Il-Papa Ljun XIV fi tmiem Rużarju fil-ġonna tal-Vatikan.

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FI TMIEM IR-RUŻARJU FIL-ĠONNA TAL-VATIKAN
Grotta ta’ Lourdes fil-Ġonna tal-Vatikan
Is-Sibt 31 ta’ Mejju 2025

Għeżież ħuti,

Ningħaqad magħkom bil-ferħ f’din il-Velja ta’ talb fi tmiem ix-Xahar ta’ Mejju. Huwa ġest ta’ fidi li bih b’mod sempliċi u devot qed ninġabru taħt il-mant matern ta’ Marija. Imbagħad, din is-sena dan ifakkar xi aspetti importanti tal-Ġublew li qed niċċelebraw: it-tifħir, il-mixja, it-tama u, fuq kollox, il-fidi mmeditata u mmanifestata b’mod korali.

Tlabtu flimkien ir-Rużarju mqaddes: talba, kif kien saħaq San Ġwanni Pawlu II, b’fiżjonomija Marjana u b’qalb Kristoloġika, li “tiġbor fiha l-profondità tal-messaġġ sħiħ tal-Vanġelu” (Ittra appostolika Rosarium Virginis Mariæ, 16 ta’ Ottubru 2002, 1).

U fil-fatt, bil-meditazzjoni tal-Misteri tal-Ferħ, matul il-mixja li għamiltu, dħaltu u waqaftu, bħal f’pellegrinaġġ, f’tant postijiet tal-ħajja ta’ Ġesù: fid-dar ta’ Nazaret ikkontemplajtu t-Tħabbira, f’dik ta’ Żakkarija kkontemplajtu l-Viżitazzjoni – li ċċelebrajna llum –, fl-għar ta’ Betlehem ikkontemplajtu t-Twelid, fit-Tempju ta’ Ġerusalemm ikkontemplajtu l-Preżentazzjoni u mbagħad is-sejba mill-ġdid ta’ Ġesù. Fis-Sliema mtennija bil-fidi, seħbukom il-kelmiet tal-Anġlu lil Omm Alla: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (Lq 1:28) –, u dawk ta’ Eliżabetta li tilqagħha bil-ferħ: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42).

Hekk, il-passi tagħkom kienu mmarkati mill-Kelma ta’ Alla, bir-ritmu tagħha, bil-mixi tagħha, bil-waqfiet u bit-tluq tagħha, proprju kif ġralu l-poplu ta’ Iżrael fid-deżert, fil-vjaġġ lejn l-Art imwiegħda.

Ejjew mela nħarsu lejn il-ħajja tagħna bħala mixja wara Ġesù, li rridu nimxu, kif għamilna llejla, flimkien ma’ Marija. U nitolbu lill-Mulej li nkunu nistgħu nfaħħruh ta’ kuljum, “bil-ħajja u bl-ilsien, bil-qalb u bil-fomm, bil-leħen u bl-imġiba” (Santu Wistin, Diskors 256, 1), waqt li nevitaw l-istonaturi: l-ilsien intonat mal-ħajja u l-fomm mal-kuxjenza (ara ibid.).

Insellem lis-Sinjuri Kardinali preżenti, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati u l-fidili kollha. Nixtieq nesprimi, b’mod partikulari, l-affett u l-gratitudni tiegħi lejn is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru Mater Ecclesiæ, li bit-talb moħbi u kostanti tagħhom isostnu l-komunità tagħna u l-ħidma tagħna.

Jalla l-ferħ ta’ dan il-mument jibqa’ u jikber fina, “fil-ħajja tagħna personali u familjari, f’kull ambjent, speċjalment fil-ħajja ta’ din il-familja li hawn fil-Vatikan taqdi lill-Knisja universali” (Benedittu XVI, Għeluq tax-xahar ta’ Mejju, 31 ta’ Mejju 2012). Il-Mulej iberikna u jseħibna dejjem, u Marija tidħol għalina. Grazzi!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading