NAGĦTIKOM IS-SLIEM TIEGĦI … MA NAGĦTIHULKOMX KIF TAGĦTIH ID-DINJA.
Minn Fr Michael A. Galea
Kienet is-sena 1981. Xi ribelli fil-Colombia ħatfu lil Chet Bitterman minn Pennsylvania, qatluh u telqu l-katavru tiegħu f’xarabank misruqa. Tistgħu timmaġinaw ir-rabja tal-Amerikani u tal-familjari tiegħu għal dan il-qtil bla sens. Għaddiet sena u bħala sinjal ta’ rieda tajba, diversi Knejjes u diversi gruppi minn Pennsylvania ġabru somma ta’ flus, xtraw ambulanza u rregalawha lill-istat Colombjan li fih ġie maqtul Chet Bitterman. Għall-preżentazzjoni ta’ din l-ambulanza, ta’ dan ir-rigal, kienu preżenti l-ġenituri u l-familjari ta’ Bitterman. Ommu qalet hekk: “Ninsabu hawn illum għax Alla saffielna qalbna mir-rabja u mill-mibgħeda li kellna f’qalbna u mlihielna bil-maħfra u bl-imħabba!”
Sinċerament ngħidilkom: “Kemm nixtieq li għandi f’qalbi din il-maħfra, din il-ħniena u din l-imħabba li kellha f’qalbha s-sinjura Bitterman.” Għaliex? Għax min għandu f’qalbu dil-maħfra, dil-ħniena u din l-imħabba żgur għandu qalbu f’postha, żgur għandu l-paċi tal-qalb u jien ngħid li l-isbaħ ħaġa u l-aqwa ħaġa li jista’ jkollu bniedem kemm idum fid-dinja hija l-paċi tal-qalb.
Wieħed tabib Amerikan fettillu jagħmel daqsxejn ta’ survey fost il-pazjenti tiegħu u għamlilhom mistoqsija sempliċi ħafna. Staqsihom x’jixtiequ l-aktar mill-ħajja u fil-ħajja. Ħaġa tal-iskantament: sebgħa u tmenin fil-mija tal-pazjenti intervistati ma semmgħux saħħa jew fejqan mill-mard tagħhom (kif wieħed jista’ jistenna) imma sempliċement is-sliem u l-paċi tal-qalb.
Min għandu f’qalbu s-sliem u l-paċi jkun jista’ jaffronta ħafna sitwazzjonijiet diffiċli. Meta fil-ħajja tinqala xi maltempata (u minn dawn il-maltempati jkollna ħafna, biċċa żgħar u biċċa kbar) il-Mulej għandu żewġ possibiltajiet: jew jikkalmalna l-maltempata jew inkella jikkalmalna ‘l qalbna. Ta’ l-ewwel hu miraklu u tat-tieni jista’ jkun miraklu ikbar!
Ħa niġi għall-vanġelu li għadni kemm qrajtilkom. Bħall-vanġelu tal-Ħadd li għadda, dan li qrajtilkom huwa silta oħra qasira mid-diskors twil li Ġesu’ jagħmel lill-appostli dak inhar tal-aħħar ċena. Jien naħseb li għal Ġesu’ bħala bniedem, diċ-ċena mhijiex xi ċena ħafifa, pjaċevoli, qed jieħu gost jiekol u jixrob ma’ ħbiebu. Fiċ-ċenaklu (jew fil-kamra ta’ fuq kif insibu fi mkejjen oħra) tinħass arja tqila: l-arja tat-tradiment: “Wieħed minnkom se jittradini.” Kulħadd beda jistaqsi: “Min, Mulej?” U Ġesu’ jgħid: “Dak li qed ibill biċċa ħobż fil-platt tiegħi!” Iktar minn hekk fiċ-ċenaklu tinħass tensjoni kbira: it-tensjoni tal-passjoni u tal-mewt ta’ Ġesu’. Ġesu’ jaf li sejjer għall-mewt. Sadanittant, minkejja din l-arja tqila u din it-tensjoni kbira, Ġesu’ jitkellem magħna fuq is-sliem, fuq il-paċi tal-qalb. “Jiena nħallielkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi, ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja….Għalhekk tħallux qalbkom titħawwad u titbeżża’.”
Ftit ilu għedtilkom: l-akbar xewqa tagħna hija li jkollna l-paċi tal-qalb, nixtiequ li qalbna tkun f’postha u nippruvaw minn kollox biex naslu għal din il-paċi għal dan is-sliem, għal din il-kuntentizza u għal dan il-ferħ. Fil-fatt kulma nagħmlu fil-ħajja (naħdmu, nistinkaw, inġemmgħu l-flus, niddevertu…) nagħmluh biex nkunu ferħanin. Pero’ x’jiġri ħafna drabi? Jiġri li qalbna nippruvaw nimlewha b’dak li toffrielna d-dinja u dak li toffrielna d-dinja, waħdu mhux biżżejjed biex inkunu f’postna. Kien hemm żagħżugħ li ipprova minn kollox u għamel minn kollox biex ikun ferħan. Għaddew is-snin u nduna li dak li kien qed jagħmel kien kollu żbaljat. Dar lejn Alla u qallu: “Mulej, inti ħlaqtna għalik u qalbna ma ssibx kwiet qabel tistrieħ fik!” Dan iż-żagħżugħ li mbagħad għamel ħafna ġid kien Sant’Wistin.
F’dal-vanġelu Ġesu’ beda biex qalilna: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu.” Mela l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti t’Alla u l-ubbidjenza lejn dak li qalilna Ġesu’ hija waħda mit-toroq biex it-Trinita’ qaddisa tiġi tgħammar fina. Biex inżewwaq ftit dan li qed ngħid ħa naqralkom riflessjoni u fl-istess ħin talba li Michel Quoist, kittieb Franċiż, jagħmel hu u jħares lejn tarbija rieqda għadha kemm irċeviet il-magħmudija. Jgħid hekk Michel Quoist: “Ersaqt lejn din it-tarbija innoċenti biex niltaqa’ mat-Trinita’ Qaddisa, qegħda tgħix f’din ir-ruħ nadifa, b’idejha mitluqin fuq il-liżar irrakkmat, għajnejha magħluqin u sidirha tiela’ u nieżel bil-mod il-mod. Fid-dar hemm il-ħajja: id-dar hija abitata…Mulej, int tinsab hawn, ġo dan it-tempju ċkejken. Nadurak f’din it-tarbija, xbieha tiegħek. Għinni nerġa’ nsir bħal din it-tarbija ċkejkna. Għinni nsib ix-xbieha tiegħek, midfuna ‘l isfel, fil-fond ta’ qalbi.”
Imbagħad Ġesu’ jwegħdhom l-Ispirtu s-Santu. Meta jkun il-waqt, dan l-Ispirtu s-Santu se jinżel fuq l-appostli u jagħmilhom Knisja li twassal il-bxara t-tajba lill-bnedmin kollha, Knisja li tiċċelebra l-Ewkaristija u s-sagramenti l-oħra u Knisja li biex id-dinja pagana temminha trid tkun Knisja fqira u li tagħmel karita’ ma’ min hu fqir. L-Ispirtu s-Santu jfakkar lill-appostli, lis-suċċessuri tagħhom u lill-insara ta’ kull żmien dak kollu li għamel u li għallem Ġesu’. L-aħħar ħsieb. Fl-aħħar ċena, Ġesu’ jgħid lill-appostli tiegħu: “Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Minn dan il-kliem ta’ Ġesu’ jidher ċar li Ġesu’ għandu l-valuri tiegħu u d-dinja għandha l-valuri tagħha. Liema se nagħżlu: dawk ta’ Ġesu’ jew dawk tad-dinja? Hija kwistjoni ta’ x’nixtiequ li jkollna f’qalbna: irridux il-ferħ ta’ Ġesu’ li jtul matul iż-żmien jew inkella l-pjaċir li jispiċċa u jdub mar-riħ!
Nispiċċa b’fatt veru. Kien is-Sibt 2 t’Awwissu 1980 fl-għaxra u ħamsa u għoxrin minuta ta’ fil-għodu. Splużjoni qawwija għamlet ħerba mill-istazzjon tal-ferrovija ta’ Bologna. Kien attentat maħsub min neofaxxisti tal-Italja. Fost il-mejtin kien hemm il-familja Mauri minn Como: miet Pietro l-missier, mietet l-omm u mietet l-ewwel tarbija tagħhom. Xi sitt xhur wara miet missier Pietro u wara ħafna talb, direzzjoni spiritwali u dixxerniment, Giuseppina Mauri li issa kellha 60 sena daħlet soru mas-sorijiet klawstrali tal-Viżitazzjoni. Lil wieħed ġurnalista li mar jintervistaha qaltlu: “Ikteb u għid lid-dinja li jien ninsab kuntenta u għandi ħafna paċi f’qalbi!”