Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Ġublew tal-Familji, Nanniet u Anzjani.

ĠUBLEW TAL-FAMILJI, TAN-NANNIET U TAL-ANZJANI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-VII Ħadd tal-Għid
Il-Ħadd 1 ta’ Ġunju 2025

Il-Vanġelu li għadu kemm tħabbar jurina lil Ġesù li, fl-Aħħar Ċena, jitlob għalina (ara Ġw 17:20): il-Verb ta’ Alla, magħmul bniedem, issa qrib it-tmiem tal-ħajja tiegħu fuq din l-art, jaħseb fina, f’ħutu, u jsir barka, supplika u tifħir lill-Missier, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U aħna wkoll, aħna u deħlin, mimlija stagħġib u fiduċja, fit-talba ta’ Ġesù, niġu involuti mill-istess imħabba tiegħu fi proġett kbir, li jmiss lill-bnedmin kollha.

Kristu fil-fatt jitlob li nkunu lkoll “ħaġa waħda” (v. 21). Dan hu l-akbar ġid li jista’ jiġi mixtieq, għax din l-għaqda universali twettaq fost il-ħlejjaq il-komunjoni eterna ta’ mħabba li fiha jidher Alla nnifsu, bħala Missier li jagħti l-ħajja, Iben li jirċeviha u Spirtu li jaqsamha.

Il-Mulej ma jridx li aħna, biex ningħaqdu, nagħmlu dan f’massa bla distinzjoni, bħal blokka anonima, imma jixtieq li nkunu ħaġa waħda: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (v. 21). L-għaqda, li għaliha jitlob Ġesù, allura hija komunjoni msejsa fuq l-imħabba nfisha li biha Alla jħobb, li minnha d-dinja tirċievi l-ħajja u s-salvazzjoni. U bħala tali hija qabelxejn don, li Ġesù jiġi biex jagħtina. Fil-fatt, huwa mill-qalb tal-bniedem li l-Iben ta’ Alla jdur lejn il-Missier u jgħidlu: “Jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili” (v. 23).

Nisimgħu mistagħġba dawn il-kelmiet: Ġesù qed jurina li Alla jħobbna kif iħobb lilu nnifsu. Il-Missieri ma jħobbniex inqas minn kemm iħobb lil Ibnu l-Waħdieni, jiġifieri bla tarf. Alla ma jħobbx inqas, għax iħobb qabel, iħobb l-ewwel wieħed! Dan jixhdu Kristu nnifsu meta jgħid lill-Missier: “Int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (v. 24). U huwa proprju hekk: fil-ħniena tiegħu, Alla sa minn dejjem irid jiġbed lejh il-bnedmin kollha, u hija l-istess ħajja tiegħu, mogħtija għalina fi Kristu, li tagħmilna ħaġa waħda, li tgħaqqadna bejnietna.

Li nisimgħu dan il-Vanġelu llum, fil-Ġublew tal-Familji u tat-Tfal, tan-Nanniet u tal-Anzjani, jimliena bil-ferħ.

Għeżież, aħna ma rċivejniex il-ħajja qabel ma xtaqnieha. Kif għallem il-Papa Franġisku, “il-bnedmin kollha huma wlied, imma ħadd minna ma għażel li jitwieled” (Angelus, 1 ta’ Jannar 2025). Mhux biss. Malli twelidna aħna ġejna bżonn tal-oħrajn biex ngħixu, waħidna ma kienx ħa jirnexxilna: huwa xi ħadd ieħor li salvana, ħa ħsieb tagħna, tal-ġisem tagħna kif ukoll tal-ispirtu tagħna. Aħna lkoll allura ngħixu grazzi għal relazzjoni, jiġifieri għal rabta ħielsa u ħelliesa ta’ umanità u ta’ għożża ta’ xulxin.

Huwa minnu, xi drabi din l-umanità tisfa ttraduta. Ngħidu aħna, kull darba li niddubbaw bil-libertà mhux biex nagħtu l-ħajja, imma biex neħduha, mhux biex ngħinu, imma biex noffendu. Madankollu, anki quddiem il-ħażen, li jeħodha kontra u joqtol, Ġesù jkompli jitlob lill-Missier għalina, u t-talba tiegħu qisha balzmu fuq il-ġrieħi tagħna, u ssir għal kulħadd aħbar ta’ maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni. Din it-talba tal-Mulej tagħti tifsira sħiħa lill-mumenti mdawlin ta’ meta nħobbu lil xulxin, bħala ġenituri, nanniet, ulied. U dan hu li rridu nħabbru lid-dinja: aħna ninsabu hawn biex inkunu “wieħed” kif il-Mulej iridna “wieħed”, fil-familji tagħna u hemm fejn aħna ngħixu, naħdmu u nistudjaw: differenti, imma wieħed, ħafna, imma wieħed, dejjem, f’kull ċirkustanza u f’kull età tal-ħajja.

Għeżież, jekk inħobbu lil xulxin b’dan il-mod, fuq il-fundament ta’ Kristu, li hu “l-alfa u l-omega”, “il-bidu u t-tmiem” (ara Apok 22:13), inkunu sinjal ta’ paċi għal kulħadd, fis-soċjetà u fid-dinja. U ma ninsewx: mill-familji jitnissel il-futur tal-popli.

Fl-aħħar għexieren ta’ snin irċivejna sinjal li jagħti l-ħajja u fl-istess waqt iġagħalna nirriflettu: qed nirriferi għall-fatt li ġew ipproklamati Beati u Qaddisin persuni miżżewġa, u mhux separatament, imma flimkien, bħala koppji miżżewġa. Qed naħseb f’Louis u Zélie Martin, il-ġenituri ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù; kif ukoll fil-Beati Luigi u Maria Beltrame Quattrocchi, li l-ħajja tagħhom ta’ familja għexuha f’Ruma fis-seklu l-ieħor. U ma ninsewx il-familja Polakka Ulma: ġenituri u wlied magħqudin fl-imħabba u fil-martirju. Kont qed ngħid li hu sinjal li jġagħalna naħsbu. Iva, joqogħdu bħala xhieda eżemplari tal-miżżewġin, għax il-Knisja tgħidilna li d-dinja tal-lum għandha bżonn tal-patt konjugali biex tagħraf u tilqa’ l-imħabba u tegħleb, bil-qawwa tiegħu li tgħaqqad u tirrikonċilja, il-forzi li qed iżarmaw ir-relazzjonijiet u s-soċjetajiet.

Għalhekk, bil-qalb mimlija rikonoxxenza u tama, lilkom il-miżżewġin ngħidilkom: iż-żwieġ ma huwiex ideal, imma l-kanoni tal-vera mħabba bejn ir-raġel u l-mara: imħabba totali, fidila, għammiela (ara San Pawlu VI, Ittra Enċiklika Humanæ vitæ, 9). Waqt li tibdilkom f’ġisem wieħed, din l-istess imħabba tagħmilkom kapaċi tagħtu ħajjitkom, fuq ix-xbieha ta’ Alla.

Għalhekk inħeġġiġkom tkunu, għal uliedkom, eżempji ta’ koerenza, u ġġibu ruħkom kif tridu li huma jġibu ruħhom, tedukawhom għal-libertà permezz tal-ubbidjenza, tfittxu dejjem fihom it-tajjeb u l-mezzi biex tkabbruh. U intom, ulied, kunu grati lejn il-ġenituri tagħkom: għidu “grazzi”, għad-don tal-ħajja u għal dak kollu li miegħu jingħata lilna ta’ kuljum, dan hu l-ewwel mod kif tweġġħu lil missierkom u lil ommkom (ara Eż 20:12). Fl-aħħar nett lilkom, għeżież nanniet u anzjani, nirrakkomandalkom tgħassu fuq dawk li tħobbu, b’għerf u mogħdrija, bl-umiltà u s-sabar li jgħallmu s-snin.

Fil-familja, il-fidi ngħadduha flimkien mal-ħajja, minn nisel għall-ieħor: tiġi maqsuma bħall-ikel fuq il-mejda u l-imħabbiet tal-qalb. Dan jagħmilha post ipprivileġġjat li fih niltaqgħu ma’ Ġesù, li jħobbna u jrid il-ġid tagħna, dejjem.

U nixtieq inżid ħaġa tal-aħħar. It-talba tal-Iben ta’ Alla, li timliena bit-tama matul it-triq, tfakkarna wkoll li jum wieħed għad inkunu lkoll uno unum (ara Santu Wistin, Sermo super Ps. 127): ħaġa waħda fil-Feddej waħdieni, imħaddna mill-imħabba eterna ta’ Alla. Mhux aħna biss, imma anki l-missirijiet u l-ommijiet, in-nanniet, l-aħwa u l-ulied li diġà telqu qabilna fid-dawl tal-Għid etern tiegħu, u li nħossuhom preżenti hawn, flimkien magħna, f’dan il-mument ta’ festa.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading