is-Santa Sede, u partikolarment tal-mibki Papa Franġisku.

Nixtieq nesprimi l-gratitudni għall-għadd kbir ta’ messaġġi ta’ awguri għall-ħatra tiegħi, kif ukoll għal dawk ta’ kondoljanzi għall-mewt tal-Papa Franġisku li waslu qabel, u li ġew ukoll minn pajjiżi li s-Santa Sede lanqas għandha relazzjonijiet diplomatiċi magħhom.  Dan hu ċertifikat kbir ta’ stima u ta’ inkoraġġiment biex ir-relazzjonijiet reċiproċi jissaħħu.

Id-djalogu ta’ bejnietna nixtieq li jkun imsejjes dejjem fuq is-sens li aħna lkoll familja – il-komunità diplomatika, infatti, tirrappeżenta l-familja sħiħa tal-popli -, li tqasam il-ferħ u n-niket tal-ħajja u l-valuri umani u spiritwali li janimawha.  Infatti, id-diplomazija pontifiċja hi espressjoni tal-istess kattoliċità tal-Knisja u fl-azzjoni diplomatika tagħha, is-Santa Sede  hi animata minn urġenza pastorali li timbuttaha mhux biex tfittex il-privileġġi iżda biex tintensifika l-missjoni evanġelika tagħha għas-servizz tal-umanità.  Hi tiġġieled kull indifferenza u l-ħin kollu tiġbed l-attenzjoni tal-kuxjenzi, kif għamel bla heda ta’ xejn il-meqjum predeċessur tiegħi, dejjem attent għas-sejħa tal-foqra, ta’ min hu fil-bżonn u tal-emarġinati, kif ukoll għall-isfidi li jikkaratterizzaw żmienna: il-ħarsien tal-ħolqien u l-intelliġenza artifiċjali.

Minbarra li hi sinjal konkret tal-attenzjoni li l-pajjiżi tagħkom jagħtu lis-Sede Appostolika, il-preżenza tagħkom illum hi don għalija, don li jippermettili nġeddilkom l-aspirazzjoni tal-Knisja – u tiegħi personalment – li tilħaq u tħaddan lil kull poplu u lil kull bniedem ta’ din l-art, il-bniedem imxennaq għall-ħtieġa tal-verità, tal-ġustizzja u tal-paċi!  F’ċertu sens, l-istess esperjenza ta’ ħajti li ssawret bejn l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika t’Isfel u l-Ewropa, tirrappreżenta din l-aspirazzjoni li tmur ‘l hinn mill-konfini biex tiltaqa’ ma’ persuni u kulturi diversi.

Permezz tal-ħidma bla waqfien u paċenzjuża tas-Segreterija tal-Istat għandi ħsieb insir nafkom aħjar u nsaħħaħ id-djalogu magħkom u mal-pajjiżi tagħkom, li matul ħajti kelli l-grazzja li nżur bosta minnhom, speċjalment meta kont Pirjol Ġenerali tal-Agostinjani.  Għandi fiduċja fil-Providenza Divina li se ttini aktar okkażjonijiet biex nitaqa’ mar-realtiajiet li intom ġejjin minnhom, u hekk naħtaf l-opportunitajiet li jiġuni biex nikkonferma fil-fidi tant aħwa mferrxin mad-dinja u nibni pontijiet ġodda mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

Fid-djalogu ta’ bejnietna nixtieq li nżommu f’moħħna tlett kelmiet-ċavetta, li huma l-pilastri tal-azzjoni missjunarja tal-Knisja u tal-ħidma diplomatika tas-Santa Sede.

L-ewwel kelma hi paċi.  Wisq drabi tiqies bħala kelma “negattiva”, jew aħjar bħala sempliċi nuqqas ta’ gwerer u ta’ kunflitti, għax il-kontrappożizzjoni hi fin-natura umana u tinsab dejjem fostna, u wisq spiss timbuttana biex inqattgħu ħajjitna kontinwament “fi stat ta’ kunflitt”: fid-dar, fuq ix-xogħol, fis-soċjetà.  Minħabba f’hekk, il-paċi titqies bħala sempliċi “waqfien mill-ġlied”, waqt ta’ mistrieħ bejn kunflitt u ieħor, għaliex, minkejja l-isforzi kollha tagħna, it-tensjonijiet dejjem preżenti qieshom il-ġamar taħt l-irmied lest biex jerġa jikbes f’ħin bla waqt.

Fil-perspettiva nisranija – kif ukoll f’dik ta’ esperjenzi reliġjużi oħra – qabel kollox, il-paċi hi don: l-ewwel don ta’ Kristu: “Intikom il-paċi tiegħi” (Ġw 14,27).  Però hi don attiv, affaxxinanti, li jinteressa u jimpenja lil kull wieħed u waħda minna, indipendentement minn liema kultura ġej u liema reliġjon iħaddan, u jesiġi li, qabel kollox, il-bniedem jipprattikaha fuqu nnifsu.  Il-paċi tissawwar fil-qalb u ibda mill-qalb, tqaċċat il-kburija u l-vendikazzjonijiet, u tqis il-kliem, għax mhux bl-armi biss, iżda bil-kliem ukoll il-bniedem jista’ jferi u joqtol.

F’dan il-dawl inqis li hu element fundamentali l-kontribut li r-reliġjonijiet u d-djalogu inter-reliġjuż jistgħu jagħtu favur il-paċi.  Naturalment, dan jesiġi rispett sħiħ lejn il-libertà reliġjuża f’kull pajjiż, għax l-esperjenza reliġjuża hi dimensjoni fundamentali tal-persuna umana, u meta nagħtuha l-ġenb tkun diffiċli, jekk mhux impossibbli, t-tisfija neċessarja tal-qalb għall-bini ta’ relazzjonijiet ta’ paċi.

Ibda minn dil-ħidma li lkoll għandna sejħa biex inwettqu, jistgħu ikunu eliminate l-premessi ta’ kull kunflitt u ta’ kull rieda qerrieda ta’ soppressjoni.  Dan jesiġi rieda sinċiera ta’ djalogu, imqanqla mix-xewqa tal-laqgħa fraterna aktar milli tal-konfrontazzjoni.   F’dil-perspettiva hemm bżonn jerġgħu jingħataw ħajja d-diplomazija multi-laterali u l-istituzzjonijiet internazzjonali li kienu maħsuba biex qabel kollox isibu rimedju għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu fi ħdan il-komunità internazzjonali.  Naturalment hemm bżonn ukoll ir-rieda li tieqaf il-produzzjoni ta’ strumenti ta’ qerda u mewt, għax kif kien fakkar il-Papa Franġisku fl-aħħar messaġġ tiegħu Urbi et Orbi, “ebda paċi mhi possibbli mingħajr disarm serju (u) il-ħtieġa li kull poplu jinvesti fid-difiża tiegħu ma tistax tinbidel f’tellieqa ġenerali għal aktar armamenti” (1).

It-tieni kelma hi ġustizzja. Biex ikun hemm il-paċi jeħtieġ li jkun hemm il-ġustizzja. Kif diġà għidt, għażilt l-isem jien u niftakar fil-Papa Ljun XIII, il-Papa tal-ewwel enċikika soċjali kbira, ir-Rerum novarum.  Fit-tibdil ta’ epoka li għaddejjin minnu, is-Santa Sede ma tistax taħrab milli ssemma’ leħinha quddiem l-iżbilanċ u l-inġustizzji li fost kollox iġibu kundizzjonijiet indenji fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà, fejn il-firdiet u l-kunflitti dejjem jiżdiedu.  Iżda hemm bżonn rimedju għad-diżugwaljanzi globali fejn il-lussu u l-faqar estrem qed iħaffru raddiet fondi bejn il-kontinenti, bejn il-pajjiżi u wkoll fi ħdan is-soċjetajiet individwalment.

Hu dmir ta’ min hu responsabbli fil-gvern biex jagħmel ħiltu ħalli jkun hemm soċjetà ċivili ġusta, armonika u paċifika.  Dan jista’ jsir l-ewwel u qabel kollox bl-investiment fil-famlija mwaqqfa fuq l-għaqda bejn raġel u mara, “soċjetà ċkejkna imma awtentika, anterjuri għal kull soċjetà ċivili” (2).  Minbarra dan, ħadd ma jista’ jfarfar ir-responsbbiltà biex jiffavorixxi kuntesti li fihom tkun imħarsa d-dinjità ta’ kull persuna, speċjalment tal-aktar fraġli u bla difiża, mit-tarbija fil-ġuf sal-anzjan, mill-marid sa min hu bla xogħol, kemm jekk ċittadin u wkoll jekk migrant.

L-istorja tiegħi personali hi dik ta’ ċittadin, dixxendenti ta’ migranti, li min-naħa tiegħu spiċċa migrant.  Aħna lkoll, matul ħajjitna, nistgħu nsibu ruħna f’sikkitna jew morda, naħdmu jew bla xogħol, fil-patrija jew f’art stranġiera: id-dinjità però tibqa’ dejjem l-istess, dik ta’ ħlejqa li Alla ried u ħabb.

It-tielet kelma hi verità.  Aħna ma nistgħux nibnu relazzjonijiet verament paċifiċi, anki, fi ħdan il-komunità internazzjonali, mingħajr il-verità.  Kull fejn il-kelma hi miftuħa għal tifsiriet ambigwi u ambivalenti, u d-dinja virtwali, bil-mod kif tibdel il-pereċezzjoni tar-realtà, tikseb supremazija bla kontroll, ikun diffiċli ħafna jinbnew relazzjonijiet awtentiċi, għax ikunu nieqsa l-premessi oġġettivi u reali tal-komunikazzjoni.

Min-naħa tagħha l-Knisja qatt ma tista’ taħrab milli tgħid il-verità dwar il-bniedem u dwar id-dinja, u kull meta meħtieġ tuża lingwaġġ bla kantunieri li għall-bidu jista joħloq xi ftit ta’ malintiz.  Però, il-verità qatt mhi mifruda mill-karità li fl-għeruq tagħha dejjem hemm il-preokkupazzjoni għall-ħajja u għall-ġid ta’ kull raġel u mara.  Mill-banda l-oħra, fil-perspettiva nisranija, il-verità mhix affermazzjoni ta’ prinċipji astratti u diżinkarnati, imma l-laqgħa mal-persuna ta’ Kristu nnifsu li jgħix fil-komunità ta’ dawk li jemmnu.  Hekk, il-verità mhux talli ma tbegħedniex, anzi tippermettielna naffrontaw b’aktar enerġija l-isfidi ta’ żmienna, bħalma huma l-migrazzjoni, l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali u l-ħarsien tal-maħbuba Art tagħna.  Huma sfidi li jitolbu l-impenn u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, għax ħadd m’għandha tgħaddilu minn rasu li jista’ jaffrontahom waħdu.

Għeżież Ambaxxaturi,

Il-ministeru tiegħi qed jibda fil-qalba tas-sena ġjubilari, dedikata b’mod partikolari għat-tama.  Hu żmien ta’ konverżjoni u tiġdid u, fuq kollox, okkażjoni biex nitfgħu wara spallejna l-kunflitti u nibdew mixja ġdida, animati mit-tama li nistgħu nibnu dment li naħdmu id f’id, kulħadd skont is-sensibbiltajiet u r-responsabbiltajiet tiegħu, dinja li fiha kulħadd ikun jista’ jikkonkretizza l-umanità propja tiegħu fil-ġustizzja u l-paċi.  Nawgura li dan iseħħ fil-kuntesti kollha, ibda minn dawk l-aktar imġarrba bħalma huma l-Ukrajna u l-Art Imqaddsa.

Irroddilkom ħajr għax-xogħol kollu li tagħmlu biex tibnu pontijiet bejn il-pajjiżi tagħkom u s-Santa Sede, u minn qalbi nbierek lilkom, lill-familji tagħkom u l-popli tagħkom.  Grazzi!

[Barka]

U grazzi tax-xogħol kollu li tagħmlu!

 __________________________________________________

[1] Messaġġ Urbi et Orbi, 20 ta’ April, 2025.

[2] Ljun XIII, Enċ. Rerum novarum (15 ta’ Mejju, 1891), 9.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading