Li tkun qassis

Riflessjoni ta’ Don Luigi Maria Epicoco, miġjuba għall-Malti minn Dun Joseph Bajada

In-nies taħseb li tkun qassis huwa xogħol. 
Wieħed li x’aktarx iqum filgħodu
u konvint li jista’ jarma mejda biex minn warajha
joqgħod ibigħ kliem, barkiet, santi u x’naf jien. 

In-nies taħseb li tkun qassis hija xi ħaġa ta’ barra minn hawn.
Wieħed li miskin forsi jbati biex jindiehes fl-affarijiet tal-ħajja
u li għalhekk isib kenn f’xi sagristija. 

Kulħadd jaf li xi darba bl-iskuża li tħobb lil Alla
tispiċċa biex ma tħobb lil ħadd.
Huwa minnu wkoll li xi drabi tinduna li Alla ltqajt miegħu tassew
għaliex ma tistax ma tħobbx lil kulħadd.
U li tħobb mhuwiex xogħol, imma hu li tħossok responsabli. 

Li tagħmilha ta’ qassis mhuwiex xogħol.
Hi l-istess ħaġa li tiġri lil min jitlef rasu għall-imħabba;
ma tikkalkula xejn aktar,
ħlief li twebbes xewqtek biex ma titlifx il-kobba suf
li taħseb li tkun sibt f’xi ħadd jew f’xi ħaġa.

Xi ħadd jaħseb li biżżejjed tilbes suttana u s-seħer iseħħ.
Imma s-suttana ma taħdimx jekk taħtha ma jkunx hemm bniedem,
raġel li jaf li hu l-aktar wieħed miskin u dgħajjef,
imma li madankollu xorta waħda ġie magħżul,
xorta waħda ġie maħbub. 
U kemm hu iebes tilqa’ t-toqol ta’ dik is-suttana
li llum tidher aktar maħmuġa bit-tradiment
ta’ min suppost kellu jħobb u minflok inqeda biss biha. 
Imma ma jimpurtax jekk ikollna nġorru fuq spallejna l-ħażen ta’ ħaddieħor. 
Imkien m’hemm miktub
li ssir qassis biex tidher tajjeb. 
Issir qassis biex issir qaddej li ma tiswa xejn, kif qal Ġesù. 
Qaddej li ma tiswa xejn ‘full-time’. 
L-imħabba ssalva biss jekk tkun b’xejn. 

Dan hu l-iskop ta’ kull imħabba vera:
li tħobb mingħajr ma tistenna xejn lura.
Li tħobb u daqshekk.
Kif jagħmlu omm, missier, ħabib ta’ veru,
u kull min jagħmel l-affarijiet bi mħabba.
L-imħabba meta hija b’xejn tagħmel il-mirakli.

Għalhekk jagħmel sens il-qassis.
Għaliex hu mqiegħed hemmhekk, qalb in-nies biex ifakkarhom
li hemm xi ħaġa li ta’ min jgħix, jiġġieled u xi drabi saħansitra jitlef ħajtu għaliha.
Huwa mqiegħed hemmhekk,
ħalli kulħadd ikollu d-dritt li jibża’ mill-ħajja, mill-mewt,
mill-affarijiet sbieħ u koroh li jiġru
u li spiss huma ikbar mill-ħiliet tagħna
u proprju għalhekk kultant jistorduna.
Madankollu, li jkollok id-dritt li tista’ tibża’
ma jfissirx li nħallu l-biża’ jiddeċiedi għalina.
Min iħobbok ma jgħidlikx li m’int ser tbati qatt,
li m’int ser tiżbalja qatt,

li m’int ser tibża’ qatt mill-affarijiet li ser jiġrulek,
imma jgħidlek li int tista’ tgħix dan kollu,
tilqa’ dan kollu,
taffronta dan kollu.
U jgħidlek dan, għaliex huwa miegħek.
Il-preżenza tiegħu hija l-aktar ħaġa li tikkonvinċik;
mhux tant il-kliem tiegħu,
ir-raġunar tiegħu,
inkella l-pariri tiegħu.

Issir qassis biex issir preżenza.
Issir qassis biex tagħmel jidher dak li ma jidhirx.
Kif jiġri fuq l-altar.
Kif jiġri meta tisma’ mingħajr pretensjoni jew ġudizzju.
Kif jiġri meta tagħfas id biex tagħmel il-qalb.
Kif jiġri meta tħaddan tarbija tibki,
jew inkella meta tmelles il-wiċċ ta’ min ikun qed imut.

Li tkun qassis mhuwiex xogħol,
huwa mod b’xejn ta’ kif tħobb.
Ma jiswa xejn bħal kull imħabba.
Ma jiswa xejn bħall-arja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading