Il-Papa Ljun XIV fir-Regina Caeli tas-7 Ħadd tal-Għid u l-Ġublew tan-Nanniet u Anzjani.

IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
FI TMIEM IL-QUDDIESA

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 1 ta’ Ġunju, 2025

Fi tmiem din l-Ewkaristija, nixtieq insellmilkom ilkoll minn qalbi, intom li qed tieħdu sehem fil-Ġublew tal-Familji, tat-Tfal, tan-Nanniet u tal-Anzjani!

Ġejtu minn kull naħa tad-dinja; hawn delegazzjonijiet minn mija u wieħed u tletin pajjiż.  Inħossni hieni nilqa’ tant tfal, li jagħtu ħajja ġdida lit-tama tagħna!  Insellem lill-familji kollha, knejjes domestiċi żgħar, li fi ħdanhom l-Evanġelju huwa milqgħuh u mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra.  Il-familja – kien jgħid San Ġwanni Pawli II – taf il-bidu tagħha lill-imħabba li biha l-Ħallieq iħaddan il-ħolqien kollu (Ittra Gratissimum sane, 2).  Jalla l-fidi, it-tama u l-karità jitkattru dejjem fil-familji tagħna.  Tislima speċjali lin-nanniet u lill-anzjani.  Intom il-mudell ġenwin tal-fidi u ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.  Grazzi li ġejtu hawn!

Insellem ukoll lill-pellegrini kollha li hawn preżenti, partikolarment lil dawk mid-Djoċesi ta’ Mondovì, fil-Piemonte.

Illum, fl-Italja u f’diversi pajjiżi ssir iċ-ċelebrazzjoni tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.  Festa sabiħa li tgħinna nħarsu lejn l-għan tal-vjaġġ tagħna fid-dinja.  B’dal-ħsieb infakkar li lbieraħ fi Braniewo, fil-Polonja, kienu beatifiakti Cristofora Klomfass u erbatax-il konsorelli tal-Kongregazzjoni ta’ Santa Katerina Verġni u Martri, li nqatlu fl-1945 mis-suldati tal-Armata l-Ħamra f’territorji li llum jagħmlu parti mill-Polonja. Minkejja l-klima ta’ mibegħda u terrur kontra l-fidi kattolika, kienu baqgħu jservu lill-morda u lill-orfni.

Nafdaw fl-interċessjoni ta’ dawn il-Beati l-ġodda lir-reliġjużi nisa kollha li fid-dinja jagħtu ħajjithom bil-ġenerożità għas-Saltna t’Alla.

Infakkar ukoll li llum hu l-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali u rrodd ħajr lill-operaturi tal-medja li bl-attenzjoni li jagħtu lill-kwalità etika tal-messaġġi, jgħinu lill-familji fil-qadi tad-dmirijiet edukattivi tagħhom.

Jalla l-Verġni Marija tbierek il-familji u ssostniehom fid-diffikultajiet tagħhom: niftakar speċjalment f’dawk li qed isofru minħabba l-gwerra fil-Lvant Nofsani, fl-Ukrajna u fi nħawi oħra tad-dinja.  L-Omm t’Alla tgħinna nimxu flimkien fit-triq tal-paċi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading