135 akkademiku tal-Università ta’ Malta mħassba dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-ewtanasja

13/06/2025: L-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja f’Malta se jkomplu jdgħajfu is-servizzi ta’ kura paljattiva offruti, li bħalissa mhumiex biżżejjed għax hemm nuqqas ta’ diversi servizzi. Din il-proposta tal-Gvern tikkontradixxi l-isforzi li qed isiru fil-pajjiż għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Minflok, għandu jsir aktar investiment biex tissaħħaħ il-kura paljattiva u jiġu evitati trattamenti mediċi bla bżonn.

Dawn huma xi wħud mit-tħassib ewlieni mniżżla f’position paper miktuba minn grupp ta’ akkademiċi minn diversi oqasma mill-Università ta’ Malta, b’reazzjoni għad-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat ix-xahar li għadda mill-Gvern Malti dwar l-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja assistita.

Aqra u niżżel il-position paper tal-akkademiċi dwar l-ewtanasja f’MaltaDownload

L-akkademiċi jenfasizzaw li, għalkemm il-proposta tal-Gvern hi msejħa “ewtanasja volontarja assistita”, dak li qed jiġi propost fil-fatt jinkludi kemm suwiċidju assistit—fejn il-persuna tagħmel l-att finali li jwassal għall-mewt tagħha—kif ukoll l-ewtanasja, fejn l-att finali jitwettaq minn persuna oħra.

L-akkademiċi jargumentaw li l-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja mhijiex ġustifikata. Dan għaliex is-servizzi ta’ kura paljattiva (jiġifieri l-appoġġ mediku, emozzjonali, soċjali u spiritwali mogħti lill-pazjenti fl-aħħar ta’ ħajjithom, u lil qrabathom) jistgħu jindirizzaw b’mod adegwat u effettiv l-uġigħ u t-tbatija meta dawn is-servizzi jkunu qed jingħataw kif meħtieġ.

Il-135 akkademiku jkomplu jargumentaw li l-introduzzjoni ta’ suwiċidju assistit u l-ewtanasja jpoġġu f’riskju lill-persuni vulnerabbli, partikularment dawk li jistgħu jħossuhom ta’ piż fuq ħaddieħor. Persuni b’riżorsi finanzjarji limitati u b’appoġġ soċjali inadegwat jistgħu jkunu aktar suxxettibbli li jiġu mġiegħla jagħżlu li jmutu b’dan il-mod. B’hekk, l-għażla li wieħed imut tista’ ssir obbligu li wieħed imut.

Huma qed isostnu wkoll li l-introduzzjoni ta’ din il-liġi tfixkel id-dritt fundamentali għall-ħajja, dritt li l-liġijiet għandhom l-obbligu li jipproteġu. Għandha tingħata aktar importanza għar-rikonoxximent tad-dritt morali u legali tal-pazjenti li jirrifjutaw trattament mediku meta dan ma joffrix tama, u jiġu evitati trattamenti mediċi żejda li sempliċement iwasslu biex il-proċess tal-mewt jitwal bla bżonn. L-akkademiċi jħeġġu li għandha ssir aktar edukazzjoni u jkun hemm linji gwida ċari dwar l-użu tas-sedazzjoni paljattiva (palliative sedation).

B’reazzjoni għall-argument li s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja huma espressjoni ta’ awtonomija personali, l-akkademiċi jisħqu li l-awtonomija qatt mhi assoluta. Kull pesuna dejjem tagħmel parti minn xibka wiesgħa ta’ relazzjonijiet. Barra minn hekk, l-akkademiċi għandhom ukoll tħassib li d-dritt għal oġġezzjoni tal-kuxjenza se jiddgħajjef jekk il-professjonisti jkunu obbligati jirreferu lill-pazjenti għand oħrajn li lesti jaċċettaw it-talba tagħhom għas-suwiċidju assistit jew l-ewtanasja.

Tħassib ieħor hu dwar il-proposta li l-mewt permezz tal-ewtanasja tiġi rreġistrata bħala mewt naturali, li twassal għal nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà fil-qafas leġiżlattiv.

Id-dokument jagħlaq b’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet immirati biex titjieb f’Malta l-kura u l-għożża lejn dawk li jkunu waslu fl-aħħar stadji ta’ ħajjithom. Dawn jinkludu: l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Kura Paljattiva għal Malta 2025-2035; il-protezzjoni legali għad-dritt tal-pazjenti li jirrifjutaw trattament mediku u taħriġ lill-professjonisti mediċi dwar dan; kampanji ta’ għarfien biex tiżdied il-kuxjenza dwar il-kura paljattiva; u l-promozzjoni ta’ programmi ta’ kura volontarja biex tissaħħaħ is-solidarjetà u l-kultura ta’ kompassjoni fis-soċjetà Maltija.

Din il-position paper, iffirmata minn 135 akkademiku, se tiġi ppreżentata wkoll lill-Membri Parlamentari.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading